Help Print this page 
Title and reference
Il-libertà ta’ moviment u residenza tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-libertà ta’ moviment u residenza tal-UE

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament f’pajjiż ieħor tal-UE, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-trattati tal-UE. Dan il-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE.

ATT

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE

SOMMARJU

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament f’pajjiż ieħor tal-UE, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fit-trattati tal-UE. Dan il-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE.

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Hija:

tlaqqa’ flimkien f’att legali wieħed ħafna biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti

tippreskrivi l-kundizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza (kemm b’mod temporanju kif ukoll permanenti) għaċ-ċittadini tal-UE* u għall-membri familjari tagħhom*

tistabbilixxi l-limiti għal dawk id-drittijiet abbażi tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika

tikkjarifika l-istatus tal-persuni li huma impjegati, jaħdmu għal rashom, studenti jew li mhumiex qegħdin jaħdmu għal ħlas.

PUNTI EWLENIN

Iċ-ċittadini tal-UE b’karta tal-identità valida jew passaport validu jistgħu:

Jidħlu f’pajjiż ieħor tal-UE, kif jistgħu jagħmlu wkoll il-membri familjari tagħhom - kemm jekk huma ċittadini tal-UE kif ukoll jekk le - mingħajr ma jkollhom bżonn viża tal-ħruġ jew tad-dħul.

Jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE sa massimu ta’ 3 xhur mingħajr ebda kundizzjoni jew formalità.

Jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn 3 xhur soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus tagħhom fil-pajjiż ospitanti. Dawk li huma impjegati jew li jaħdmu għal rashom ma jeħtieġ li jissodisfaw ebda kundizzjoni oħra. L-istudenti u persuni oħrajn li ma jaħdmux għal ħlas, bħal dawk li rtiraw, għandu jkollhom biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għall-familja tagħhom, sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll ikollhom polza tal-assigurazzjoni medika komprensiva.

Iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti jekk ikunu ilhom jgħixu fil-pajjiż għal aktar minn 3 xhur. Il-membri familjari tagħhom, jekk mhumiex ċittadini tal-UE, jeħtieġu karta ta’ residenza valida għal 5 snin.

Ikunu intitolati għal residenza permanenti jekk ikunu għexu legalment f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin. Dan japplika wkoll għall-membri familjari.

Għandhom id-dritt li jiġu ttrattati fuq bażi ugwali għaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Madankollu, l-awtoritajiet ospitanti mhumiex obbligati li jagħtu benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE li ma jaħdmux għal ħlas matul l-ewwel 3 xhur tar-residenza tagħhom.

Barra minn hekk:

Il-membri familjari jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżommu d-dritt li jgħixu fil-pajjiż ikkonċernat jekk iċ-ċittadin tal-UE jmut jew jitlaq mill-pajjiż.

Iċ-ċittadini tal-UE, jew il-membri familjari tagħhom, jistgħu jitkeċċew jekk jaġixxu b’tali mod li jhedded serjament wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

L-uniċi mardiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment ta’ persuna huma dawk li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li għandhom potenzjal ta’ epidemija.

META DAĦLET FIS-SEĦĦ ID-DIRETTIVA?

Fit-30 ta' April 2004.

TERMINI EWLENIN

* Ċittadin tal-UE: kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ pajjiż tal-UE.

* Membru familjari: dan ikopri, pereżempju, il-konjugi, sieħeb/sieħba fi sħubija rreġistrata ma’ ċittadin tal-UE u dixxendenti diretti taħt l-età ta’ 21 sena.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Id-Direttiva 2004/38/KE

30.4.2004

30.4.2006

ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77-123

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/54/UEtal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8-14)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2009) 313 final tat-2 ta' Lulju 2009)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni- Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza (COM (2013) 837 final tal-25 ta' Novembru 2013)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż mill-moviment liberu: Manwal dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta' allegati żwiġijiet ta' konvenjenza bejn ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-kuntest tal-liġi tal-UE tal-moviment liberu ta' ċittadini tal-UE (COM(2014) 604 final tas-26.9.2014)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top