Help Print this page 
Title and reference
Nippromwovu u nissalvagwardjaw il-valuri tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Nippromwovu u nissalvagwardjaw il-valuri tal-UE

L-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi (Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

ATT

L-Artikolu 2 TUE

L-Artikolu 7 TUE

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; Rispett u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (COM(2003) 606 final tal-15 ta’ Ottubru 2003).

SOMMARJU

L-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi (Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Huma biss dawk il-pajjiżi Ewropej li jirrispettaw il-valuri msemmija fl-Artikolu 2 u li jimpenjaw ruħhom sabiex jippromwovuhom li jistgħu japplikaw sabiex isiru membri tal-UE (Artikolu 49 TUE).

L-iżgurar tal-konformità mal-valuri fundamentali tal-UE

Fl-UE, l-istat tad-dritt għandu importanza partikolari. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali kollha elenkati fl-Artikolu 2 TUE. Huwa prerekwiżit ukoll sabiex jinżammu d-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mit-Trattati u mid-dritt internazzjonali.

IL-QAFAS TAL-ISTAT TAD-DRITT TAL-UE

F’Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Qafas ġdid biex jiġi indirizzat it-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe wieħed mit-28 pajjiż tal-UE. Il-Qafas il-ġdid tal-istat tad-dritt jikkomplementa l-proċeduri ta’ ksur - meta jkun hemm ksur tad-dritt tal-UE - u l-hekk imsejħa “proċedura tal-Artikolu 7 TUE” li, fl-aktar livell aħrax tagħha, tippermetti s-sospensjoni tad-drittijiet tal-votazzjoni f’każ ta’ “ksur serju u persistenti” tal-valuri tal-UE minn pajjiż tal-UE.

Il-Qafas jippermetti lill-Kummissjoni Ewropeja tinvolvi ruħha fi djalogu mal-pajjiż tal-UE kkonċernat biex tevita li jaggrava t-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt. Waqt it-tħejjija tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tibbaża fuq il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-UE u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (notevolment, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kunsill tal-Ewropa,l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), eċċ.).

Jekk ma tinsab l-ebda soluzzjoni fi ħdan il-Qafas, l-Artikolu 7 TUE jibqa’ dejjem l-aħħar rimedju biex tiġi solvuta kriżi u biex tiġi żgurata l-konformità mal-valuri tal-UE.

L-Artikolu 7 TUE

L-Artikolu 7 TUE għandu l-għan li jiżgura li l-pajjiżi kollha tal-UE jirrispettaw il-valuri komuni tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt. Il-mekkaniżmu ta’ prevenzjoni tal-Artikolu 7(1) TUE jista’ jiġi attivat biss f’każ ta’ “riskju ċar ta’ ksur serju” u l-mekkaniżmu ta’ sanzjonar tal-Artikolu 7(2) TUE biss f’każ ta’ “ksur serju u persistenti minn Stat Membru” tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2.

Il-mekkaniżmu ta’ prevenzjoni jippermetti lill-Kunsill iwissi lill-pajjiż tal-UE kkonċernat qabel ma fil-fatt jimmaterjalizza “ksur serju”.

Il-mekkaniżmu ta’ sanzjonar jippermetti lill-Kunsill jissospendi ċerti drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-pajjiż tal-UE kkonċernat, inklużi d-drittjiet ta’ votazzjoni ta’ dak il-pajjiż fil-Kunsill. F’dak il-każ, il-“ksur serju” irid ikun ilu jippersisti għal xi żmien.

APPLIKAZZJONI

Sa mill-2009, il-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet ħabtet wiċċha ma’ avvenimenti ta’ kriżi f’xi pajjiżi tal-UE, li żvelaw problemi speċifiċi tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni indirizzat dawn l-avvenimenti billi eżerċitat pressjoni politika, kif ukoll billi nediet proċedimenti ta’ ksur fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-UE.

Il-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u ta’ sanzjonar tal-Artikolu 7 TUE s’issa għadhom qatt ma ġew applikati.

Inizzjattivi ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE

L-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom rwol komplementari fil-promozzjoni u ż-żamma tal-istat tad-dritt fl-UE.

F’Diċembru 2014, il-Kunsill u l-pajjiżi tal-UE impenjaw ruħhom li jistabbilixxu djalogu annwali bejn il-pajjiżi kollha tal-UE fi ħdan il-Kunsill biex jippromwovu u jissalvagwardjaw l-istat tad-dritt fil-qafas tat-Trattati.

Anke l-Parlament Ewropew f’diversi okkażjonijiet appella biex il-pajjiżi tal-UE jiġu vvalutati b’mod regolari fir-rigward tal-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-UE u mar-rekwiżit tad-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Ara wkoll l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u r-Rapport tal-attività annwali tal-FRA

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2013) 271 final tat-8 ta’ Mejju 2013).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport tal-2013 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2014) 224 final tal-14 ta’ April 2014).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt (COM(2014) 158 final tad-11 ta’ Marzu 2014).

Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill u tal-Istati Membri fil-Kunsill dwar l-iżgurar tar-rispett lejn l-istat tad-dritt tas-16 ta’ Diċembru 2014.

L-aħħar aġġornament: 10.03.2015

Top