EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni — Frontex

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament (UE) Nru 1168/2011 jemenda l-att oriġinali biex itejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE u biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri nazzjonali.

Emenda ulterjuri, ir-Regolament (UE) Nru 656/2014, tistabbilixxi regoli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fil-baħar tal-UE fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali mmexxija mill-Frontex.

PUNTI EWLENIN

Kompiti

Il-kompiti prinċipali tal-Frontex huma:

  • l-ippjanar u l-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi tal-fruntiera mmexxija mill-aġenzija permezz tal-persunal u t-tagħmir tal-pajjiżi tal-UE fi fruntieri esterni fil-baħar, fuq l-art u fl-ajru;
  • il-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti ta' ritorn ta’ ċittadini barranin li jirrisjedu illegalment fl-UE u f’pajjiżi tax-Schengen* u li jirrifjutaw li jitilqu volontarjament;
  • il-preparazzjoni ta’ standards u għodod komuni ta' taħriġ għall-gwardji nazzjonali tal-fruntieri;
  • it-twettiq ta’ analiżi ta' riskji (bil-ħsieb li tittejjeb il-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE);
  • l-assistenza lill-pajjiżi tax-Schengen li jeħtieġu aktar assistenza teknika u operazzjonali fil-fruntieri esterni (eż. emerġenzi umanitarji u ta’ salvataġġ fuq il-baħar jew meta jiffaċċjaw pressjonijiet sproporzjonati fuq il-fruntieri tagħhom);
  • l-iżvilupp ta’ kapaċità ta' rispons immedjat li tinvolvi Timijiet tal-Gwardji tal-Fruntieri (ara hawn taħt), kif ukoll database ta’ tagħmir u riżorsi disponibbli li għandhom jintużaw fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi.

Tagħmir

Il-Frontex tista’ tixtri/tikri t-tagħmir tagħha stess għall-kontroll tal-fruntieri (karozzi, vetturi, ħelikopters, eċċ.) jew tixtrihom flimkien ma’ pajjiżi tal-UE.

Pjan operazzjonali

Pjan operazzjonali (imfassal qabel l-operazzjonijiet konġunti, interventi rapidi tal-fruntiera u proġetti pilota) għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-attività partikolari, bħal:

  • kompiti u responsabilitajiet,
  • il-kompożizzjoni tat-timijiet,
  • arranġamenti għall-kmand u l-kontroll (eż. l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntieri tal-pajjiż ospitanti responsabbli għall-koperazzjoni ma’ Frontex u ma’ uffiċjali mistiedna minn pajjiżi oħra tal-UE li qed jaħdmu fuq operazzjonijiet konġunti),
  • l-evalwazzjoni u r-rappurtar ta' inċidenti, u l-ġurisdizzjoni applikabbli (eż. fil-każ ta’ operazzjonijiet fuq il-baħar), eċċ.

Timijiet tal-Gwardji tal-Fruntieri tal-UE

It-timijiet tal-Gwardji tal-Fruntieri Ewropej jintbagħtu f’operazzjonijiet konġunti, f’interventi rapidi fil-fruntieri u f’proġetti piloti kkoordinati mill-Frontex.

Dawn huma magħmulin minn gwardji tal-fruntieri mill-pajjiżi tal-UE, esperti f’oqsma differenti tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż:

  • kontrolli fuq il-fruntieri;
  • sorveljanza tal-fruntieri tal-art u tal-baħar;
  • speċjalisti tal-identifikazzjoni ta’ dokumenti foloz; u
  • l-identifikazzjoni tan-nazzjonalitajiet tal-migranti irregolari.

Koperazzjoni

Il-Frontex tista’ tikoopera mal-Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, ma' awtoritajiet ta’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u mal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM).

Eurosur

Fl-2013, taħt regolament separat, bdiet topera s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur). Dan il-qafas tal-iskambju tal-informazzjoni huwa maħsub biex itejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Huwa għandu l-għan li jappoġġja l-pajjiżi tal-UE billi:

  • iżid l-għarfien u l-kapaċità ta' reazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali;
  • jindirizza l-migrazzjoni irregolari; u
  • jevita t-telf tal-ħajjiet tal-migranti fuq il-baħar.

Il-Frontex għandha rwol fil-kumpilazzjoni u l-analiżi tal-“istampa tas-sitwazzjoni Ewropea”, reviżjoni tal-attivitajiet li ġraw dan l-aħħar fil-fruntieri ta’ ċerti pajjiżi tal-UE u li jistgħu jgħinu sabiex jiġu identifikati l-bidliet fir-rotot jew metodi ġodda użati minn netwerks kriminali.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Mejju 2005.

SFOND

Il-Frontex bdiet topera fl-2005. Hija bbażata f’Varsavja, il-Polonja.

Fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, f’Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta biex toħloq Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera utal-Kosta . Din se tinbena minn awtoritajiet tal-Frontex u ta’ pajjiżi tal-UE li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri u ser tkun tippermetti tmexxija aktar integrata tal-fruntieri esterni tal-UE.

TERMINU EWLIENI

* Pajjiżi tax-Schengen: Pajjiżi Ewropej li ffirmaw ftehim biex jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri u biex jippermettu l-moviment ħieles taċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi firmatarji, ta’ pajjiż oħra tal-UE u ta’ xi pajjiżi mhux tal-UE.

Il-pajjiżi tax-Schengen huma dawn li ġejjin: L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.

ACT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1-11)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11-26)

l-aħħar aġġornament 02.05.2016

Top