Help Print this page 
Title and reference
Mekkaniżmu tar-riżorsi proprji

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Mekkaniżmu tar-riżorsi proprji

Il-kwistjoni tar-riżorsi proprji hija ferm importanti politikament: l-oriġini tar-riżorsi tiddetermina r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji waqt li tqajjem il-kwistjoni tal-awtonomija finanzjarja tal-Komunitajiet. Id-dibattitu dwar ir-riżorsi proprji għall-Komunità huwa marbut mad-dibattitu ġenerali dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea fejn insibu żewġ viżjonijiet kuntrarji, dik tal-federaliżmu u dik tal-intergovernatiżmu.

Id-Deċiżjoni tal-1970 dwar ir-riżorsi proprji tiddistingwi lill-Komunitajiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, li l-finanzjament tagħhom huwa bbażat fuq kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.

Lejn l-awtonomija finanzjarja tal-UE: kontribuzzjonijiet nazzjonali għar-riżorsi proprji

Fir-rigward tal-finanzjament tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE), it-Trattat ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 1957 kien ippreveda perjodu ta’ tranżizzjoni b’kontribuzzjonijiet nazzjonali qabel il-qalba lejn sistema ta’ riżorsi proprji. l-prinċipju tar-riżorsi proprji b’hekk kien diġà jinsab fl-Artikolu 201 tat-Trattat: “Salv kull dħul ieħor, l-estimi għandhom ikunu ffinanzjati kompletament minn riżorsi proprji.” Ir-riżorsi proprji jistgħu jiġu ddefiniti bħala mezzi ta’ finanzjament proprji u indipendenti mill-Istati Membri. Dan jikkonsisti fi dħul imħallas darba għal dejjem lill-Komunità biex tiffinanzja l-baġit tagħha u li jsir tagħha bi dritt mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni ulterjuri mill-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri b’hekk huma meħtieġa li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Komunità il-ħlasijiet għall-baġit.

L-ewwel tentattiv ta' trasferiment ta' riżorsi proprja “min-natura tagħhom stess”, id-drittijiet doganali u l-imposti agrikoli li jirriżultaw mill-politiki Komunitarji (unjoni doganali u politika agrikola komuni), falla fl-1965 minħabba oppożizzjoni Franċiża li wasslet għall-Kompromess ta' Lussemburgu. Il-perjodu ta' tranżizzjoni, li kellu jippreċedi l-qalba fl-1966 għal finanzjament li jiggarantixxi ċertu livell ta' awtonomija lill-Komunità ma ġiex irrispettat. Id-deċiżjoni ta' din il-qalba saret mill-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern fis-summit tal-Aja fl-1969, li riedu jerġgħu jniedu l-Komunità wara perjodu ta' diffikultajiet. Il-Kunsill sussegwentement adotta deċiżjoni li tattribwixxi lill-Komunitajiet (li rriżultaw mit-Trattat ta' għaqda tat-8 ta' April 1965) riżorsi proprji intiżi biex ikopru l-ispejjeż kollha tagħhom. Id-deċiżjoni tal-21 ta' April 1970 b'hekk stabbilixxiet il-qalba mill-kontribuzzjonijiet statali, li huma mezz ta' kontroll tal-Istati Membri fuq il-politiki adottati mill-Komunitajiet, għal finanzjament awtonomu permezz ta' riżorsi proprji “tradizzjonali” (imposti agrikoli, dazji doganali) u riżorsa bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud, il-VAT.

Il-provenjenza tar-riżorsi proprji

Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) huma meqjusa bħala riżorsi proprji “min-natura tagħhom stess”, peress li jikkonsistu fi dħul riċevut fil-qafas tal-politiki Komunitarji, u mhux dħul provenjenti mill-Istati Membri kkalkulat bħala kontribuzzjonijiet nazzjonali. Ir-riżorsi proprji attwali jiġu mid-dazji doganali, dazji agrikoli, kontribuzzjonijiet taz-zokkor, rata imposta fuq il-bażi armonizzata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u rata imposta fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG).

  • Dazji doganali. Id-dazji doganali jinġabru fil-fruntieri esterni fuq l-importazzjonijiet. It-tariffa doganali saret komuni fl-1968, sentejn aktar kmieni milli previst inizjalment. Id-dazji doganali kienu ġew imniżżla fit-Trattat ta' Ruma bħala riżorsa li għandha tiġi attribwita l-ewwel lill-Komunità Ekonomika Ewropea għall-finanzjament tal-ispejjeż. Id-dazji doganali tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ġew integrati ma' din ir-riżorsa mil-1988.
  • Riżorsi ta' oriġini agrikola. L-aktar importanti f'din il-kategorija huma d-dazji agrikoli li oriġinarjament kienu jissejħu imposti agrikoli. Dawn ġew stabbiliti fl-1962 u ttrasferiti lill-Komunità bid-Deċiżjoni tal-21 ta' April 1970. Oriġinarjament dawn kienu taxxi li kienu jvarjaw skont il-prezzijiet tas-suq dinji u tas-suq Ewropew. Wara t-traspożizzjoni tal-ftehimiet multilaterali dwar il-kummerċ (Rawnd tal-Urugwaj, April 1994) fid-dritt Komunitarju m'għadx hemm differenza bejn id-drittijiet agrikoli u d-drittijiet doganali. Id-drittijiet agrikoli huma sempliċement drittijiet ta' importazzjoni imposti fuq il-prodotti agrikoli importati minn Stati terzi.

Ma' dawn it-taxxi jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet fuq il-produzzjoni taz-zokkor, tal-iżoglukożju u tal-ġulepp tal-inulina. Dawn il-kontribuzzjonijiet jinġabru mill-produtturi taz-zokkor fi ħdan il-Komunità, għall-kuntrarju tat-taxxi fuq l-importazzjonijiet agrikoli. Id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-2000 tagħti lill-Istati Membri 25 % tal-ammont tar-riżorsi proprji tradizzjoni riċevuti abbażi tal-ispejjeż tal-ġbir.

  • Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Ir-riżorsi tal-VATinħolqu b'deċiżjoni tal-21 ta' April 1970, peress li r-riżorsi proprji tradizzjonali ma kinux suffiċjenti għall-finanzjament tal-baġit Komunitarju. Wara dewmien supplimentari marbut mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tagħha, din ir-riżorsa kumplessa ġiet applikata għall-ewwel darba biss fl-1980. Din tikkonsisti f'rata applikata fuq bażi ffissata b'mod uniformi. Mill-1988 sal-1994, il-bażi ġiet illimitata għal 55 % tal-prodott nazzjonali gross (PNG) tal-Istati Membri. Sa mill-1995, ma setgħetx taqbeż il-50 tal-PNG għall-Istati Membri li l-PNG għal kull abitant tagħhom kien inqas minn 90 % tal-medja tal-Komunità. Dak il-limitu ġie estiż progressivament bejn l-1995 u l-1999 u issa japplika għall-Istati Membri kollha.

Id-deċiżjoni tal-1970 illimitat ir-rata ta' prelevazzjoni massima tal-VAT għal 1 % ta' bażi partikolari. It-tieni deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tas-7 ta' Mejju 1985 żiedet ir-rata għal 1.4 % sa mill-1 ta' Jannar 1986, li kienet tikkoinċidi mat-tkabbir Iberiku. Dik iż-żieda kellha tiffinanzja l-ispejjeż tat-tkabbir. Ir-raba' deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-31 ta' Ottubru 1994 madankollu organizzat ir-ritorn progressiv għal-limitu ta' 1 % bejn l-1995 u l-1999 speċjalment għal raġunijiet ta' ugwaljanza. Finalment, id-deċiżjoni tal-2000 dwar ir-riżorsi proprji, li attwalment tinsab fis-seħħ, reġgħet niżżlet ir-rata ta' prelevazzjoni massima għal-livell attwali tagħha ta' 0.5 % tal-bażi tal-VAT armonizzata u llimitata.

  • Dħul nazzjonali gross (DNG). Il-Kunsill iddeċieda fl-1988 li joħloq ir-raba' riżorsa proprja bbażata dak iż-żmien fuq il-prodott domestiku gross (PDG), li kellu jissostitwixxi l-VAT bħala riżorsa tal-ekwilibriju tal-baġit. Din l-istess deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 1988 stabbilixxiet l-iffissar ta' limitu massimu ta' riżorsi proprji fit-totalità tiegħu bħala perċentwali tal-PNG, li fl-1988 kien 1.14 % u fl-1999 1.27 %. Id-deċiżjoni attwali tar-riżorsi proprji testendi l-applikazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali tal-1995 (SEK 95) għall-qasam tal-baġit tal-UE. Fis-SEK 95, il-kunċett ta' prodott domestiku gross (PDG) ġie ssostitwit minn dak tad-dħul nazzjonali gross (DNG). Fid-deċiżjoni l-ġdida, il-PDG b'hekk huwa ssostitwit bid-DNG għall-finijiet tar-riżorsi proprji. Madankollu, sabiex jibqa' mhux mibdul l-ammont ta' riżorsi finanzjarji mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-Komunitajiet, il-limitu massimu tar-riżorsi proprji bħala perċentwali tad-DNG tal-UE ġie adattat. Il-limitu massimu l-ġdid huwa ekwivalenti għal 1.24 % tad-DNG tal-UE.

Ir-riżorsa DNG tinkiseb bl-applikazzjoni ta' rata li għandha tiġi ffissata kull sena fil-kuntest tal-proċedura baġitarja għal bażi li tirrappreżenta s-somma tad-dħul nazzjonali gross bil-prezz tas-suq. Ir-riżorsa tiġi kkalkulata skont id-differenza bejn l-ispejjeż u s-somma tar-riżorsi baġitarji l-oħrajn kollha. Din hija riżorsa “ewlenija”, għaliex mhux biss tiffinanzja l-parti l-kbira tal-baġit, iżda tiddetermina wkoll il-limitu tal-bażi tal-VAT, it-tqassim tal-finanzjament tal-kumpens Brittaniku u l-limitu massimu tal-ammont globali tar-riżorsi li l-Komunità tista' tirċievi.

Ir-riżorsi proprji jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Unjoni kull xahar mill-Istati Membri bħala kreditu f'kont ta' "riżorsi proprji" miftuħ mill-Kummissjoni, normalment fil-bank ċentrali nazzjonali. Ir-riżorsi proprji tradizzjonali jitniżżlu kull xahar fil-mument meta jiġu riċevuti. Fil-każ tar-riżorsi tal-VAT u d-DNG, dawn jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fl-ewwel jum tax-xogħol ta' kull xahar, fuq il-bażi ta' wieħed fuq tnax mill-ammont imbassar fil-baġit Komunitarju. Għall-ħtiġijiet speċifiċi għall-ħlas tal-ispejjeż agrikoli, l-Istati Membri jistgħu, madankollu, jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex jantiċipaw b'xahar jew xahrejn matul l-ewwel trimestru r-reġistrazzjoni tas-somom previsti abbażi tar-riżorsi tal-VAT u/jew PNG.

Dħul ieħor. Il-baġit mhuwiex totalment iffinanzjat mir-riżorsi proprji, iżda huwa ffinanzjat ukoll mill-imposti u t-taxxi fuq dħul tal-personal, interessi bankarji, kontribuzzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal ċerti programmi Komunitarji (pereżempju, fil-qasam tar-riċerka), rimborsi ta' għajnuniet Komunitarji mhux użati, interessi għal dewmien, kif ukoll il-bilanċ tas-sena finanzjarja preċedenti.

L-eċċezzjoni Brittanika

Il-Kunsill ta' Fontainebleau ddeċieda fl-1984 li jintroduċi l-kumpens Brittaniku. Dan il-mekkaniżmu jagħti kumpens lir-Renju Unit ekwivalenti għal 0.66 % tal-bilanċ nett negattiv tiegħu. Il-finanzjament tal-kumpens lir-Renju Unit jitqassam bejn l-Istati Membri l-oħrajn bi proporzjon mas-sehem tagħhom fid-DNG, ħlief għall-Ġermanja, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja li l-parti tagħhom titnaqqas bi tliet kwarti. Dak il-piż jitqassam bejn il-ħamsa u għoxrin Stat Membru l-ieħor.

See also

Sabiex tkun taf aktar dwar ir-riżorsi proprji, jekk jogħġbok ikkonsulta dawn il-websajts:

  • Direttorat Ġenerali (DĠ) BUDGET (DE) (EN) (FR)

L-aħħar aġġornament: 04.09.2007

Top