Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Akkreditament u sorveljanza tas-suq

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Akkreditament u sorveljanza tas-suq

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 765/2008 — li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi regoli komuni għall-entitajiet ta’ akkreditament li jiżguraw li prodotti mhux tal-ikel fl-Unjoni Ewropea (UE) jikkonformaw ma ċerti rekwiżiti.
  • Huwa jistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza biex jiggarantixxi livell għoli ta’ sikurezza ta’ dawk il-prodotti u b’mod ġenerali l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti applikabbli.
  • Huwa jistabbilixxi wkoll regoli rigward il-kontrolli fuq l-importazzjoni minn barra l-UE; u jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-Marka CE*.

PUNTI EWLENIN

Korpi nazzjonali ta' akkreditament

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu:
    • jaħtru organizzazzjoni ta' akkreditament nazzjonali unika;
    • jiżguraw li l-organizzazzjoni għandha finanzi u persunal suffiċjenti biex twettaq id-dmirijiet tagħha;
    • jimmonitorjaw l-organizzazzjoni biex jiżguraw li tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija;
    • jikkommunikaw id-dettalji rilevanti lill-Kummissjoni Ewropea li tagħmel lista għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-diversi organizzazzjonijiet nazzjonali.
  • Il-korpi nazzjonali ta' akkreditament jridu:
    • jiddeterminaw jekk organizzazzjonijiet ta' valutazzjoni ta' konformità individwali* humiex kompetenti li jagħmlu xogħolhom u jimmonitorjaw il-prestazzjoni tagħhom;
    • jillimitaw, jissospendu jew jirtiraw ċertifikati ta’ akkreditament għall-valutazzjoni tal-organizzazzjonijiet li ma jibqgħux kapaċi jwettqu d-dmirijiet tagħhom;
    • ikunu oġġettivi u imparzjali u jkollhom stabbiliti ġestjoni effiċjenti u kontrolli interni adegwati;
    • jaqblu mal-valutazzjoni bejn il-pari;
    • jinformaw korpi nazzjonali ta' akkreditament oħrajn dwar l-attivitajiet ta' valutazzjoni ta' konformità;
    • regolarment jagħmel pubblikament disponibbli informazzjoni dwar xogħolhom.
  • Il-kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA) tamministra l-valutazzjoni bejn il-pari biex tiżgura l-kwalità tas-servizzi li jipprovdu l-korpi nazzjonali ta' akkreditament.

Sorveljanza tas-suq u kontrolli fuq l-importazzjoni tal-UE

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu:
    • jorganizzaw u jwettqu sorveljanza tas-suq biex jiżguraw is-sikurezza tal-prodotti;
    • jirtiraw, jillimitaw jew jipprojbixxu prodotti li jistgħu jikkawżaw ħsara għas-saħħa jew is-sikurezza tal-utenti u jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar l-azzjoni li ħadu;
    • jistabbilixxu proċeduri biex jittrattaw l-ilmenti;
    • jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq jinħatru u jingħataw riżorsi suffiċjenti biex iwettqu l-kompiti tagħhom;
    • jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bejniethom;
    • jistabbilixxu r-regoli dwar pieni, li jistgħu jinkludu sanzjonijiet kriminali, għal ksur serju tal-liġi.
  • L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq jridu:
    • iwettqu kontrolli adegwati fuq skala suffiċjenti, filwaqt li jikkunsidraw il-prinċipji stabbiliti tal-valutazzjonijiet tar-riskju, ilmenti u informazzjoni oħra;
    • iwissu lill-utenti f’pajjiżhom stess dwar perikli li huma jiskopru;
    • jinformaw lis-sistema ta' informazzjoni rapida (RAPEX) tal-UE dwar riskji serji;
    • jiskambjaw informazzjoni dwar il-konformità tal-prodotti permezz ta’ database komuni tal-UE;
    • jikkooperaw mal-awtoritajiet f’pajjiżi oħra tal-UE.
  • Awtoritajiet Nazzjonali tad-dwana jistgħu jimpedixxu prodotti importati milli jinbiegħu fl-UE jekk jemmnu li joħolqu riskju serju għas-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent jew interess pubbliku ieħor.
  • Il-marka CE tista’ titwaħħal ukoll ma’ prodott minn manifattur jew minn xi ħadd b’mandat li jopera f’isimhom, diment li dan jissodisfa l-istandards kollha ta’ konformità.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

  • Huwa essenzjali li prodotti mhux tal-ikel li jistgħu jiċċaqilqu liberament bejn pajjiżi tal-UE ma jippreżentawx periklu għall-pubbliku, l-ambjent jew is-sikurezza ġenerali.
  • L-akkreditament hija parti minn sistema ġenerali li tinkludi l-valutazzjoni ta' konformità u s-sorveljanza tas-suq. Dispożizzjonijiet fir-regolament għal din tal-aħħar jikkumplimentaw dawk stabbiliti f’atti oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Marka CE: marka li manifatturi jużaw biex jindikaw li l-oġġetti jikkonformaw mal-istandards.

Korp tal-valutazzjoni tal-konformità: korp li jwettaq attivitajiet li jinkludu l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, l-attestazzjoni u l-ispezzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30-47)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, pp. 4-17)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/95/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 82-128)

Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati ma' l-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 21-29)

l-aħħar aġġornament 14.02.2017

Top