EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2007/36/KE dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati

Direttiva (UE) 2017/828 li temenda Direttiva 2007/36/KE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

  • Din tistabbilixxi regoli li jippromwovu l-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-azzjonisti f’laqgħat ġenerali ta’ kumpaniji b’uffiċċji reġistrati fl-UE u li l-ishma tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat fl-UE.
  • Ir-reviżjoni tal-2017 (Direttiva (UE) 2017/828) għandha l-għan li tħeġġeġ l-involviment fit-tul tal-azzjonisti biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu għall-istabbiltà fit-tul ta’ kumpanija u biex jitqiesu l-kwistjonijiet ambjentali u soċjali. Id-direttiva riveduta:
    • tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-azzjonisti u l-fluss ta’ informazzjoni bejn l-azzjonisti u l-kumpanija;
    • ittejjeb is-sorveljanza tar-remunerazzjoni tad-diretturi;
    • tirregola tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati*; u
    • tintroduċi aktar trasparenza.

PUNTI EWLENIN

Kumpanija għandha tagħti informazzjoni lill-azzjonisti dwar laqgħat ġenerali inkluż avviż ta’ 21 jum, u d-data, il-post, l-aġenda, u l-proċeduri ta’ votazzjoni u parteċipazzjoni għandhom jitniżżlu fuq is-sit web tagħha.

Il-kumpaniji għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni oħra bħal:

  • in-numru totali ta’ ishma u drittijiet tal-vot;
  • id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati;
  • abbozz ta’ riżoluzzjoni għal kull punt fuq l-aġenda tal-laqgħa; u
  • l-formoli li għandhom jintużaw għal vot bi prokura (meta azzjonist jawtorizza lil persuna jew lil kumpanija oħra biex jirrappreżentawh).

L-azzjonisti għandhom id-dritt li:

  • ipoġġu punti fuq l-aġenda ta’ laqgħat ġenerali u jipproponu riżoluzzjonijiet (jekk ikollhom 5 % tas-sehem fil-kapital tal-kumpanija);
  • jistaqsu mistoqsijiet relatati mal-punti fuq l-aġenda li l-kumpanija hija obbligata li twieġeb; u
  • jieħdu sehem u jivvotaw mingħajr limiti għajr id-data ta’ kwalifikazzjoni għall-pussess tal-ishma stabbilita minn kumpanija.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom iħassru kwalunkwe restrizzjoni fuq l-azzjonisti li jieħdu sehem fil-laqgħat permezz ta’ mezzi elettroniċi, u jaċċettaw appuntamenti ta’ prokura permezz ta’ mezzi elettroniċi. Normalment, il-kumpaniji għandhom jgħoddu wkoll in-numru eżatt ta’ voti għal kull riżoluzzjoni u jippubblikaw ir-riżultati sa 15-il jum. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu skadenzi iqsar.

Id-Direttiva (UE) 2017/828 temenda d-direttiva tal-2007, biż-żieda ta’ drittijiet addizzjonali kif ġej:

  • Vuċi għall-paga tad-diretturi
    • L-azzjonisti se jkollhom id-dritt li jivvotaw dwar il-politika ta’ remunerazzjoni mill-inqas kull 4 snin.
    • Il-vot jista’ jkun vinkolanti jew konsultattiv, skont l-għażla tal-pajjiż tal-UE.
    • Il-politika għandha tappoġġa l-istrateġija tal-kumpanija. Għandha tiddeskrivi l-komponenti fissi u varjabbli tal-paga tad-diretturi, inklużi l-karatteristiċi ewlenin tal-pensjoni u l-pagamenti marbuta mat-terminazzjoni ta’ kuntratt.
    • Fil-każ ta’ remunerazzjoni varjabbli, il-prestazzjoni tad-diretturi għandha tiġi evalwata kemm skont kriterji finanzjarji kif ukoll skont kriterji mhux finanzjarji, fejn huwa applikabbli. Il-politika għandha tiddikjara jekk japplikax l-irkupru jew kwalunkwe perjodu ta’ differiment jew ta’ żamma.
    • L-azzjonisti se jkollhom ukoll id-dritt li jivvotaw dwar rapporti ta’ remunerazzjoni annwali li jipprovdu informazzjoni dwar il-paga individwali tad-diretturi matul is-sena finanzjarja ta’ qabel. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu lil intrapriżi żgħar u medji jkollhom diskussjoni fil-laqgħa ġenerali bħala alternattiva għal votazzjoni.
    • Il-politika ta’ remunerazzjoni u r-rapporti se jkollhom ukoll jiġu divulgati pubblikament.
  • Identifikazzjoni tal-azzjonisti
    • Il-kumpaniji għandhom id-dritt li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom u jiksbu informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti minn kwalunkwe intermedjarju li għandu dik l-informazzjoni. Intermedjarji (bħal banek) għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni mingħajr dewmien.
    • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jimplimentaw limitu ta’ sehem minimu ta’ 0.5 % ta’ ishma jew drittijiet tal-vot qabel ma kumpanija titlob l-identifikazzjoni tal-azzjonisti.
  • Faċilitazzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti
    • Regoli ġodda għandhom l-għan li jagħmluha faċli għall-azzjonisti residenti f’pajjiż ieħor tal-UE biex jieħdu sehem f’laqgħat ġenerali u jivvotaw.
    • L-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti, inkluż id-dritt li jieħdu sehem u jivvotaw f’laqgħat ġenerali għandu jiġi ffaċilitat minn intermedjarji.
    • L-intermedjarji għandhom ukoll jagħtu lill-azzjonisti l-informazzjoni kollha mill-kumpanija li tippermetti lill-azzjonisti jeżerċitaw sewwa d-drittijiet tagħhom u jittrażmettu lill-kumpanija l-informazzjoni li waslet mill-azzjonisti b’relazzjoni mal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom.
  • Tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati
  • Għal kwalunkwe tranżazzjoni materjali (li se tiġi definita minn kull pajjiż tal-UE) bejn kumpanija kkwotata u parti relatata:
    • it-tranżazzjoni għandha tkun żvelata pubblikament;
    • skont il-pajjiż tal-UE, rapport li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija u għall-azzjonisti l-oħra għandu mnejn jiġi ppubblikat;
    • it-tranżazzjoni għandha tiġi approvata mill-azzjonisti jew il-bord. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirrikjedu wkoll l-approvazzjoni mill-azzjonisti.
  • Trasparenza għall-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-konsulenti delegati
    • L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jippubblikaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti, jew jispjegaw għaliex għażlu li ma jagħmlux dan. Għandhom ukoll jiddivulgaw informazzjoni kull sena dwar kif implimentaw din il-politika, b’mod partikolari kif ivvotaw f’votazzjonijiet sinifikanti.
    • L-investituri istituzzjonali huma meħtieġa jispjegaw kif l-elementi ewlenin tal-istrateġija tagħhom ta’ investiment ta’ ekwità huma konsistenti mal-profil u d-durata tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif dawk l-elementi jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom.
    • Il-maniġers tal-assi għandhom jiddivulgaw lill-investituri istituzzjonali kif l-istrateġija tagħhom ta’ investiment, u l-implimentazzjoni tagħha, jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali jew tal-fond.
    • Rekwiżiti addizzjonali ta’ trasparenza għall-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jimmiraw għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ investiment fit-tul u li jimpenjaw lill-maniġers tal-assi biex jaġixxu fl-interess fuq terminu medju sa twil tal-investitur istituzzjonali u l-benefiċjarji finali tiegħu.
    • Il-konsulenti delegati (li jipprovdu riċerka, parir u rakkomandazzjoni dwar kif tivvota) huma soġġetti għar-rekwiżiti tat-trasparenza. Għandhom jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li japplikaw jew jispjegaw lill-pubbliku għalfejn ma applikawx din il-kodiċi.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1212 jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għal:
    • l-identifikazzjoni tal-azzjonisti;
    • it-trażmissjoni ta’ informazzjoni; u
    • l-iffaċilitar tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

MINN META JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

Id-Direttiva 2007/36/KE ilha tapplika mit-3 ta’ Awwissu 2007. Ir-regoli emendati tad-Direttiva (UE) 2017/828 ilhom japplikaw mid-9 ta’ Ġunju 2017 u kellhom isiru liġijiet fil-pajjiżi tal-UE sal-10 ta’ Ġunju 2019.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Tranżazzjoni ma’ partijiet relatati: tranżazzjoni bejn il-kumpanija u individwu jew entità legali oħra li magħha għandha rabta preċedenti. Eżempji huma tranżazzjonijiet ma’ azzjonisti ta’ kontroll, maniġers ewlenin jew kumpaniji li jagħmlu parti mill-istess grupp.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet ta’ l-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, pp. 17-24)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2007/36/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta’ involviment fit-tul tal-azzjonisti (ĠU L 132, 20.5.2017, pp. 1-25)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1212 tat-3 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti (ĠU L 223, 4.9.2018, pp. 1-18)

l-aħħar aġġornament 06.05.2019

Top