Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI — sigurtà waqt logħbiet tal-futbol internazzjonali

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

  • Din għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza relatata mal-futbol billi tiddeskrivi metodi għar-regolazzjoni kkoordinata fuq livell internazzjonali ta’ logħbiet tal-futbol sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.
  • Hija tistabbilixxi punti nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol sabiex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni transkonfinali u r-regolazzjoni ta’ logħbiet tal-futbol internazzjonali.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu punt nazzjonali ta’ informazzjoni dwar il-futbol b’rabta mar-regolazzjoni tal-logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali. Dawn għandhom il-kompitu li:

  • jikkoordinaw u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali u l-iskambju tal-informazzjoni;
  • jikkondividu informazzjoni dwar sostenituri ta’ riskju għoli;
  • jipprovdu l-assistenza possibbli lill-awtoritajiet nazzjonali;
  • iwettqu valutazzjoni tar-riskji tal-klabbs u t-tim nazzjonali ta’ pajjiżhom stess, li ssir disponibbli għal pajjiżi tal-UE oħrajn.

L-informazzjoni tiġi kondiviża qabel, matul u wara avveniment tal-futbol kif ġej:

  • informazzjoni strateġika, li tispeċifika l-aspetti kollha tal-ġrajja, b’referenza partikolari għal kwalunkwe riskji ta’ sigurtà involuti;
  • informazzjoni operazzjonali, li tipprovdi stampa tal-proċeduri fil-kors tal-ġrajja;
  • informazzjoni tattika, li tippermetti azzjoni xierqa sabiex jinżammu l-ordni u s-sigurtà, u feedback wara l-ġrajja.

L-informazzjoni hija kunfidenzjali u għandha tingħata fil-ħin, b’salvagwardji fuq l-iskambju tad-data personali b’konformità mal-leġiżlazzjoni domestika u internazzjonali applikabbli.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2003 tistieden lill-pajjiżi tal-UE jikkunsidraw li jipprojbixxu lil dawk l-individwi li qabel kienu ħatja ta’ vjolenza waqt il-logħbiet tal-futbol mill-istadji tal-futbol, inkluża l-possibbiltà ta’ projbizzjonijiet li jestendu għal pajjiżi tal-UE oħrajn, sostnuti minn pieni għan-nuqqas ta’ konformità.

Il-Ktejjeb għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija, li oriġinarjament ġie introdott fl-1999 u li ġie aġġornat minn Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2006, jipprovdi mudell għal dan l-iskambju tal-informazzjoni. Il-ktejjeb jipprovdi dettalji dwar arranġamenti għal:

  • ġbir ta’ intelliġenza,
  • rikonjizzjoni,
  • spotting,
  • il-kontroll tal-folol, u
  • il-komunikazzjoni mas-sostenituri u l-midja.

Dan ikopri wkoll kundizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jassistu lil pajjiżi oħrajn direttament.

F’Deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni ta’ Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropej qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu, inklużi azzjonijiet biex jiżdiedu l-isforzi kontra l-vjolenza fl-istadji tal-futbol. Iż-żewġ partijiet ikollhom laqgħat bilaterali ta’ livell għoli mill-inqas darba fis-sena sabiex jirrevedu l-progress.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mid-9 ta’ Mejju 2002.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “L-appoġġ tal-logħob ġust u l-kooperazzjoni fl-isport” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI tal-25 ta’ April 2002 dwar sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, p. 1-3)

L-emendi sussegwenti għad-Direttiva 2002/348/ĠAI ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-Istati Membri ta’ projbizzjonijiet għall-aċċess għal postijiet fejn isiru logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali (ĠU C 281, 22.11.2003, p. 1-2) (Mhux disponibbli bil-Malti)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2006 dwar Manwal aġġornat b’rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni tal-pulizija internazzjonali u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-vjolenza u disturbi b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali, li fihom ikun involut mill-inqas Stat Membru wieħed (ĠU C 322, 29.12.2006, p. 1-39) (Mhux disponibbli bil-Malti)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14.10.2014 li tadotta l-Arranġament għall-Kooperazjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) (C(2014) 7378 final tal-14.10.2014) (Mhux disponibbli bil-Malti)

l-aħħar aġġornament 25.05.2016

Top