EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim maċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet doganali

 

SOMMARJU TA’:

Deċiżjoni 2004/889/KE li tikkonkludi ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċina dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-partijiet responsabbli mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali*.

Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

L-azzjoni biex jiġu ttrattati l-operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali hija aktar effettiva jekk tkun appoġġjata minn għajnuna reċiproka bejn il-pajjiżi fi kwistjonijiet doganali. L-operazzjonijiet ikkonċernati huma dawk ta’ preġudizzju għall-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali tal-partijiet: huwa essenzjali għal kwalunkwe stat li jiżgura l-istima eżatta tad-dazji doganali u taxxi oħra.

Żvilupp tal-kooperazzjoni doganali

Il-partijiet jaqblu li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali, b’mod partikolari billi:

  • jistabbilixxu mezzi ta’ komunikazzjoni;
  • jiffaċilitaw koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet amministrattivi;
  • jipprovdu għal azzjoni konġunta dwar kwistjonijiet amministrattivi;
  • jiffaċilitaw il-moviment leġittimu tal-merkanzija;
  • jiskambjaw informazzjoni u kompetenzi dwar il-proċeduri doganali;
  • jipprovdu lil xulxin b’għajnuna teknika, eż. skambji ta’ persunal; taħriġ u skambju ta’ data;
  • ifittxu pożizzjoni komuni meta jiġu diskussi suġġetti doganali f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għajnuna amministrattiva reċiproka

L-awtoritajiet doganali jassistu lil xulxin billi jipprovdu informazzjoni biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali: din ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti li jirregolaw l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Lanqas ma tapplika għall-informazzjoni miksuba fuq it-talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

Il-forom ta’ għajnuna li ġejjin mhumiex koperti mill-ftehim:

  • l-irkupru ta’ dazji, taxxi jew multi;
  • l-arrest jew id-detenzjoni ta’ kwalunkwe persuna;
  • is-sekwestru jew id-detenzjoni ta’ proprjetà.

Il-ftehim jikkonċerna kemm l-għajnuna fuq talba kif ukoll l-għajnuna spontanja.

Għajnuna fuq talba: l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħti lill-awtorità applikanti l-informazzjoni kollha li tista’ tippermettilha tiżgura li l-leġiżlazzjoni doganali tiġi applikata tajjeb. Din l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’:

  • attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f’reati fit-territorju tal-parti l-oħra, bħal dikjarazzjonijiet mhux korretti jew dokumenti foloz oħra;
  • l-awtentiċità tad-dokumenti uffiċjali prodotti b’appoġġ għal dikjarazzjoni tal-merkanzija;
  • il-legalità tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ merkanzija mit-territorju ta’ waħda mill-partijiet għat-territorju tal-parti l-oħra, kif ukoll il-proċedura doganali applikata.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha wkoll, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha u fuq talba tal-awtorità applikanti, tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura sorveljanza speċjali. Is-sorveljanza tkun relatata ma’ persuni li fil-konfront tagħhom hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li huma wettqu ksur tal-leġiżlazzjoni doganali ta’ waħda mill-partijiet. Tista’ tkopri wkoll postijiet, ħażniet u oġġetti trasportati, kif ukoll mezzi tat-trasport li setgħu ntużaw taħt kundizzjonijiet ta’ frodi.

Għajunua spontanja: f’każijiet fejn talba formali ma tkunx possibbli minħabba l-urġenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tinvolvi ħsara sostanzjali lill-ekonomija, lis-saħħa pubblika, lis-sigurtà pubblika jew lill-interess vitali simili, il-partijiet jistgħu jassistu lil xulxin fuq l-inizjattiva tagħhom stess.

Aspetti formali u eċċezzjonijiet għall-obbligu li tingħata għajnuna

It-talbiet iridu jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti fil-forma u fis-sustanza fir-rigward ta’:

  • l-approvazzjoni formali tal-awtorità applikanti;
  • l-azzjoni mitluba;
  • l-objettiv tat-talba u r-raġuni warajha.

L-awtorità li ssirilha t-talba tipproċedi daqs li kieku kienet qed taġixxi f’isimha stess. Hija tittratta t-talbiet skont l-istrumenti li huma legalment vinkolanti applikabbli fil-ġurisdizzjoni tagħha stess. It-tweġiba trid tkun bil-miktub.

Huma permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li tingħata l-għajnuna. L-għajnuna tista’ tiġi miċħuda jew tista’ tkun soġġetta għal ċerti rekwiżiti jekk x’aktarx tippreġudika:

  • is-sovranità taċ-Ċina jew dik ta’ pajjiż tal-UE li ġie mitlub jipprovdi għajnuna;
  • l-ordni pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħrajn.

Il-ftehim fih klawżoli ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2005. Huwa japplika għat-territorju doganali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għat-territorji tat-28 pajjiż tal-UE.

SFOND

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ffirmaw il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali 2018-2020 f’Ġunju 2017. Huwa jtenni l-għanijiet ewlenin tal-kooperazzjoni u l-għajnuna reċiproka bejn l-UE u ċ-Ċina u jibni fuq il-ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali. Il-prijoritajiet identifikati jinkludu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, is-sigurtà tal-katina ta’ provvista, il-ġlieda kontra l-frodi (finanzjarja u ambjentali) u l-istatistika. Il-Qafas Strateġiku l-ġdid jintroduċi wkoll kooperazzjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kummerċ elettroniku.

TERMINI EWLENIN

Leġiżlazzjoni doganali: leġiżlazzjoni doganali tinkludi kwalunkwe dispożizzjoni legali tal-UE jew taċ-Ċina li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija jew t-tqegħid tagħha taħt kwalunkwe sistema jew proċedura doganali oħra, inklużi miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/889/EC tas-16 ta’ Novembru 2004 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 19)

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 20-26)

DOKUMENTI RELATATI

Titjib tas-Sigurtà u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina: Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali 2018-2020 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, 22 ta’Mejju 2017 (dokument tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea)

Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali 2014/772/EU stabbilita taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali tas-16 ta’ Mejju 2014 rigward rikonoxximent reċiproku tal-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat fl-Unjoni Ewropea u l-Miżuri dwar Ġestjoni Klassifikata tal-Programm ta’ Intrapriżi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 1.11.2014, p. 46-50)

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Kommunità Ewropea dwar il-koperazzjoni u l-assistenza amministrativa reċiproka f’materji doganali (ĠU L 110, 30.4.2005, p. 80)

l-aħħar aġġornament 08.01.2019

Top