EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Traffikar ta' migranti bl-art, bil-baħar u bl-ajru — protokoll tan-NU.

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/616/KE u 2006/617/KE dwar il-konklużjoni tal-protokoll tan-NU kontra t-traffikar ta' migranti (bl-art, bil-baħar u bl-ajru), li jissupplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali.

SOMMARJU

X'JAGĦMLU DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET?

Japprovaw formalment l-iffirmar tal-UE tal-Protokoll tan-NU kontra t-traffikar ta' migranti bl-art, bil-baħar jew bl-ajru sal-punt li dan jaqa' taħt il-kompetenza tal-UE. Dan il-protokoll għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali għandu l-għan li jipprevjeni u li jikkumbatti t-traffikar tal-migranti, li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi firmatarji u li jipproteġi d-drittijiet tal-migranti traffikati.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi firmatarji għandhom jistabbilixxu l-atti li ġejjin bħala offiżi kriminali meta dawn jitwettqu apposta għal qligħ finanzjarju jew għal gwadann materjali:

  • it-traffikar ta' migranti, jiġifieri li jġibu illegalment persuna fi stat li tiegħu l-persuna ma tkunx ċittadina jew residenti permanenti;
  • meta mwettqa għall-iskop li jippermettu t-traffikar ta' migranti, li jipproduċu, li jakkwistaw, li jipprovdu jew li jippossjedu dokumenti foloz tal-ivvjaġġar jew tal-identità;
  • jippermettu li persuna tibqa' fi stat mingħajr ma tikkonforma mal-ħtiġijiet neċessarji sabiex tirrisjedi legalment;
  • jippruvaw, jipparteċipaw fi u jinstigaw it-twettiq ta' dawn ir-reati.

Il-pajjiżi firmatarji jridu jikkunsidraw ukoll iċ-ċirkustanzi li ġejjin bħala li jżidu l-gravità tal-att kriminali (jiġifieri ċirkustanzi aggravanti):

  • jipperikolaw il-ħajja jew is-sigurtà tal-migranti kkonċernati;
  • joħolqu ta' trattament inuman jew degradanti, inkluż għal sfruttament, ta' dawn il-migranti.

Il-vittmi tat-traffikar ta' migranti m'għandhomx ikunu responsabbli għal prosekuzzjoni kriminali.

Kamp ta' applikazzjoni

Il-protokolla japplika għal:

  • il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati t'hawn fuq (fejn huma transnazzjonali fin-natura tagħhom u fejn ikun involut grupp kriminali organizzat);
  • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi ta' dawn ir-reati.

Miżuri kontra t-traffikar tal-migranti bil-baħar

  • Jekk stat jissuspetta li bastiment mingħajr nazzjonalità qiegħed jittraffika l-migranti, jista' jitla' abbord u jfittex il-bastiment.
  • Jekk pajjiż jissuspetta li bastiment li jkollu reġistrazzjoni barranija qed jittraffika l-migranti, huwa għandu jinnotifika lill-pajjiż li fih il-bastiment ikun irreġistrat (bandiera tal-istat) u jitlob kemm konferma tar-reġistrazzjoni kif ukoll l-awtorizzazzjoni biex jieħu azzjoni. Jekk is-suspetti jkunu kkonfermati, il-pajjiż li jagħmel it-talba:
    • jista' jitla' u jfittex il-bastiment, imbagħad jieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-bastiment u l-persuni u l-merkanzija abbord u
    • għandu jiżgura s-sigurtà u t-trattament uman tal-persuni abbord.
  • Jekk ma jinstab l-ebda periklu imminenti, l-ebda miżura addizzjonali ma tista' tittieħed mingħajr il-permess espliċitu tal-Istat tal-bandiera.

Il-kooperazzjoni internazzjonali

Il-pajjiżi għandhom jaħdmu lejn it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri tagħhom u huma intitolati li jiċħdu d-dħul ta' xi ħadd implikat fit-traffikar ta' migranti. Dawk bi fruntieri komuni jew li jinsabu fuq rotot użati minn gruppi kriminali huma obbligati li jiskambjaw ċerta informazzjoni bħal dawn li ġejjin:

  • Il-punti ta' tluq u tad-destinazzjoni użati mit-traffikanti.
  • Ir-rotot u l-mezzi ta' trasport użati.
  • Il-metodi u l-mezzi tal-:
    • ħabi u t-trasport tal-persuni;
    • użu ħażin ta' dokumenti tal-ivvjaġġar jew tal-identità.

Il-pajjiżi b'kompetenza relevanti għandhom jipprovdu assistenza teknika lil dawk li huma ta' spiss pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu għall-migranti.

Prevenzjoni, protezzjoni, assistenza u ritorn

Il-pajjiżi huma meħtieġa li jieħdu azzjoni f'numru ta' modi kemm biex jipprevjenu traffikar kif ukoll biex jimmaniġġaw vittmi ta' traffikar. Dawn jinkludu li ġej:

  • Kampanji pubbliċi ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' żvilupp u kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjoinali u internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kawżi ta' traffikar ta' migranti, b'mod speċjali l-faqar u s-sottożvilupp.
  • Miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-migranti li huma vittmi ta' traffikar, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal.
  • Jipprovdu protezzjoni kontra l-vjolenza li tista' tiġi inflitta fuq il-migranti u l-assistenza għal dawk li ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom tkun fil-periklu b' riżultat ta' traffikar.
  • Jagħmlu mezz biex iġibu lura liċ-ċittadini tagħhom jew persuni li għandhom id-dritt ta' residenza permanenti fit-territorju tagħhom u li kienu l-oġġett ta' traffikar.

SFOND

Id-Direttiva 2002/90/KE u Deċiżjoni Qafas 2002/946/JHA stabbilixxew definizzjoni komuni għall-ksur ta' faċilitazzjoni tal-migrazzjoni irregolari u r-regoli minimi dwar il-pieni, ir-responsabbiltà tal-persuni legali.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/616/KE tal-24 ta' Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikoli 179 u l-Artikolu 181a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 24)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/617/KE tal-24 ta' Lulju 2006 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Kontra t-Traffikar ta' Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali li tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, safejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jaqgħu fl-ambitu tal-Parti III, Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 262, 22.9.2006, p. 34)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU L 328, 5.12.2002, p. 17)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19)

l-aħħar aġġornament 04.02.2016

Top