EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħarsien tal-euro kontra l-iffalsifikar — iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjon 2005/37/KE li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Id-Deċiżjoni 2005/37/KE tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Oriġinarjament mehmuż mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, id-Deċiżjoni li temenda (UE) 2017/1507 tistabbilixxi l-ETSC fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni (ara s-sommarju).
  • L-irwol tal-ETSC huwa li jħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar. Biex jagħmel dan, huwa janalizza u jikklassifika l-muniti tal-euro foloz u jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Unjoni Ewropea tal-Istati Membri (UE).

PUNTI EWLENIN

Il-kompiti taċ-ċentru

L-ETSC:

  • janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta’ munita tal-euro ffalsifikata, skont ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (ara s-sommarju);
  • jikkontribwixxi għall-issodisfar tal-għanijiet tal-programm Pericles;
  • iwettaq ċerti kompiti skont ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010, li jistabbilixxi r-regoli għall-verifika tal-awtentiċità tal-muniti tal-euro (ara s-sommarju), u (KE) Nru 2182/2004, li jikkonċerna midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro (ara s-sommarju);
  • jassisti liċ-ċentri nazzjonali tal-analiżi tal-muniti u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-kompiti tagħhom, u jikkollabora mal-awtoritajiet rilevanti biex jinkisbu l-muniti tal-euro foloz u fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-euro;
  • iwettaq analiżi avvanzata u mhux distruttiva tal-muniti tal-euro ffalsifikati biex jinforma lill-Europol u lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar theddid emerġenti (kompitu ġdid miżjud bid-Deċiżjoni Emendatorja (UE) 2023/616).

Analiżi teknika u xjentifika tal-muniti foloz tal-euro

  • L-ETSC iwettaq analiżi teknika preliminari fi Brussell, u analiżi kumplimentari tista’ ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Analiżi tal-Muniti, fi ħdan iz-Zekka Franċiża.
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jagħmel disponibbli għall-ETSC it-tagħmir tekniku xieraq sabiex iwettaq analiżi mhux distruttiva fi Brussell. Dan sabiex jiġi identifikat u mwieġeb fil-ħin sabiex jitfaċċa theddid relatat ma’ muniti tal-euro ffalsifikati ta’ kwalità għolja.
  • L-ETSC jista’ juża l-persunal u t-tagħmir fiz-Zekka Franċiża għal kwalunkwe analiżi komplementari meħtieġa li ssir fil-bini tiegħu. Dawn l-ispejjeż huma koperti mill-awtoritajiet Franċiżi.
  • L-ispejjeż fgħall-persunal tal-ETSC u t-tagħmir tekniku meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu fi Brussell huma koperti mill-baġit tal-UE, kif ukoll l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-persunal tal-ETSC liz-Zekka Franċiża u diversi ispejjeż żgħar li jistgħu jseħħu waqt li jintuża t-tagħmir tekniku fil-laboratorju tiegħu.

Attivitajiet ta’ koordinazzjoni u informazzjoni

  • Il-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tipproteġi l-muniti tal-euro mill-iffalsifikar u tiżgura implimentazzjoni effettiva u uniformi tal-proċeduri ta’ awtentikazzjoni fiż-żona tal-euro, fost affarijiet oħra, permezz ta’ laqgħat perjodiċi mal-Europol u esperti tal-muniti foloz .
  • Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jinżammu infurmati regolarment dwar l-attivitajiet tal-ETSC u dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-iffalsifikar tal-muniti.

L-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro

  • Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 jintroduċi regoli u proċeduri komuni fi ħdan iż-żona tal-euro għall-verifika tal-awtentiċità ta’ muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (proċess ta’ awtentikazzjoni) u għall-immaniġġjar u r-rimbors ta’ dawk il-muniti li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.
  • Huwa jiddikjara li l-ETSC huwa responsabbli biex jiddefinixxi, fost affarijiet oħra:
    • l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ittestjar tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti użati għall-verifika tal-awtentiċità tal-muniti tal-euro;
    • il-prattiki tat-taħriġ għall-persunal inkarigat bil-verifika tal-muniti tal-euro;
    • il-perjodu ta’ validità tar-rapporti dwar it-testijiet;
    • l-informazzjoni fuq il-lista, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni, tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkunu għaddew b’suċċess minn test ta’ skoperta;
    • linji gwida għall-kontrolli fuq il-post kull sena tal-kapaċità tal-kaxxiera biex jawtentikaw il-muniti tal-euro;
    • regoli li jirratifikaw in-nonkonformità tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti mar-regolament.
  • Id-Deċiżjonijiet 2003/861/KE u 2003/862/KE jipprovdu għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-ETSC u l-operazzjoni tiegħu fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u mhux fiż-żona tal-euro, rispettivament.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

  • Id-Deċiżjoni 2005/37/KE ilha tapplika mill-10 ta’ Frar 2005.
  • Id-Deċiżjonijiet li temenda (UE) 2023/616 ilha tapplika mid-9 ta’ April 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tipprovdi l-koordinazzjoni ta’ l-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti ta’ l-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19, 21.1.2005, pp. 73–74).

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2005/37/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Falsifikazzjoni tal-Muniti dwar il-politika u r-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar (ĠU C 347, 20.10.2015, pp. 4–6).

Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, pp. 1–5).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti ta’ l-euro (ĠU L 373, 21.12.2004, pp. 1–6).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigwrad ta’ muniti foloz tal-euro (ĠU J L 325, 12.12.2003, p. 44).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 2003 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE dwar l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-euro f’dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 45).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta’ l-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, pp. 6–10).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.05.2023

Top