Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Linji gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal

X'INHU L-GĦAN TA' DAWN IL-LINJI GWIDA?

Dawn jistabbilixxu qafas għall-Unjoni Ewropea (UE) biex tiżgura li d-drittijiet tat-tfal* jitqiesu fil-politiki esterni u l-azzjonijiet kollha tagħha.

Dawn jirrinfurzaw l-azzjoni tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fir-relazzjonijiet esterni tagħha u jinkoraġġixxu approċċ strateġiku globali għal dawn il-kwistjonijiet. Dawn jikkumplimentaw ukoll il-linji gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitt armat u l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal.

PUNTI EWLENIN

Sabiex jinkiseb l-objettiv dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, l-UE tuża għodod operattivi, bħal:

  • djalogu politiku, billi d-drittijiet tat-tfal jiġu inklużi fin-negozjati u d-diskussjonijiet li saru ma' organizzazzjonijiet u pajjiżi mhux tal-UE;
  • démarches (eż. rappreżentazzjoni diplomatika ta' kwistjoni partikolari minn gvern wieħed għal ieħor), biex il-pajjiżi mhux tal-UE jiftakru fil-ħtieġa li jieħdu mużuri xierqa għall-protezzjoni tat-tfal;
  • kooperazzjoni bilaterali u multilaterali biex titfassal l-għajnuna umanitarja u programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp b'enfasi fuq id-drittijiet tat-tfal;
  • sħubiji u koordinazzjoni ma' partijiet ikkonċernati internazzjonali, bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-organizzazzjonijiet reġjonali, il-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Azzjonijiet ġenerali biex jiġu implimentati dawn il-linji gwida jinkludu:

  • l-inkoraġġiment lill-pajjiżi mhux membri tal-UE biex jaderixxu ma' strumenti u standards internazzjonali u jikkooperaw ma' korpi, bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa;
  • jiġi mħeġġeġ it-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'pajjiżi mhux tal-UE billi jitfasslu strateġiji u jiġu msaħħa l-mekkaniżmi eżistenti;
  • jitjiebu l-proċessi u l-istrutturi ta' monitoraġġ (eż. bażijiet tad-dejta);
  • jiġu offruti aktar riżorsi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
  • jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tat-tfal u tispiċċa l-impunità eżistenti;
  • tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni mit-tfal fit-tfassil tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politiki li jaffettwawhom;
  • jitjiebu l-kapaċitajiet tal-familji/gwardjani oħrajn biex iwettqu r-rwoli tagħhom b'mod sħiħ fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;
  • jiġu msaħħa l-programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal billi jiġu promossi kampanji li jinkorporaw id-drittijiet tat-tfal fil-kurrikulu tal-iskola.

Azzjoni speċifika ser tittieħed f'oqsma ta' prijorità abbażi ta' strateġiji separati ta' implimentazzjoni. L-oqsma ta' prijorità huma magħżulin għal perjodu ta' sentejn. L-ewwel qasam ta' prijorità jirreferi għall-forom kollha ta' vjolenza kontra t-tfal. L-objettiv, il-parti tal-operat u l-istrateġija tal-implimentazzjoni speċifika għall-pajjiż, azzjonijiet, monitoraġġ u valutazzjoni tal-implimentazzjoni huma dettaljati f'Anness I ta' dawn il-linji gwida.

SFOND

It-tfal jaffaċċjaw bosta theddid u nuqqas ta' opportunitajiet rigward l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u dik soċjali. Dawn huma vittmi ta' tħaddim tat-tfal, vjolenza, abbuż sesswali, mard u kunflitt armat u huma esposti għal diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni u esklużjoni. Il-bniet jaffaċċjaw riskji speċifiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari.

L-UE hija attur ewlieni sabiex id-drittijiet tal-bniedem jiġu protetti (u b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal) madwar id-dinja. Din hija konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli fakultattivi tagħha. Din tippromwovi wkoll inizjattivi oħrajn li għandhom l-għan li jtejbu s-sitwazzjoni tat-tfal, bħall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju preċedenti, li sa mill-bidu tal-2016, ġew sostitwiti bl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

* TERMINI EWLENIN

Tfal: fil-kuntest ta' dan is-sommarju, tfal tirreferi għal kwalunkwe bniedem li għandu inqas minn 18-il sena.

DOKUMENT EWLIENI

Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, approvati mill-Kunsill fl-10 ta' Diċembru 2007 (mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali)

l-aħħar aġġornament 16.08.2016

Top