Help Print this page 
Title and reference
Rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

Id-Deċiżjoni Qafas tfittex li testendi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-implimentazzjoni ta’ sentenzi mhux ta’ kustodja.

ATT

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi

SOMMARJU

Id-Deċiżjoni Qafas tfittex li testendi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għall-implimentazzjoni ta’ sentenzi mhux ta’ kustodja.

X’TAGĦMEL DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Id-deċiżjoni qafas tistipula r-regoli li għandhom jiġu segwiti minn kull pajjiż tal-UE biex jirrikonoxxi s-sentenzi u jissorveljaw miżuri ta’ probation (li jippermettu l-ħelsien kmieni) u sanzjonijiet alternattivi (l-impożizzjoni ta’ alternattivi għad-detenzjoni) maħruġa minn pajjiżi oħra tal-UE. Din tfittex li:

iżżid l-opportunitajiet għar-riintegrazzjoni soċjali ta’ dawk li ġew ikkundannati billi tiżgura s-segwitu tal-miżuri imposti fil-pajjiż tal-UE fejn ikunu stabbiliti;

ittejjeb il-protezzjoni tal-vittmi;

tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi fil-każ li l-ħati ma jgħix fil-pajjiż li fih ġie kkundannat.

PUNTI EWLENIN

Miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi

Id-deċiżjoni qafas telenka numru ta’ miżuri li kull pajjiż tal-UE għandu jkun kapaċi jissorvelja (bħall-ħtieġa li l-ħati jirrapporta lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, jirrimedja d-dannu li jkun ikkaġuna, ma jżurux ċerti postijiet, jevita kuntatt ma’ nies jew oġġetti, iwettaq servizz komunitarju, eċċ.).

Proċeduri, skadenzi u raġunijiet għar-rifjut

Is-sentenza (jew id-deċiżjoni ta’ probation) akkumpanjata minn ċertifikat tintbagħat direttament mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ ħruġ lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni.

60 jum wara li tasal is-sentenza jew il-miżuri ta’ probation u ċ-ċertifikat, il-pajjiż ta’ eżekuzzjoni jrid jiddeċiedi jekk jirrikonoxxix is-sentenza jew il-miżuri ta’ probation jew le u jekk ikunx se jieħu r-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tagħha jew le; id-deċiżjoni qafas telenka xi raġunijiet għaliex pajjiż jista’ jagħżel li jirrifjuta li jirrikonoxxi sentenza.

Il-liġi tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni ma tapplikax għas-sorveljanza u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ probation u sanzjonijiet alternattivi.

L-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta’ eżekuzzjoni:

tista’ tadatta l-miżuri meta, minħabba n-natura tagħhom jew it-tul tagħhom, ikunu inkompatibbli mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Trid tinforma lill-awtorità emittenti bi kwalunkwe adattament propost u tiżgura li l-miżuri jkunu konsistenti kemm jista’ jkun ma’ dawk imposti mill-pajjiż emittenti;

hija responsabbli biex tieħu kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti b’konnessjoni mas-sorveljanza u l-infurzar tas-sentenza: il-modifika tal-obbligi, kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ probation u r-revoka tas-sospensjoni.

F’rapport ippubblikat fl-2014, il-Kummissjoni talbet lill-pajjiżi tal-UE li kienu għadhom ma implimentawx din id-deċiżjoni qafas sabiex jieħdu fil-pront il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

ID-DEĊIŻJONI QAFAS MINN META SE TAPPLIKA?

Id-Deċiżjoni Qafas kellha tiġi implimentata sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Diċembru 2011.

SFOND

Kull sena, għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini tal-UE jiġu mħarrka minħabba reati kriminali allegati jew jiġu kkundannati f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi huwa l-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fl-UE.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Qafas 2008/947/ĠAI

16.12.2008

6.12.2011

ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102-122

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI

28.3.2009

28.3.2011

ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24-36

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Deċiżjonijiet Qafas 2008/909/ĠAI, 2008/947/ĠAI u 2009/829/ĠAI dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi dwar pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà, dwar sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta’ sorveljanza ta’ miżuri ta’ probation u ta’ sanzjonijiet alternattivi u dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni provviżorja (COM (2014) 57 final tal-5 ta’ Frar 2014 - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 03.03.2015

Top