Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Attivitajiet tal-UE biex jiġi miġġieled id-doping fl-isport

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Attivitajiet tal-UE biex jiġi miġġieled id-doping fl-isport

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(99) 643 final) — pjan ta’ appoġġ biex jiġi miġġieled id-doping fl-isport

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Dan jistabbilixxi l-azzjoni ppjanata u meħuda biex jiġi indirizzat id-doping fl-isport, inkluż l-użu ta’ strumenti tal-Unjoni Ewropea (UE) (riċerka, edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ, kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, saħħa pubblika) u l-koordinazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi eżistenti.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni stabbiliet approċċ bi tliet saffi sabiex tindirizza d-doping fl-isport:

  • il-ġbir ta’ opinjonijiet tal-esperti dwar id-dimensjonijiet etiċi, legali u xjentifiċi tad-doping;
  • il-kontribuzzjoni għat-tħejjija tal-Konferenza Dinjija Kontra d-Doping tal-1999 u biex tinħoloq l-Aġenzija Dinjija kontra d-Doping (WADA);
  • il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti tal-UE bl-għan li jiġu ssupplimentati l-azzjonijiet tagħhom li diġà jinsabu għaddejjin fil-pajjiżi tal-UE u biex dawn jingħataw dimensjoni tal-UE, filwaqt li jitqiesu ż-żieda fil-mobbiltà tal-isportivi Ewropej u s-setgħat tal-UE b’rabta mad-doping.

Grupp Ewropew dwar l-Etika

Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha sabiex tqis, fl-azzjonijiet u d-deliberazzjonijiet futuri tagħha, elementi tal-opinjoni tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (EGE). Dan il-grupp stabbilixxa l-prinċipji etiċi li fuqhom iridu jkunu bbażati l-miżuri tal-UE:

  • id-drittijiet ta’ kulħadd, kemm sportivi kif ukoll persuni oħrajn, għas-sigurtà u s-saħħa;
  • il-prinċipju ta’ integrità u trasparenza, li minħabba fih trid tiġi żgurata l-konsistenza tal-kompetizzjonijiet sportivi u tiġi ppreservata l-immaġini tal-isport inġenerali;
  • l-attenzjoni speċjali li trid tingħata lill-aktar persuni vulnerabbli u, b’mod partikolari, lit-tfal, li jistgħu jkunu involuti ħafna fi sport ta’ livell għoli.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, l-EGE ssuġġerixxa għadd ta’ miżuri inkluż:

  • l-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ tas-saħħa għall-atleti effettiva, b’mod partikolari servizz mediku, psikoloġiku u ta’ informazzjoni speċjalizzat;
  • l-adozzjoni ta’ direttiva dwar il-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jaspiraw li jsiru professjonali;
  • il-promozzjoni tar-riċerka dwar is-saħħa tal-atleti;
  • aktar kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja;
  • l-inkorporazzjoni ta’ kundizzjonijiet relatati mad-doping u l-projbizzjoni tiegħu fil-kuntratti tal-atleti.

Aġenziji kontra d-doping

  • Il-prevenzjoni tad-doping u s-sanzjonijiet kontra d-doping huma r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet sportivi u tal-pajjiżi tal-UE.
  • Il-Kummissjoni tappoġġa l-ġlieda kontra d-doping u r-rwol tal-WADA, tal-organizzazzjonijiet nazzjonali kontra d-doping, laboratorji akkreditati, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO.
  • Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-doping ippreżenta l-ewwel reviżjonijiet tal-UE għall-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping tal-WADA fl-2012.
  • Il-Kummissjoni ħadmet flimkien mal-pajjiżi tal-UE biex tiżgura li r-regoli u l-proċeduri kollha relatati mal-Kodiċi Dinji Kontra d-Doping ġdid tal-2015 jikkonformaw mad-dritt tal-UE u mal-viżjoni tal-UE għal sistema kontra d-doping favur l-atleti.

Strumenti tal-UE

L-azzjonijiet li jagħmlu użu mill-istrumenti tal-UE jiġu f’żewġ forom:

  • koordinazzjoni mtejba tal-miżuri regolatorji;
  • il-mobilizzazzjoni tal-programmi tal-UE li jistgħu jappoġġaw miżuri pożittivi kontra d-doping fil-livell tal-UE.

Dawn l-azzjonijiet jiffukaw fuq dawn li ġejjin:

  • l-intensifikazzjoni tal-isforzi biex jiġu identifikati s-sustanzi tad-doping, il-metodi ta’ skoperta, il-konsegwenzi fuq is-saħħa tad-doping u d-doping bħala fenomenu soċjoekonomiku;
  • il-mobilizzazzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-programmi għaż-żgħażagħ bl-iskop li jkun hemm informazzjoni u taħriġ, it-trawwim tal-għarfien u programmi ta’ prevenzjoni;
  • l-użu sħiħ tal-programmi ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja;
  • it-tisħiħ tal-informazzjoni dwar id-drogi;
  • l-iżvilupp ta’ miżuri fil-qasam tal-politika tas-saħħa pubblika.
  • Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 ħeġġet lill-pajjiżi tal-UE sabiex:
    • jadottaw u jikkondividu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għal kontra d-doping bl-għan li tkun żgurata l-koordinazzjoni fost il-partijiet kollha rilevanti;
    • ikomplu bit-tendenza eżistenti fil-pajjiżi tal-UE li jintroduċu regoli tal-liġi kriminali kontra l-kummerċ ta’ sustanzi tad-doping minn netwerks organizzati, jew biex jiġu rrinfurzati r-regoli eżistenti.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara

DOKUMENTI EWLENIN

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju biex jiġi miġġieled id-doping fl-isport (COM(99) 643 final, 1.12.1999)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (COM(2011) 12 final, 18.1.2011)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/304/UE tal-10 ta’ Ġunju 2013 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea li tipparteċipa, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 170, 22.6.2013, pp. 62-65)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017) (ĠU C 183, 14.6.2014, pp. 12–17)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-Bord ta’ Fondazzjoni tal-WADA u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha qabel il-laqgħat tal-WADA (ĠU C 372, 20.12.2011, pp. 7–9)

l-aħħar aġġornament 09.01.2017

Top