Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-ħarsien tal-euro kontra l-iffalsifikar — iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-ħarsien tal-euro kontra l-iffalsifikar — iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 2005/37/KE li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li l-muniti tal-euro jitħarsu mill-iffalsifikar

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-ETSC fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.
  • L-irwol tal-ETSC huwa li jħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar. Biex jagħmel dan, huwa janalizza u jikklassifika l-muniti tal-euro foloz u jassisti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Il-kompiti taċ-ċentru

L-ETSC:

  • janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta’ munita tal-euro ffalsifikata, skont ir-regolament dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar;
  • jikkontribwixxi għall-issodisfar tal-għanijiet tal-programm Pericles;
  • jassisti liċ-ċentri nazzjonali tal-analiżi tal-muniti u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;
  • jikkollabora mal-awtoritajiet relevanti fl-analiżi tal-muniti foloz tal-euro u fit-tisħiħ tal-protezzjoni.

L-ospitar fiz-zekka Franċiża

Għall-analiżi teknika u xjentifika ta’ muniti foloz tal-euro, l-ETSC juża l-persunal u l-post li z-zekka Franċiża għamlet disponibbli, jiġifieri l-laboratorju tagħha. Il-Kummissjoni taħtar membri speċjalizzati mill-persunal tagħha għal dan l-għan. L-ispejjeż l-oħra relatati max-xogħol tal-ETSC jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-UE.

Attivitajiet ta’ koordinazzjoni u informazzjoni

Il-Kummissjoni tikkoordina l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tekniċi kompetenti għall-ħarsien tal-muniti tal-euro, b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat regolari tal-Grupp tal-Esperti fuq l-Iffalsifikar tal-Muniti. Immexxi mill-Kummissjoni, dan il-grupp jippermetti l-ġbir flimkien tad-diversi esperjenzi u kompetenzi tal-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-iffalsifikar tal-muniti tal-euro u l-koordinament tal-azzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jipproteġu l-euro.

Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jinżammu infurmati regolarment dwar l-attivitajiet taċ-ċentru u dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-iffalsifikar tal-munita.

Il-verifika tal-awtentiċità tal-muniti

Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 jintroduċi regoli u proċeduri komuni fi ħdan iż-żona tal-euro għall-verifika tal-awtentiċità ta’ muniti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u r-rimbors ta’ dawk li mhumiex tajba.

Huwa jiddikjara li l-ETSC huwa responsabbli biex jiddefinixxi, fost affarijiet oħra:

  • l-ispeċifikazzjonijiet teknici tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti użati għall-verifika tal-awtentiċità tal-muniti tal-euro;
  • il-prattiki tat-taħriġ għall-persunal inkarigat bil-verifika tal-muniti tal-euro;
  • il-perjodu ta’ validità tar-rapporti dwar it-testijiet;
  • l-informazzjoni fuq il-lista, ippubblikata fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni, tal-magni tal-ipproċessar tal-muniti li jkunu għaddew b'suċċess minn test ta' skoperta;
  • linji gwida għall-kontrolli fuq il-post kull sena tal-kapaċità tal-kaxxiera biex jawtentikaw il-muniti tal-euro;
  • regoli li jirratifikaw in-nonkonformità tal-kaxxiera mar-regolament.

Id-Deċiżjonijiet 2003/861/KE u 2003/862/KE jipprovdu għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-ETSC u l-operazzjoni tiegħu fiż-żona tal-euro u f'pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro, rispettivament.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-10 ta’ Frar 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 73-74)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1-5)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigwrad ta' muniti foloz tal-euro (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE dwar l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta' muniti foloz tal-euro f'dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 45)

l-aħħar aġġornament 04.04.2017

Top