EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-UE jew uffiċjali tal-pajjiżi tal-UE

L-Att tal-Kunsill li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-UE jew uffiċjali tal-pajjiżi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAL-ATT?

  • Il-konvenzjoni:
    • għandha l-għan li tiżgura li kull pajjiż tal-UE jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkriminalizza l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi*;
    • hija mfassla biex tiġġieled il-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali Ewropej* jew uffiċjali nazzjonali* tal-pajjiżi tal-UE u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-pajjiżi tal-UE f’din il-ġlieda.
  • L-att jimmarka l-ftehim tal-Kunsill biex ifassal il-konvenzjoni.

PUNTI EWLENIN

  • Skont il-konvenzjoni, kull pajjiż tal-UE għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkriminalizza kemm il-korruzzjoni attiva* kif ukoll passiva* minn uffiċjali pubbliċi. Kemm il-parteċipazzjoni fi kif ukoll l-instigazzjoni ta’ kwalunkwe waħda minn dawn il-forom ta’ korruzzjoni huma koperti mill-konvenzjoni.
  • Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE għandhom jippermettu li l-kapijiet ta’ negozji, jew kwalunkwe persuna li għandha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet jew teżerċita kontroll f’negozju, ikunu ddikjarati kriminalment responsabbli f’każijiet ta’ korruzzjoni attiva minn persuna taħt l-awtorità tagħhom li taġixxi f’isem in-negozju.
  • Kull pajjiż tal-UE għandu jwaqqaf il-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq reati, skont l-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni, meta:
    • ir-reat kollu kemm hu jew parti minnu jitwettaq fi ħdan it-territorju tiegħu;
    • it-trasgressur huwa wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew wieħed mill-uffiċjali tiegħu;
    • ir-reat jitwettaq kontra l-UE jew l-uffiċjali nazzjonali, jew kontra membru tal-istituzzjonijiet tal-UE, li huwa wkoll wieħed miċ-ċittadini tiegħu;
    • it-trasgressur huwa uffiċjal tal-UE li jaħdem għal istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-UE li għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu fil-pajjiż tal-UE inkwistjoni.
  • Jekk kwalunkwe proċedura b’rabta ma’ reat skont l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni tikkonċerna mill-inqas 2 pajjiżi tal-UE, dawk il-pajjiżi għandhom jikkooperaw fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni, u fit-twettiq tal-piena imposta.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw il-prinċipju li l-ebda azzjoni legali ma tista’ titwettaq darbtejn għall-istess reat (magħruf ukoll bħala l-prinċipju ne bis in idem), iżda eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma possibbli.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw arranġamenti legali interni li jmorru lil hinn mill-obbligi stabbiliti fil-konvenzjoni.
  • F’każ ta’ tilwima bejn pajjiżi tal-UE dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-konvenzjoni, u fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni reċiproka, il-każ għandu jiġi eżaminat mill-Kunsill kif stabbilit fit-Titolu IV tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jekk il-Kunsill ma jkunx sab soluzzjoni fi żmien 6 xhur, 1 mill-partijiet fit-tilwima tista’ tirreferi l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din il-Qorti għandha ġuriżdizzjoni wkoll f’tilwim bejn pajjiż tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Settembru 2005 u l-pajjiżi kollha tal-UE aderixxew magħha.

SFOND

Il-kriminalizzazzjoni tal-korruzzjoni attiva u passiva ġiet koperta minn għadd ta’ strumenti internazzjonali u Ewropej matul l-aħħar 20 sena.

Livell internazzjonali

Livell Ewropew

  • Il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (fis-seħħ mill-2002) hija wkoll strument ambizzjuż li huwa mmirat lejn il-kriminalizzazzjoni kkoordinata ta’ prattiċi korrotti. Din tipprevedi wkoll miżuri komplementarji tal-liġi kriminali u kooperazzjoni internazzjonali mtejba fil-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni.

Nota: Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE huma partijiet għal dawn il-konvenzjonijiet tal-aħħar (il-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta’ Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali u l-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni), l-UE nnifisiha mhijiex parti tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Uffiċjal pubbliku: kwalunkwe uffiċjal Ewropew jew nazzjonali, inkluż kwalunkwe uffiċjal nazzjonali ta’ pajjiż ieħor tal-UE.
Uffiċjal Ewropew: kwalunkwe persuna li hija uffiċjal jew impjegat ieħor b’kuntratt fi ħdan it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-UE, kif ukoll kwalunkwe persuna sekondata għall-UE mill-pajjiżi tal-UE jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat li jwettaq funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imwettqa mill-uffiċjali tal-UE jew aġenti oħra.
Uffiċjal nazzjonali: uffiċjal jew uffiċjal pubbliku kif definit mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż tal-UE li fih il-persuna inkwistjoni twettaq dik il-funzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi kriminali ta’ dak il-pajjiż tal-UE.
Korruzzjoni attiva: l-azzjoni intenzjonata ta’ persuna li twiegħed jew tagħti, b’mod dirett jew permezz ta’ intermedjarju, vantaġġ ta’ kwalunkwe tip lil uffiċjal, għalih innifsu (jew għaliha nnifisha) jew għal parti terza, biex jaġixxi (jew taġixxi) jew jibqa’ lura milli jaġixxi (jew tibqa’ lura milli taġixxi) skont id-dmir tiegħu (jew tagħha) fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu (jew tagħha) bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu (jew tagħha).
Korruzzjoni passiva: l-azzjoni intenzjonata ta’ uffiċjal li, b’mod dirett jew permezz ta’ intermedjarju, jitlob jew jirċievi vantaġġi ta’ kwalunkwe tip, għalih innifsu (jew għaliha nnifisha) jew għal parti terza, jew jaċċetta (jew taċċetta) wegħda ta’ tali vantaġġ, biex jaġixxi (jew taġixxi) jew jibqa’ lura milli jaġixxi (jew tibqa’ lura milli taġixxi) skont id-dmir tiegħu (jew tagħha) fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu (jew tagħha) bi ksur tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu (jew tagħha).

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3 (2) (ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi l-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, pp. 2-11)

L-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 1997 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 (2) (c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1-71)

Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 29-41)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/63 tal-15 ta’ Jannar 2016 rigward l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 14, 21.1.2016, pp. 23-24)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal-25 ta’ Settembru 2008 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (ĠU L 287, 29.10.2008, pp. 1-110)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/751/KE tat-8 ta’ Novembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(ċ) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 304, 22.11.2007, pp. 34-35)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/642/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 li tirrigwarda l-applikazzjoni għall-Ġibiltà tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 27)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, pp. 54-56)

Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Test approvat mill-Kunsill fit-3 ta’ Diċembru 1998) (ĠU C 391, 15.12.1998, pp. 1-12)

L-Att tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 1996 li jfassal Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 313, 23.10.1996, pp. 1-10)

L-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, pp. 48-57)

l-aħħar aġġornament 08.03.2019

Top