Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Proċeduri ta’ estradizzjoni aktar effettivi: Mandat ta' arrest Ewropew

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Proċeduri ta’ estradizzjoni aktar effettivi: Mandat ta' arrest Ewropew

Persuna li tkun wettqet reat serju f’pajjiż tal-UE iżda li tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE tista’ tiġi rritornata fl-ewwel pajjiż sabiex tiffaċċja l-ġustizzja malajr u bi ftit piż amministrattiv.

ATT

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri - Dikjarazzjonijiet magħmula minn ċerti Stati Membri dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas.

SOMMARJU

Persuna li tkun wettqet reat serju f’pajjiż tal-UE iżda li tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE tista’ tiġi rritornata fl-ewwel pajjiż sabiex tiffaċċja l-ġustizzja malajr u bi ftit piż amministrattiv.

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI KWADRU?

Hija ttejjeb u tissimplifika l-proċeduri ġudizzjarji sabiex jitħaffef ir-ritorn tal-persuni li jkunu kkommettew reat serju minn pajjiż ieħor tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-mandat ta’ arrest Ewropew jissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni. Huwa jitlob lil kull awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirrikonoxxi u taġixxi fuq, b’minimu ta’ formalitajiet u f’perjodu ta’ żmien stabbilit, it-talbiet magħmula mill-awtorità ġudizzjarja ta’ pajjiż ieħor tal-UE. Mandat jitlob li persuna titressaq sabiex:

  • tkun tista’ ssir prosekuzzjoni kriminali,
  • il-persuna tkun tista’ titqiegħed f’kustodja jew detenzjoni.

Il-mandat japplika fil-każijiet li ġejjin:

  • reati li jistgħu jiġu kkastigati permezz ta’ priġunerija jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas sena;
  • meta tkun ingħatat sentenza ta’ kustodja finali jew meta tkun inħarġet ordni ta’ detenzjoni għal sentenzi ta’ mill-inqas 4 xhur.

Użu proporzjonat tal-mandat

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu dawn li ġejjin f’kunsiderazzjoni (lista mhux eżawrjenti):

  • iċ-ċirkostanzi u l-gravità tar-reat,
  • is-sentenza li x’aktarx tingħata,
  • miżuri alternattivi inqas restrittivi.

Meta jiġi arrestat individwu, dan għandu jiġi infurmat dwar il-kontenut tal-mandat ta’ arrest tiegħu.

F’liema każijiet il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrifjutaw li jaġixxu fuq mandat?

  • Jekk pajjiż tal-UE jkun diġà ta sentenza finali fuq il-persuna kkonċernata għall-istess reat.
  • Jekk ir-reat ikun kopert minn amnestija fil-pajjiż tal-UE mitlub biex iressaq lill-awtur tar-reat.
  • Jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tinżamm kriminalment responsabbli mill-pajjiż tal-UE mitlub sabiex jaġixxi fuq il-mandat, minħabba l-età ta’ tali persuna.

Regoli li jiżguraw id-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest

Dawn jinkludu:

  • Id-Direttiva 2010/64/UE dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali
  • Id-Direttiva 2012/13/UE dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali
  • Id-Direttiva 2013/48/UE dwar id-dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ avukat u d-dritt tal-persuni f’kustodja li jikkomunikaw mal-membri familjari tagħhom u ma’ dawk li jħaddmuhom.

Lok għal titjib

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-2011 sab li għalkemm il-mandat ta’ arrest Ewropew kien ta’ suċċess kbir biex għen lill-pajjiżi tal-UE jiġġieldu l-kriminalità, għad hemm bosta oqsma li jistgħu jkomplu jittejbu, inklużi:

  • it-traspożizzjoni,
  • applikazzjoni korretta,
  • proporzjonalità,
  • l-iżgurar tad-drittijiet proċedurali.

Għal aktar tagħrif, ara dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Kwadra 2002/584/ĠAI

7.8.2002

31.12.2003

ĠU L 190 tat-18.7.2002, pp. 1-20

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Kwadra 2009/299/ĠAI

28.3.2009

28.3.2011

ĠU L 81 tas-27.3.2009, pp. 24-36

ATTI RELATATI

Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280 tas-26.10.2010, pp. 1-7).

Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142 tal-1.6.2012, pp. 1-10).

Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294 tas-6.11.2013, pp. 1-12).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (COM(2011) 175 final tal-11.4.2011).

Dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 31(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 246 tad-29.9.2003, pp. 1-1).

l-aħħar aġġornament 29.07.2015

Top