Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Spezzjonijiet fuq il-proprjetajiet ta' riċevituri ta' finanzjament mill-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Spezzjonijiet fuq il-proprjetajiet ta' riċevituri ta' finanzjament mill-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 — dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-frodi u irregolarijiet oħra

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiġġieled il-frodi u irregolaritajiet oħra, b'mod partikolari fejn hemm suspett li ġew kommessi rregolaritajiet* mill-operaturi ekonomiċi* li jirċievu appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE.

Ir-regolament japplika għall-oqsma kollha tal-attivitajiet tal-UE. Dan ma jaffettwax is-setgħat tal-pajjiżi tal-UE li jħarrku vjolazzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

It-twettiq ta' verifiki u spezzjonijiet fuq il-post

Il-Kummissjoni twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fil-proprjetajiet tal-operaturi ekonomiċi.

  • biex tinvestiga irregolaritajiet gravi jew transfruntieri jew irregolaritajiet li jinvolvu operaturi ekonomiċi li jaġixxu f'diversi pajjiżi tal-UE;
  • biex tinforza l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post f'pajjiż tal-UE sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE b'mod aktar effettiv u tiżgura livell ekwivalenti ta' protezzjoni fl-UE;
  • fuq talba ta' pajjiż tal-UE.

Kundizzjonijiet

  • Qabel it-tali verifiki u spezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tinforma l-pajjiż(i) tal-UE konċernat(i) fi żmien raġonevoli sabiex tikseb l-għajnuna kollha li tkun teħtieġ.
  • Dawn il-verifiki u l-ispezzjonijeit huma ppreparati u mwettqa mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE konċernat.
  • Dawn jitwettqu taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-ispetturi tal-Kummissjoni, jiġifieri l-impjegati taċ-ċivil awtorizzati kif suppost jew persunal ieħor, li jridu jikkonformaw mar-regoli ta' proċedura tal-pajjiż tal-UE konċernat.
  • L-operaturi ekonomiċi għandhom jippermettu lill-ispetturi jaċċessaw il-proprjetajiet tagħhom, l-art, il-mezzi tat-trasport jew żoni oħra, użati għal skopijiet tan-negozju.
  • Jekk operatur tan-negozju jirreżisti għal verifika jew spezzjoni fuq il-post, il-pajjiż tal-UE konċernat ser jipprovdi għajnuna lill-ispetturi sabiex dawn iwettqu d-dover tagħhom.
  • Il-Kummissjoni tikkunsidra l-ispezzjonijiet li jkunu qed jitwettqu jew li ser jitwettqu mill-pajjiż tal-UE konċernat skont il-liġi nazzjonali.

Aċċess għall-informazzjoni u d-dokumentazzjoni skont il-liġi nazzjonali

  • L-ispetturi tal-Kummissjoni għandhom jingħataw aċċess, taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u f'konformità mal-liġi nazzjonali, għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-verifiki u l-ispezzjonijiet jitwettqu kif xieraq.
  • L-ispetturi jistgħu jużaw l-istess faċilitajiet ta' spezzjoni bħall-ispetturi amministrattivi nazzjonali u b'mod partikolari jikkopjaw id-dokumenti rilevanti.

Kamp ta' applikazzjoni

Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jikkonċernaw, b'mod partikolari:

  • kotba u dokumenti tan-negozju bħal fatturi, listi ta' termini u kundizzjonijiet, riċevuti tal-pagi, dikjarazzjonijiet tal-materjali użati u x-xogħol li twettaq, u dikjarazzjonijiet tal-bank,
  • id-dejta tal-kompjuter;
  • is-sistemi u l-metodi tal-produzzjoni, tal-ippakkjar u tad-dispaċċ;
  • kontrolli fiżiċi fuq in-natura u l-kwantità tal-oġġetti jew l-operazzjonijiet li tlestew;
  • it-teħid u l-kontroll ta' kampjuni;
  • il-progress tax-xogħlijiet u l-investimenti li għalihom kien ipprovdut finanzjament, u l-użu li sar mill-investimenti kkompletati;
  • id-dokumenti tal-baġit u tal-kontabbiltà;
  • l-implimentazzjoni finanzjarja u teknika ta' proġetti sussidjati.

L-evidenza

  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jkunu meħtieġa, fuq talba tal-Kummissjoni, jieħdu miżuri ta' prekawzjoni skont il-liġi nazzjonali li huma xierqa, b'mod partikolari sabiex jiġu salvagwardjati l-provi.
  • L-informazzjoni miksuba relatata mal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post hija koperta mis-segretezza professjonali u mir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta.
  • Ir-rapporti tal-ispetturi tal-Kummissjoni jikkostitwixxu prova ammissibbli fil-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji tal-pajjiż tal-UE li fihom jirriżulta meħtieġ l-użu tagħhom.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1997.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Irregolaritajiet: Kwalunkwe ksur tal-liġi tal-UE li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li jkollu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-UE.

Operaturi ekonomiċi: Individwu, negozju jew korp ieħor li huwa ekonomikament attiv u għandu status ġuridiku skont il-liġi nazzjonali.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, pp. 2–5).

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, pp. 1-4)

l-aħħar aġġornament 04.07.2016

Top