Help Print this page 
Title and reference
Sistema ta' perspettivi finanzjarji u tal-qafas finanzjarju pluriannwali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema ta' perspettivi finanzjarji u tal-qafas finanzjarju pluriannwali

Il-prijoritajiet baġitarji inkwadrati mill-ftehimiet interistituzzjonali

Matul is-snin 80, il-bilanċ politiku u istituzzjonali tar-reġim finanzjarju tal-Komunità kien ikkaratterizzat minn tensjonijiet dejjem aktar imqanqla. Dan l-ambjent ta' kunflitt fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill) jissarraf f'funzjonament dejjem aktar diffiċli tal-proċedura baġitarja annwali, ta' żbilanċi baġitarji u nuqqas ta' addattament dejjem akbar tar-riżorsi għall-bżonnijiet Komunitarji. Din hija r-raġuni għalfejn il-Komunità stabbilixxiet sistema intiża biex ittejjeb l-iżvolġiment tal-proċedura baġitarja.

Permezz tal-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali (FII), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiftiehmu bil-quddiem dwar il-prijoritajiet ewlenin baġitarji ta' perjodu pluriannwali. Dawn il-prijoritajiet baġitarji jissarrfu fl-inkwadrar tal-ispejjeż komunitarji (il-qafas finanzjarju pluriannwali), fil-forma ta' perspettivi finanzjarji. Is-sistema tal-perspettivi finanzjarji b'hekk ittejjeb l-iżvolġiment tal-proċedura baġitarja u tiggarantixxi r-rispett tad-dixxiplina baġitarja. Il-qafas finanzjarju pluriannwali ma jissemmiex fit-trattati.

Perspettivi finanzjarji u l-qafas finanzjarju pluriannwali: assigurazzjoni tad-dixxiplina baġitarja

Il-qafas finanzjarju pluriannwali jimplika l-portata massima u l-kompożizzjoni tal-ispejjeż prevedibbli tal-Komunità. L-ewwel FII ġie konkluż fl-1988 biex jippermetti l-applikazzjoni tal-perspettivi finanzjarji 1988-1992 (“Pakkett Delors I”) intiżi biex jistabbilixxu r-riżorsi meħtieġa biex jakkumpanjaw l-implimentazzjoni baġitarja tal-Att Uniku. Sussegwentement, il-perspettivi finanzjarji ġew imġedda fl-1992 għall-perjodu 1993-1999 (“Paquet Delors II”), fl-1999 għall-perjodu 2000–2006 (“Agenda 2000”) u fl-2006 għall-perjodu 2007–2013.

Is-sistema tal-perspettivi finanzjarji b'hekk hija intiża biex issaħħaħ id-dixxiplina baġitarja, biex trażżan iż-żieda totali tal-ispejjeż u biex tiżgura żvolġiment armonjuż tal-proċedura baġitarja. Il-qafas finanzjarju jintroduċi limitu massimu doppju: dak tal-ispiża totali minn naħa waħda u dak ta' kull kategorija ta' spejjeż min-naħa l-oħra.

Struttura tal-qafas finanzjarju

Għal kull perjodu ta' programmar, il-qafas finanzjarju jiddefinixxi l-“limiti massimi” (l-ammonti massimi fi krediti ta' impenn u fi krediti ta' ħlas) permezz ta' “intestatura” (il-kategoriji tal-ispejjeż) għal kull sena. Il-proċedura baġitarja annwali tiddetermina l-livell preċiż tal-ispejjeż u t-tqassim tagħhom fost id-diversi linji baġitarji għas-sena kkonċernata.

It-tqassim tal-ispejjeż skont l-intestaturi huwa fformulat madwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni għall-perjodu kkonċernat. L-istruttura tal-qafas finanzjarju għall-2007–2013 huwa stabbilit skont kif ġej:

1.

Tkabbir sostenibbli

1 a.

Kompetittività għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

1 b.

Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

2.

Konservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali (inklużi spejjeż tas-suq u ħlasijiet diretti)

3.

Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja

3 a.

Libertà, sigurtà u ġustizzja

3 b.

Ċittadinanza

4.

L-UE bħala protagonista dinjija

5.

Amministrazzjoni

6.

Kumpens

Is-separazzjoni stretta bejn l-intestaturi tfisser li linja baġitarja hija ffinanzjata fi ħdan intestatura speċifika. Kull intestatura b'hekk għandha tkun stabbilita b'mod suffiċjenti sabiex tippermetti l-possibbiltà ta' allokazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż bejn l-azzjonijiet differenti tal-istess intestatura skont il-ħtiġijiet, jew sabiex tilqa' għal spejjeż imprevisti.

Il-“marġni għall-imprevist” bejn il-limitu massimu tar-riżorsi proprji u l-limitu massimu tal-krediti għall-ħlasijiet għandha l-funzjoni li:

  • tippermetti li ssir reviżjoni tal-qafas finanzjarju, f'każ ta' bżonn, sabiex tilqa' għal spejjeż imprevisti meta jiġu adottati l-perspettivi finanzjarji:
  • tikkontribwixxi biex jiġu assorbiti l-konsegwenzi ta' tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef milli previst. F'ċirkostanza fejn l-ING effettiv ikun inqas milli previst, il-limitu massimu tal-krediti għall-ħlasijiet, li huwa ammont assolut, jista' jiġi ffinanzjat fil-limiti tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji espress bħala perċentwal tal-ING, billi tintuża l-marġni.

Rabta mas-sistema tar-riżorsi proprji

Il-limitu massimu globali tal-krediti ta' impenn jinkiseb biż-żieda tad-diversi limiti massimi għal kull intestatura. Sabiex tiġi vverifikata l-kumpatibbiltà tal-perspettivi finanzjarji mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji li jikkostitwixxi l-limitu assolut tar-riżorsi li jistgħu jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri, limitu massimu annwali huwa stabbilit ukoll għall-krediti ta' ħlas. Dan il-limitu massimu huwa globali u mhuwiex imqassam f'intestaturi. Huwa fformulat ukoll bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross (ING) stmat tal-Komunità.

Il-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-qafas finanzjarju

Il-modalitajiet ta' applikazzjoni tal-qafas finanzjarju huma previsti fil-ftehim interistituzzjonali, li fih jinsabu r-regoli u l-proċeduri fir-rigward tal-ġestjoni annwali tal-qafas finanzjarju (bħall-aġġustamenti tekniċi, l-adattamenti marbuta mal-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni jew tkabbir tal-Unjoni u l-proċeduri ta' reviżjoni tal-perspettivi finanzjarji). Dan jippermetti li tittejjeb il-proċedura baġitarja annwali.

Il-Kummissjoni tipproċedi kull sena, taħt ir-responsabbiltà tagħha għall-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għas-sena li ġejja. Dan l-aġġustament jirrigwarda l-operazzjonijiet li ġejjin:

  • peress li l-qafas finanzjarju huwa fformulat f'termini ta' prezzijiet kostanti, huwa neċessarju li kull sena tiġi aġġustata għall-inflazzjoni, b'mod li tinżamm is-setgħa ta' xiri ta' kull limitu massimu. L-aġġustament tekniku ġeneralment jintervjeni għall-finijiet tas-sena n-2 għal sena n partikolari, fuq il-bażi tal-aħħar informazzjoni u previżjonijiet ekonomiċi disponibbli. Ebda aġġustament tekniku ulterjuri ma jsir għas-sena inkwistjoni;
  • il-limitu massimu tar-riżorsi proprji huwa fformulat f'termini ta' perċentwal tal-ING. Il-formulazzjoni ta' dan il-limitu massimu f'termini ta' valur assolut timplika li wieħed jibbaża, matul l-aġġustament tekniku, fuq l-aħħar informazzjoni disponibbli dwar l-ING tal-Unjoni. Huwa f'din l-okkazjoni li tiġi vverifikata l-kumpatibbiltà bejn it-total tal-krediti ta' ħlas u r-riżorsi proprji disponibbli.

Il-Kummissjoni b'hekk tista' tipproponi liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tipproċedi għall-adattament tal-qafas finanzjarju f'żewġ każijiet:

  • klassifikazzjoni mill-ġdid tal-krediti ta' ħlas disponibbli abbażi tal-azzjonijiet strutturali f'każ ta' dewmien ikkonstatat fl-ipprogrammar ta' dawn l-interventi;
  • evalwazzjoni mill-ġdid tal-ħtiġijiet f'ċerti intestaturi minħabba l-adeżjoni ta' Stati Membri ġodda.

Iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja finalment jistgħu jirrevedu l-qafas finanzjarju, fuq proposta tal-Kummissjoni. Dan jippermetti lill-Komunità biex tilqa' għall-ħtieġa li tieħu azzjonijiet mhux previsti meta ġew stabbiliti l-perspettivi finanzjarji, waqt li tirrispetta l-limitu massimu tar-riżorsi proprji.

See also

  • Għal aktar tagħtif dwar il-perspettivi finanzjarji u l-qafas finanzjarju pluriannwali, jekk jogħġbok żur is-sit DG BUDGET (DE) (EN) (FR) tal-Kummissjoni Ewropea

L-aħħar aġġornament: 16.06.2011

Top