Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem — L-appoġġ tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem — L-appoġġ tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

X'INHU L-GĦAN TA' DAWN IL-LINJI GWIDA?

  • Dawn jistabbilixxu l-approċċ tal-UE lejn l-appoġġ u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem* fil-pajjiżi mhux tal-UE, bil-għan li dawn ikunu jistgħu joperaw liberament.
  • L-aspett operazzjonali ta' dawn il-linji gwida huwa fil-kuntest tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

PUNTI EWLENIN

  • Diplomatiċi fuq Missjonijiet tal-UE* ser jiltaqgħu regolarment mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iżuru attivisti miżmuma l-ħabs, jimmonitorjaw il-proċessi tagħhom u jippromwovu l-protezzjoni tagħhom.
  • Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) għandu jidentifika sitwazzjonijiet li fihom l-UE hija mitluba tintervjeni fuq il-bażi tar-rapporti mill-Kapijiet tal-Missjoni (KtM), in-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
  • Uffiċjali tal-UE ta' pożizzjoni għolja (eż ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà) ser jinkludu laqgħat mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala parti miż-żjarat tagħhom f'pajjiżi mhux tal-UE.
  • Id-djalogi politiċi mal-pajjiżi mhux tal-UE u l-organizzazzjonijiet reġjonali ser jinkludu s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
  • Il-Kapijiet tal-Missjonijiet sejrin ifakkru lill-awtoritajiet tal-pajjiżi mhux tal-UE dwar ir-responsabbiltà tagħhom biex jipproteġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fil-periklu.
  • L-UE sejra tikkopera mill-qrib mal-pajjiżi mhux tal-UE li għandhom ukoll politiki biex jipproteġu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u ser taħdem bil-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem ta' organizzazzjonijiet reġjonali oħra, bħall-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
  • L-UE sejra tippromwovi t-tisħiħ tal-mekkaniżmi reġjonali eżistenti u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
  • L-impenn tal-UE biex tappoġġja d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huwa kkumplimentat mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li jipprovdi għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem.

SFOND

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għandhom rwol prinċipali:

  • fid-dokumentazzjoni tal-vjolenza;
  • il-provvista lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'appoġġ legali, psikoloġiku, mediku jew ieħor;
  • il-ġlieda kontra l-impunità ta' dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; u
  • is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-difensuri tagħhom fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

Madankollu, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma miri oħrajn ta' attakki u theddid, għalhekk huwa importanti li s-sigurtà u l-protezzjoni tagħhom jiġu żgurati.

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem: Individwi, gruppi jew organizzazzjonijiet li jippromwovu u jipproteġu b'mod paċifiku d-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti b'mod universali, jiġifieri, d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi d-drittijiet tal-membri ta' persuni indiġeni.

Il-missjonijiet tal-UE: Ambaxxati u konsulati tal-pajjiżi tal-UE u delegazzjonijiet tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Garanzija għall-Protezzjoni – Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill tal-UE (Affarijiet Barranin), 2008

ATTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 77, 15.3.2014, pp. 85-94)

l-aħħar aġġornament 04.07.2016

Top