Help Print this page 
Title and reference
Prodotti relatati mad-difiża: regoli dwar it-trasferiment fi ħdan l-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Prodotti relatati mad-difiża: regoli dwar it-trasferiment fi ħdan l-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2009/43/KE — l-issimplifikar tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

L-għan tagħha huwa li telimina d-disparità bejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-liġijiet u r-regoli tagħhom dwar it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża (li jvarjaw minn xkubetti, bombi u torpidows, għal sottomarini u ajruplani għall-użu militari).

Din tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni bbażata fuq il-ħruġ ta’ liċenzji tat-trasferiment lill-fornituri.

Hija tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni trasparenti u sikura ta’ prodotti relatati mad-difiża fl-UE, u b’hekk tgħin sabiex tingħata spinta lill-kompetittività tas-settur tad-difiża tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Tliet tipi ta’ liċenzji

1.

Liċenzji ġenerali, maħruġa minn pajjiż tal-UE lil fornituri stabbiliti fit-territorju tiegħu (sakemm dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-liċenzji) sabiex jittrasferixxu prodotti relatati mad-difiża lil riċevituri f’pajjiż tal-UE ieħor.

2.

Liċenzji globali, li jingħataw minn pajjiż tal-UE (li jiddetermina l-ambitu u t-tul ta’ żmien) lil fornituri li jitolbu t-trasferiment lejn pajjiż tal-UE wieħed jew aktar; u

3.

Liċenzji individwali, li jingħataw mill-pajjiżi tal-UE lil fornituri li jitolbu trasferiment wieħed ta’ prodotti lil riċevitur wieħed.

L-obbligi tal-fornituri

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-fornituri ta’ prodotti relatati mad-difiża stabbiliti fit-territorju tagħhom:

iżommu rekords dettaljati tat-trasferimenti tagħhom;

jinfurmaw lir-riċevituri dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzja (jiġifieri l-limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu aħħari jew l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża); u

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti mill-pajjiż tal-UE minn fejn jixtiequ jittrasferixxu l-prodotti dwar l-intenzjoni tagħhom li jużaw Liċenzja Ġenerali għall-ewwel darba.

Il-pajjiżi tal-UE fejn joqogħdu riċevituri ta’ prodotti relatati mad-difiża taħt liċenzji tat-trasferiment iridu jiċċertifikaw li r-riċevituri huma responsabbli għall-osservanza tal-limitazzjonijiet tal-esportazzjoni tal-prodotti li jirċievu.

Il-prodotti relatati mad-diviża li tirreferi għalihom din id-direttiva huma elenkati fl-anness għad-direttiva. Il-Kummissjoni Ewropea taġġorna din il-lista regolarment sabiex tkun tikkorrispondi mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fid-dritt nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2011.

SFOND

Qabel din id-direttiva, it-trasferiment ta’ prodotti relatati mad-difiża fi ħdan l-UE kien suġġett għal liġijiet ta’ liċenzjar nazzjonali. Dawn kienu jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini tal-proċeduri, l-ambitu u ż-żmien biex wieħed jikseb il-liċenzji. Konsegwentement, il-kompetittività tas-settur tad-difiża Ewropew, kif ukoll l-istabbiliment ta’ suq Ewropew ġenwin ta’ prodotti tad-difiża kienu mxekkla.

ATT

Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1–36)

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2009/43/KE u l-annessi tagħha ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 02.12.2015

Top