Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri: il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar (Brussell IIa)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri: il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar (Brussell IIa)

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 - il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri

SOMMARJU

Strument legali wieħed li jgħin koppji internazzjonali jsolvu tilwimiet, li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed, fuq id-divorzju u l-kustodja tat-tfal tagħhom.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi:

regoli li jiddeterminaw liema qorti hija responsabbli biex tittratta kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri f’tilwimiet li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed;

regoli li jagħmluha aktar faċli li s-sentenzi maħruġa f’pajjiż wieħed tal-UE jiġu rikonoxxuti u infurzati f’pajjiż ieħor;

proċedura sabiex jiġu riżolti każijiet fejn wieħed mill-ġenituri jaħtaf persuna minorenni minn pajjiż wieħed tal-UE u jeħodha miegħu f’pajjiż ieħor.

Huwa ma jittrattax kwistjonijiet sostantivi li jirrigwardjaw il-liġi tal-familja. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE individwali.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika għal każijiet tal-liġi ċivili li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed b’rabta ma’:

divorzju;

separazzjoni legali;

l-annullament ta’ żwieġ;

kwalunkwe aspett tar-responsabbiltà tal-ġenituri (bħal drittijiet ta’ kustodja u aċċess).

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huwa li jiddefendi d-dritt tat-tfal li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, anki jekk dawn ikunu sseparati jew jgħixu f’pajjiżi differenti tal-UE.

Ir-Regolament ma japplikax għal każijiet li jikkonċernaw:

ir-raġunijiet għad-divorzju jew il-liġi applikabbli f’każijiet ta’ divorzju;

kwistjonijiet relatati mad-divorzju, bħall-manteniment;

l-istabbiliment u l-kontestazzjoni tal-paternità

sentenzi dwar l-adozzjoni u l-miżuri ta’ tħejjija assoċjati;

l-annullament jew ir-revoka ta’ adozzjoni;

l-isem u l-kunjom ta’ minuri;

l-indipendenza tal-minuri mill-ġenituri jew mill-kustodji tagħhom;

fondi fiduċjarji u wirt;

il-miżuri meħuda b’reazzjoni għal atti kriminali mwettqa minn minuri.

Kwistjonijiet matrimonjali

Ma hemm ebda regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali. Sabiex jiddetermina l-pajjiż tal-UE fejn il-qrati għandhom id-dritt li jiddeċiedu fuq kawża, ir-Regolament minflok jistabbilixxi 7 raġunijiet alternattivi għal ġurisdizzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-konjugi jew abbażi ta’ fejn normalment jgħixu.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Din tapplika għal:

id-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess;

it-tutela, il-kurazija u arranġamenti legali simili;

in-nomina u l-funzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna jew korp responsabbli mill-minuri jew mill-proprjetà tal-minuri, jew li jirrappreżentaw jew jassistu lill-minuri;

it-tqegħid tal-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kura istituzzjonali;

miżuri li jipproteġu lill-minuri u li jkopru l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew l-użu tal-proprjetà tal-minuri.

Tali kwistjonijiet ġeneralment jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-pajjiżtal-UE fejn normalment tgħix il-persuna minuri . Jekk ikun impossibbli li jiġi stabbilit fejn normalment tgħix persuna minuri (bħal fil-każ tar-refuġjati), il-pajjiż tal-UE fejn hija preżenti l-persuna minuri awtomatikament jassumi l-ġurisdizzjoni.

Ħtif ta’ minuri

Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli sabiex jissolvew każijiet fejn il-minuri jinżammu jew jitneħħew b’mod illegali.

Il-qrati tal-pajjiż tal-UE fejn normalment għexet il-minuri immedjatament qabel il-ħtif ikomplu jkollhom ġurisdizzjoni sakemm il-minuri tkun qiegħda tgħix primarjament f’pajjiż ieħor tal-UE.

Rikonoxximent

Skont ir-Regolament, kull pajjiż tal-UE għandu jirrikonoxxi awtomatikament is-sentenzi mogħtija f’pajjiż ieħor tal-UE fuq kwistjonijiet matrimonjali jew ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Ir-rikonoxximent jista’ jiġi miċħud jekk, pereżempju:

ir-rikonoxximent imur b’mod ċar kontra l-politika pubblika;

il-konvenut ma jirċevix id-dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti għal difiża legali (fil-każijiet fejn is-sentenza tkun ingħatat fl-assenza tal-konvenut);

ir-rikonoxximent ikun inkompatibbli ma’ sentenza oħra mogħtija bejn l-istess partijiet.

Għal sentenzi li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-rikonoxximent jista’ jiġi miċħud jekk:

il-persuna minuri ma tkunx ingħatat opportunità li tinstema’;

fuq talba ta’ persuna li ssostni li s-sentenza tikser ir-responsabbiltà tagħha bħala ġenitur, is-sentenza tkun inħarġet mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat opportunità li tinstema’.

Infurzar

Sentenza dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri infurzabbli fil-pajjiż tal-UE fejn ingħatat tista’ tiġi infurzata f’pajjiż ieħor tal-UE meta tkun ġiet iddikjarata bħala infurzabbli hemmhekk fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata. Madankollu, ma hija meħtieġa ebda dikjarazzjoni għal sentenzi li jagħtu drittijiet ta’ aċċess jew li jikkonċernaw ir-ritorn ta’ minuri li jkunu ġew iċċertifikati mill-imħallef oriġinali b’konformità mar-Regolament.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali f’kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Kull pajjiż tal-UE jinnomina awtorità ċentrali (jew aktar minn waħda), li d-doveri tagħha jinkludu:

li tgħin lill-ġenitur li jkun qed ifittex ir-ritorn ta’ persuna minuri maħtufa mill-ġenitur l-ieħor u meħuda f’pajjiż ieħor tal-UE;

li tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri u l-liġi nazzjonali;

li tgħin lill-qrati jikkomunikaw ma’ xulxin;

li tgħin lill-ġenituri jew lill-kustodji li jkunu qed ifittxu li d-deċiżjonijiet jiġu rikonoxxuti u infurzati;

li tfittex li tirrisolvi kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri jew il-kustodji permezz ta’ mezzi alternattivi bħal medjazzjoni.

L-awtoritajiet ċentrali jiltaqgħu regolarment bħala membri tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

Ftehimiet eżistenti

Bħala regola ġenerali, dan ir-regolament jissostitwixxi l-konvenzjonijiet eżistenti dwar l-istess kwistjonijiet li jinvolvu 2 pajjiżi tal-UE jew aktar. Fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE, huwa jieħu preċedenza fuq ċerti konvenzjonijiet multilaterali:

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 (liġi applikabbli għall-protezzjoni tal-minuri);

Il-Konvenzjoni tal-Lussemburgu tal-1967 (ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet dwar iż-żwieġ);

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1970 (ir-rikonoxximent tad-divorzji);

Il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 (il-kustodja tat-tfal);

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 (aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri).

Fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri, ir-regolament huwa applikabbli kompletament jekk il-persuna minuri normalment tkun tgħix f’pajjiż tal-UE.

Eżenzjonijiet u dispożizzjonijiet speċjali

Id-Danimarka mhijiex parti għar-Regolament u, għalhekk, mhijiex marbuta minnu.

Jeżistu dispożizzjonijiet speċjali li huma applikabbli għal:

ir-relazzjonijiet tal-Finlandja u tal-Isvezja mad-Danimarka, mal-Islanda u man-Norveġja fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Nordika dwar iż-Żwieġ tas-6 ta' Frar 1931;

ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Portugall, l-Italja, Spanja u Malta.

Aktar tagħrif:

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003

1.8.2004

-

ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1-29

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 2116/2004

3.1.2005

-

ĠU L 367, 14.12.2004, p. 1-2

ATTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (Ġurnal Uffiċjali L 189, 22.7.2010, p. 12-13)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (Il-Ġurnal Uffiċjali L 343, 29.12.2010, p. 10-16)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/714/UE tal-21 ta' Novembru 2012 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (ĠU L 323, 22.11.2012, p. 18-19)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/39/UE tas-27 ta' Jannar 2014 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (ĠU L 23, 28.1.2014, p. 41-42)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top