Help Print this page 
Title and reference
Regoli tal-UE dwar reati terroristiċi u pieni relatati

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Regoli tal-UE dwar reati terroristiċi u pieni relatati

Din id-deċiżjoni ta' qafas (2002/475/ĠAI) u Deċiżjoni Emendatorja (2008/919/ĠAI) teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jallinjaw il-leġislazzjoni tagħhom u jdaħħlu pieni minimi dwar reati terroristiċi. Id-Deċiżjonijiet jiddefinixxu reati terroristiċi, kif ukoll reati relatati ma’ gruppi terroristiċi jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, u jistabbilixxu r-regoli għat-traspożizzjoni fil-pajjiżi tal-UE.

ATT

Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

SOMMARJU

Din id-deċiżjoni ta' qafas (2002/475/ĠAI) u Deċiżjoni Emendatorja (2008/919/ĠAI) teħtieġ li l-pajjiżi tal-UE jallinjaw il-leġislazzjoni tagħhom u jdaħħlu pieni minimi dwar reati terroristiċi. Id-Deċiżjonijiet jiddefinixxu reati terroristiċi, kif ukoll reati relatati ma’ gruppi terroristiċi jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, u jistabbilixxu r-regoli għat-traspożizzjoni fil-pajjiżi tal-UE.

X’JAGĦMLU DAWN ID-DEĊIŻJONIJIET QAFAS?

Id-deċiżjonijiet jiddefinixxu dawn li ġejjin:

Il-kunċett ta’ reat terroristiku bħala taħlita ta’:

elementi oġġettivi (qtil, ferimenti fiżiċi, teħid ta’ ostaġġi, estorsjoni, twettiq ta’ attakki, theddid għat-twettiq ta’ xi waħda minn dawn ta’ hawn fuq, eċċ) u

elementi suġġettivi (atti mwettqa bil-għan ta’ intimidazzjoni serja ta’ popolazzjoni, id-destabbilizzazzjoni jew il-qerda ta’ strutturi ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, jew sabiex gvern jiġi mġiegħel jastjeni milli jwettaq azzjonijiet);

Grupp terroristiku bħala grupp strutturat ta’ żewġ persuni jew aktar, imwaqqaf fuq perjodu ta’ żmien u li jaġixxi bi skop li jwettaq reati terroristiċi.

Jeħtieġu wkoll li kull pajjiż tal-UE:

jikkriminalizza atti preparatorji bħala reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi - eżempji jinkludu provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu u serq, estorsjoni jew falsifikazzjoni bil-għan li jitwettqu reati terroristiċi;

jikkriminalizza tixwix jew għajnuna jew kompliċità, kif ukoll tentattivi biex jitwettqu ċerti tipi ta’ reati;

jistabbilixxi responsabbiltà kriminali għal persuni ġuridiċi u jistabbilixxi regoli u limiti għal pieni u sanzjonijiet;

jistabbilixxi ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi meta r-reat jitwettaq fit-territorju tiegħu jew abbord bastiment jew inġenju tal-ajru li jtajjar il-bandiera tiegħu;

jistabbilixxi ġurisdizzjoni jekk it-trasgressur ikun ċittadin jew residenti tiegħu, ir-reat ikun sar għall-benefiċċju ta’ entità legali stabbilita fit-territorju tiegħu jew ir-reat isir kontra persuni jew istituzzjonijiet ta’ pajjiż tal-UE, jew kontra istituzzjoni tal-UE bbażata f'dak il-pajjiż;

jistabbilixxi ġurisdizzjoni f’każijiet meta jirrifjuta li jgħaddi jew jestradixxi persuna suspettata jew misjuba ħatja ta’ reat terroristiku;

jikkoopera ma’ pajjiżi oħra tal-UE u jiddeċiedi liema pajjiż jieħu ġurisdizzjoni meta f’każ partikolari jkun hemm diversi pajjiżi nvoluti;

jadotta miżuri biex tiġi żgurata għajnuna xierqa għall-familji tal-vittmi.

PUNTI EWLENIN

Fir-rapport tagħha ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas tal-2008, il-Kummissjoni Ewropea tinnota li ħafna mill-pajjiżi tal-UE (minbarra l-Irlanda u l-Greċja) adottaw miżuri għall-kriminalizzazzjoni tar-reati li għadhom kemm ġew introdotti ta’ provokazzjoni pubblika, reklutaġġ u taħriġ għat-terroriżmu.

Għad hemm xi kwistjonijiet miftuħa dwar kif l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas fil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE se taffettwa l-“provokazzjoni indiretta”* u l-kriminalizzazzjoni ta’ atti mwettqa mill-hekk imsejħa “atturi solitarji”**. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-pajjiżi tal-UE biex jiċċaraw il-kwistjonijiet sabiex tkun tista' tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha.

Ir-rapport enfasizza l-ħtieġa għal approċċ aktar komprensiv għall-infurzar tal-liġi biex jiffoka fuq il-prevenzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għat-terroriżmu.

Ir-rapport iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-liġi kriminali dwar it-terroriżmu, billi tingħata kunsiderazzjoni mistħoqqa lill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata tal-miżuri ta’ traspożizzjoni fil-pajjiżi tal-UE tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, maħruġ biex jakkumpanja r-rapport.

Fl-2015, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt bil-ħsieb li fl-2016 tiġi aġġornata d-Deċiżjoni Qafas 2008/919/ĠAI. Dan se jsir bil-għan li tiġi żgurata koerenza fost il-liġijiet tal-UE kontra reati relatati ma’ ġellieda terroristiċi barranin.

Il-Kunsill qed jikkunsidra li għan-nom tal-UE jiffirma l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru196) u l-Protokoll Addizzjonali miegħu. Dan tal-aħħar jindirizza l-fenomenu ta’ ġellieda terroristiċi barranin filwaqt li jqis ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2178(2014) tal-24 ta’ Settembru 2014.

SFOND

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere fl-1999 li identifika t-terroriżmu bħala wieħed mill-aktar vjolazzjonijiet serji tal-libertajiet fundamentali, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji u wara l-pjan ta’ azzjoni approvat mil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Settembru 2001, ġiet adottata d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI biex it-terroriżmu jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv.

TERMINI EWLENIN

* Provokazzjoni indiretta: diskors li b’mod indirett biss ixewwex jew jirriskja li jinċita atti terroristiċi, eż. meta dikjarazzjonijiet li jkunu saru qabel minn terrorist jistgħu jinftiehmu minn persuni li jappoġġjawh bħala appell għat-tkomplija ta’ attivitajiet terroristiċi.

** Atturi solitarji: terroristi li jaġixxu waħedhom.

Għal aktar tagħrif, ara d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni kwadru 2002/475/ĠAI

22.6.2002

31.12.2002

ĠU L 164, 22.6.2002, pp. 3-7.

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI

9.12.2008

9.12.2010

ĠU L 330, 9.12.2008, pp. 21-23.

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2007) 681 final tas-6.11.2007).

Rapport mill-Kummissjoni ibbażat fuq l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2004) 409 final tat-8.6.2004).

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (COM(2014) 554 final tal-5 ta’ Settembru 2014).

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li Jakkumpanja d-dokument Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/919/ĠAI li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (SWD(2014) 270 final tal-5 ta’ Settembru 2014).

L-aħħar aġġornament: 02.06.2015

Top