EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ma’ Ħong Kong dwar kooperazzjoni u għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet doganali

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 1999/400/KE dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Ħong Kong, iċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Ħong Kong, iċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Id-Deċiżjoni tfittex li ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali*. Minbarra li tipprovdi bosta tipi ta’ kooperazzjoni, fiha wkoll artikoli li għandhom l-għan li jiżviluppaw u jżidu ulterjorment il-kooperazzjoni doganali permezz ta’ ftehimiet dwar kwistjonijiet speċifiċi.

Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

Kooperazzjoni doganali

Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali billi:

  • jippromwovu koordinazzjoni effettiva u kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali biex jiffaċilitataw il-kondiviżjoni sikura u rapida tal-informazzjoni;
  • jiffaċilitaw il-moviment ta’ merkanzija;
  • jiskambjaw informazzjoni u kompetenzi meħtieġa biex jitjiebu l-proċeduri doganali;
  • jipprovdu assistenza teknika lil xulxin;
  • jiskambjaw persunal meta dan jibbenefika liż-żewġ partijiet.

Assistenza amministrattiva reċiproka

Huma possibbli żewġ tipi ta’ assistenza amministrattiva reċiproka:

  • għajnuna fuq talba: l-awtorità rikjesta* għandha tipprovdi lill-awtorità applikanti* bl-informazzjoni rilevanti kollha biex tippermettilha tiżgura li l-leġiżlazzjoni doganali hija applikata sew. L-informazzjoni tista’ tirrelata ma’ attivitajiet misjuba jew ippjanati li jistgħu jkunu operazzjonijiet bi ksur ta’ tali leġiżlazzjoni. Tista’ wkoll tirrelata mar-regolarità tal-proċeduri tal-esportazzjoni u l-importazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-ftehim ikopri wkoll sorveljanza speċjali fil-każijiet suspettati kollha. Tali sorveljanza għandha tiġi applikata lil kull persuna naturali jew ġuridika, post, moviment tal-oġġetti jew mezz tat-trasport li huwa jew jista’ jkun marbut jew użat biex jimpenja operazzjonijiet fi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

  • għajnuna spontanja: il-partijiet jistgħu jgħinu lil xulxin fuq l-inizjattiva tagħhom stess jekk jikkunsidraw li dan ikun meħtieġ għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari jekk jirċievu informazzjoni li tista’ tkun ta’ interess għall-parti l-oħra.

Aspetti formali u eċċezzjonijiet għal assistenza

It-talbiet għandhom isiru bil-miktub, ħlief f’każijiet urġenti fejn jistgħu jsiru talbiet orali u sussegwentement jiġu kkonfermati bil-miktub.

It-talbiet għandu jkun fihom:

  • data dwar l-awtorità applikanti;
  • il-miżura mitluba;
  • l-objettiv tat-talba u r-raġuni warajha;
  • il-leġiżlazzjoni involuta;
  • il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti;
  • sommarju tal-fatti rilevanti u ta’ talbiet diġà mwettqa.

Il-parti rikjesta tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba jekk biex tagħmel dan ikun probabbli li din tippreġudika s-sovranità, l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra ta’ waħda mill-partijiet. L-obbligu li tingħata assistenza jista’ jiġi rrinunzjat ukoll f’każijiet fejn din kieku tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

Il-ftehim fih klawżoli ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni fornuta. Jingħata livell għoli ta’ protezzjoni lid-data personali.

Il-ftehim jipprovdi għat-twaqqif ta’ Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali li jieħu ħsieb il-funzjonament xieraq ta’ dan il-ftehim u jeżamina l-kwistjonjiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1999.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Leġiżlazzjoni doganali: tinkludi kwalunkwe provvediment legali jew regolatorju jew kwalunkwe strument legali vinkolanti ieħor adottat mill-UE u Ħong Kong li jirregola l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ merkanzija u t-tqegħid tagħhom taħt kwalunkwe proċedura doganali oħra, inkluż miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet doganali u awtoritajiet amministrattivi oħra.
L-awtorità rikjesta: l-awtorità doganali kompetenti li tirċievi talba għall-għajnuna.
Awtorità applikanti: l-awtorità doganali kompetenti li tagħmel talba għall-għajnuna.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/400/EC tal-11 ta’ Mejju 1999 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Ħong Kong, iċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 151, 18.6.1999, p. 20)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Ħong Kong, iċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 151, 18.6.1999, p. 21-26)

l-aħħar aġġornament 08.01.2019

Top