Help Print this page 
Title and reference
Proċeduri ta' insolvenza

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Proċeduri ta' insolvenza

Din il-liġi tistipula r-regoli komuni tal-proċeduri ta’ insolvenza transfruntieri f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE), minbarra d-Danimarka. Tfittex illi ma tħajjarx lid-debituri milli jittrasferixxu l-assi jew il-proċeduri ġuridiċi minn pajjiż għal ieħor sabiex itejbu l-pożizzjoni legali tagħhom.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment.

SOMMARJU

Il-liġi tintroduċi sistema koerenti ta’ regoli legali li jirregolaw il-proċeduri ta’ insolvenza li jinvolvu kumpaniji, negozjanti jew individwi. Hija tippermetti li jittieħdu miżuri koordinati dwar l-assi ta’ debitur insolventi li jkunu jinsabu f’pajjiżi differenti tal-UE. Dawn ir-regoli għandhom x’jaqsmu ma’:

  • il-qorti awtorizzata li tiftaħ proċeduri ta’ insolvenza;
  • il-liġi applikabbli;
  • ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet legali f’każijiet ta’ insolvenza;
  • ir-relazzjoni bejn proċeduri ta’ insolvenza differenti miftuħin fir-rigward tal-istess debitur; u
  • il-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet minn kredituri barranin.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-liġi tapplika għal proċeduri ta’ insolvenza kollettivi li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur. Il-proċeduri nazzjonali koperti huma elenkati f’anness għal-liġi.

Ma tapplikax għal proċeduri dwar impriżi tal-assigurazzjoni, istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ investiment li jipprovdu servizzi li jinvolvu ż-żamma ta’ fondi jew titoli għal partijiet terzi, jew impriżi ta’ investiment kollettiv.

Proċeduri prinċipali u sekondarji

Il-qrati b’ġurisdizzjoni li jiftħu proċeduri prinċipali huma dawk tal-pajjiż tal-UE li fih id-debitur kellu/kellha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali (jiġifieri fejn huwa bbażat l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija, fin-nuqqas ta' provi kontrarji). Din il-proċedura għandha skop globali u hija ddiżinjata sabiex tkopri l-assi tad-debitur madwar id-dinja u sabiex tkun ta’ interess għall-kredituri, ikunu fejn ikunu.

Flimkien mal-proċedura prinċipali, il-qrati ta’ pajjiż ieħor tal-UE jistgħu jiftħu proċeduri sekondarji jekk id-debitur ikollu operazzjonijiet ekonomiċi fit-territorju tiegħu iżda dan huwa limitat għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu f’dak it-territorju.

Sabiex ikun żgurat li l-proprjetà tad-debitur tkun amministrata b’mod effettiv, il-liġi teħtieġ li l-proċeduri prinċipali u sekondarji jkunu kkoordinati. Il-likwidaturi maħtura f’kull wieħed huma obbligati jikooperaw mill-qrib, b’mod partikolari fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Il-likwidatur fil-proċedura prinċipali jista’ wkoll jintervjeni fil-proċeduri sekondarji, pereżempju sabiex jipproponi pjan ta’ ristrutturar jew talba li l-bejgħ tal-assi jiġi sospiż.

Il-liġi applikabbli

Bħala regola ġenerali, hija applikabbli l-liġi tal-pajjiż tal-UE li fih ikunu nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza. Din ir-regola hija valida kemm għall-proċeduri prinċipali kif ukoll għal dawk sekondarji.

Il-liġi tal-pajjiż tal-UE fejn jinfetħu l-proċeduri tiddetermina b’mod partikolari:

  • il-kundizzjonijiet tal-ftuħ, tmexxija u għeluq tagħhom;
  • id-definizzjoni tal-assi tad-debitur, il-poteri rispettivi tad-debitur u tal-likwidatur, l-effetti tal-proċeduri fuq kuntratti, kredituri individwi, pretensjonijiet, eċċ.

Eċċezzjonijiet

Jeżistu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tas-sigurtà ta’ partijiet terzi fir-rigward tal-assi tanġibbli u intanġibbli tad-debitur u d-dritt tal-bejjiegħ ibbażat fuq ir-riżervazzjoni tat-titlu, sabiex dawn id-drittijiet ma jkunux affettwati mill-ftuħ ta’ proċeduri jekk l-assi jkunu jinsabu barra l-pajjiż fejn ikunu infetħu l-proċeduri ta’ insolvenza.

Drittijiet għal proprjetà immobbli huma rregolati biss mil-liġi tal-pajjiż tal-UE fejn tkun tinsab il-proprjetà. Id-dritt tal-likwidatur illi jtemm kuntratti ta’ impjieg, id-dritt tal-kreditur li jitlob tpaċija, drittijiet u obbligi tal-partijiet għal sistema ta’ pagament jew għal suq finanzjarju huma wkoll regolati biss mil-liġi tal-pajjiż tal-UE li hija applikabbli għalihom.

Rikonoxximent ta’ proċeduri ta’ insolvenza

Jekk qorti ta’ pajjiż tal-UE tiddeċiedi li tiftaħ proċeduri ta’ insolvenza, il-liġi teħtieġ li d-deċiżjoni tkun rikonoxxuta fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-liġi tiżgura wkoll li deċiżjonijiet marbutin mill-qrib mal-proċeduri ta’ insolvenza - bħal azzjonijiet li jwarrbu atti detrimentali (jiġifieri atti li jagħmlu l-ħsara lill-kredituri) - huma rikonoxxuti fil-pajjiż l-ieħor.

L-effetti tad-deċiżjoni huma dawk li hemm ipprovdut għalihom fil-liġi tal-pajjiż fejn ikunu infetħu l-proċeduri. Ir-rikonoxximent jista’ jkun irrifjutat biss meta l-effetti tiegħu jkunu kontra dawk tal-politika pubblika tal-pajjiż.

Preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet

Il-liġi tagħti d-dritt lil kull kreditur residenti f’pajjiż tal-UE illi jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-proċeduri ta’ insolvenza miftuħin f’pajjiż ieħor tal-UE.

Dan id-dritt japplika wkoll għall-awtoritajiet tat-taxxa u għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fejn ikunu infetħu diversi proċeduri fir-rigward tal-assi tad-debitur, il-liġi teħtieġ illi d-distribuzzjoni tar-rikavati trid tkun koordinata bejn il-proċeduri differenti, sabiex jiġi żgurat li l-kredituri kollha jirċievu trattament ugwali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru. 1346/2000

31.5.2002

-

ĠU L 160 tat-30.6.2000, p. 1-18

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għal għanijiet ta' referenza biss.

ATTI RELATATI

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/135/UE tat-12 ta' Marzu 2014 dwar strateġija ġdida għall-falliment tan-negozju u l-insolvenza (ĠU L 74 tal-14.3.2014, p. 65-70).

Din ir-rakkomandazzjoni għandha serje ta’ prinċipji għal proċeduri ta’ insolvenza għal negozji f’diffikultà finanzjarja. L-enfasi hija fuq li negozji vijabbli jiġu mħeġġin li jirristrutturaw fi stadju bikri sabiex jevitaw insolvenza. Il-Kummissjoni tikkunsidra li riforma tar-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza tgħin biex ditti vijabbli jinżammu fin-negozju u jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi u, fl-istess ħin, itejbu l-ambjent għall-kredituri li jkunu jistgħu jirkupraw proporzjon akbar tal-investiment tagħhom milli kieku d-debitur ifalli.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Approċċ Ewropew ġdid għall-falliment u l-insolvenza (COM(2012) 742 final tat-12.12.2012).

L-aħħar aġġornament: 02.09.2014

Top