Help Print this page 
Title and reference
Servizzi ta’ Ħlas fl-Unjoni Ewropea

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Servizzi ta’ Ħlas fl-Unjoni Ewropea

Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu ċerti li l-ħlasijiet li jagħmlu madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha jkunu faċli, effiċjenti u siguri. Sabiex tilħaq dan l-għan, l-UE waqqfet qafas komuni għas-servizzi ta’ ħlas* li jieħu post ir-regoli nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

ATT

Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE.

SOMMARJU

Jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu ċerti li l-ħlasijiet li jagħmlu madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha jkunu faċli, effiċjenti u siguri. Sabiex tilħaq dan l-għan, l-UE waqqfet qafas komuni għas-servizzi ta’ ħlas* li jieħu post ir-regoli nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi r-regoli għal servizzi ta’ ħlas bħal trasferimenti ta’ kreditu, debiti diretti u ħlasijiet bil-kards. Dawn ir-regoli jinkludu rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas, kif ukoll drittijiet u obbligi marbuta mal-użu tas-servizzi ta’ ħlas.

PUNTI EWLENIN

Awtorizzazzjoni

Istituzzjoni li toffri servizzi ta’ ħlas għandha tikseb awtorizzazzjoni biex twettaq l-attivitajiet ta’ ħlas tagħha madwar l-UE. Kull pajjiż tal-UE għandu korp nazzjonali responsabbli mill-għoti tal-awtorizzazzjonijiet. L-istituzzjoni tiġi awtorizzata biss jekk ikollha arranġamenti ta’ governanza robusti fis-seħħ għan-negozju tagħha u jekk ikollha ċertu ammont ta’ kapital.

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

Il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas għandhom jipprovdu firxa ta’ informazzjoni ċara lill-utenti tas-servizzi tagħhom.

Qabel jipprovdu servizz ta’ ħlas, huma għandhom jikkomunikaw informazzjoni li tkun tista’ tinftiehem faċilment b’rabta mat-tariffi, il-proċeduri tal-ilmenti u l-ħlasijiet kollha pagabbli.

Wara l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas, huma għandhom jipprovdu tagħrif lill-kontribwent. Dan jinkludi:

ir-referenza tat-tranżazzjoni tal-ħlas u tal-prenditur,

l-ammont tal-ħlas,

it-tariffi u l-kummissjonijiet relatati mat-tranżazzjoni.

Huma għandhom jikkomunikaw it-tagħrif lill-prenditur ladarba sseħħ it-tranżazzjoni.

Il-liġi tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-tagħrif li għandhom jagħtu l-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas meta t-tranżazzjonijiet ikunu koperti minn kuntratt li jirregola l-eżekuzzjoni futura tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas suċċessivi.

Drittijiet u obbligi

Tranżazzjoni ta’ ħlas f’euros jew fil-munita ta’ pajjiż tal-UE barra ż-żona tal-euro tiġi esegwita fi żmien jum tax-xogħol.

Il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas huma responsabbli b’mod sħiħ lejn il-kontribwenti għall-eżekuzzjoni korretta tat-tranżazzjonijiet tal-ħlas. Meta tranżazzjoni ma tiġix esegwita jew tkun difettuża, il-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tal-kontribwent għandu jikkoreġiha jew jirrifondi l-ammont rilevanti lill-kontribwent. F’każ tal-użu ħażin ta’ strument ta’ ħlas minn xi ħadd ieħor minbarra l-kontribwent, bħal kard ta’ kreditu, il-kontribwent iġorr it-telf sa ammont massimu ta’ €150.

Il-liġi tistabbilixxi wkoll regoli għar-rifużjonijiet meta t-tranżazzjonijiet tal-ħlas ikunu ġew awtorizzati b’mod żbaljat.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Mill-25 ta’ Diċembru 2007.

TERMINU EWLIENI

Servizzi ta’ ħlas huma attivitajiet ta’ negozju li:

jippermettu t-tqegħid jew it-teħid ta’ flus kontanti fi jew minn kont tal-pagamenti, kif ukoll it-tħaddim ta’ dak il-kont;

jwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħlas (eż. ordnijiet permanenti, debiti diretti, eċċ.) kemm fuq il-kontijiet tal-pagamenti kif ukoll b’mezzi elettroniċi;

joħorġu u/jew jakkwistaw struzzjonijiet dwar il-ħlasijiet;

rimessa ta’ flus.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku dwar is-Servizzi ta’ Ħlas tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2007/64/KE

25.12.2007

1.11.2009

ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1-36

Korriġendum

-

-

ĠU L 187, 18.7.2009, p. 5-5

Att(i) Emendatorji

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2009/111/KE

7.12.2009

31.10.2010

ĠU L 302 tas-17.11.2009, p. 97-119

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257 tat-28.8.2014, p. 214-246).

L-aħħar aġġornament: 15.04.2015

Top