Help Print this page 
Title and reference
Netwerk ta' Ġenoċidju Ewropew

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Netwerk ta' Ġenoċidju Ewropew

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Deċiżjoni 2002/494/JHA – netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar kwistjonijiet ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Tistabbilixxi netwerk ta' punti ta' kuntatt nazzjonali (wieħed f'kull pajjiż tal-UE) biex tiġi mtejba l-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra l-ġenoċidju*, ir-reati kontra l-umanità* u r-reati tal-gwerra*.

PUNTI EWLENIN

Il-punti ta' kuntatt nazzjonali għall-iskambju tal-informazzjoni dwar investigazzjonijiet ta' dawn ir-reati huma stabbiliti f'kull pajjiż tal-UE. Id-dettalji ta’ kull punt ta’ kuntatt għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE, li mbagħad jibgħat l-informazzjoni lill-punti ta' kuntatt nazzjonali f'pajjiżi oħra tal-UE.

Il-punti ta' kuntatt nazzjonali jfornu lil xulxin bl-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-investigazzjonijiet tal-ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati kriminali fuq talbi minn punti ta' kuntatt nazzjonali oħra.

Il-Kunsill tal-UE annwalment jinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tan-netwerk tal-punti ta' kuntatt.

In-netwerk jiltaqa’ darbtejn fis-sena f’laqgħat imlaqqa’ mill-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jikkoordina l-isforzi għaddejjin biex jinvestigaw u jipprosegwixxu persuni suspettati li wettqu reat jew ipparteċipaw f'ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra.

MINN META TIBDA TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Daħlet fis-seħħ fit-13 ta' Ġunju 2002.

SFOND

Il-pajjiżi kollha tal-UE rrattifikaw l-Istatut ta' Ruma tas-17 ta' Lulju 1998 li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tisma' każijiet li jinvolvu ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra.

Madankollu, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra huma primarjament ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali. Din hija r-raġuni għala hija meħtieġa kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex tiżgura li dawn ir-reati jiġu miġġielda b'suċċess.

TERMINI EWLENIN

* Ġenoċidju: atti mwettqa bil-ħsieb li jeqirdu grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż sħiħ jew parti minnu.

* Reati kontra l-umanità : atti mwettqa bħala parti minn attakk mifrux u sistematiku dirett kontra l-popolazzjonijiet ċivili.

* Reati tal-gwerra: atti mwettqa li jiksru l-liġi tal-gwerra (eż. il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra). L-eżempji jinkludu l-maltrattament tal-priġunieri tal-gwerra, il-qtil tal-ostaġġi, jew il-qerda tal-bliet u l-irħula b'mod deliberat.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra (ĠU L 167, 26.6.2002, pp. 1-2)

ATTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra (ĠU L 118, 14.5.2003, pp. 12–14)

l-aħħar aġġornament 26.11.2015

Top