Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Deterġenti aktar sikuri għall-konsumaturi Ewropej

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Deterġenti aktar sikuri għall-konsumaturi Ewropej

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 648/2004 dwar id-deterġenti

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Id-deterġenti* jista' jkun fihom ingredjenti — surfactants* — li jwasslu sabiex dawn inaddfu b'mod aktar effiċjenti iżda jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kwalità tal-ilma meta jiġu rilaxxati fl-ambjent naturali. Bħala tali, l-użu tagħhom irid ikun ikkontrollat b'attenzjoni.

Ir-regolament jistabbilixxi regoli komuni sabiex id-deterġenti u s-surfactants ikunu jistgħu jinbiegħu u jintużaw fl-UE, filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni lill-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

PUNTI EWLENIN

  • Il-leġiżlazzjoni tarmonizza l-metodi ta' ttestjar sabiex tiddetermina l-bijodegradabilità tas-surfactants kollha li jintużaw fid-deterġenti. Dawn ikopru l-bijodegradabilità primarja* u finali*.
  • It-testijiet iridu jitwettqu f'laboratorji li jissodisfaw standards rikonoxxuti fuq il-livell internazzjonali.
  • Il-manifatturi huma responsabbli sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni.
  • Il-manifatturi jridu jagħmlu disponibbli l-fajls dwar ir-riżultati tat-testijiet lill-awtoritajiet rilevanti u karta ta' tagħrif dwar l-ingredjenti lill-persunal mediku, mingħajr dewmien u fuq talba.
  • L-informazzjoni fuq l-ippakkjar tad-deterġenti trid tkun tisa' tinqara, viżibbli u ma tkunx tista' titħassar. Din tinkludi d-dettalji ta' kuntatt għall-manifattur u l-karta ta' tagħrif.
  • It-tikketti fuq id-deterġenti mibjugħa għall-użu mill-pubbliku jridu jipprovdu dettalji ta' dożaġġi rakkomandati għal ħasliet differenti f'magna tal-ħasil standard.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprojbixxu deterġent speċifiku jekk iqisu li huwa ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent. Huma jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea u lil pajjiżi oħrajn tal-UE dwar id-deċiżjoni.

Fl-2012, il-leġiżlazzjoni ġiet emendata sabiex tarmonizza regoli biex jiġi limitat il-kontenut ta' fosfati u komposti tal-fosfru oħrajn f'deterġenti għall-ħasil domestiku tal-ħwejjeġ u magni għall-ħasil tal-platti.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fit-8 ta' Ottubru 2005.

SFOND

Il-leġiżlazzjoni preċedenti kienet tkopri biss il-bijodegradabilità primarja tas-surfactants fid-deterġenti. Dan ir-regolament jissostitwixxiha billi jagħmel enfasi fuq il-bijodegradabilità finali.

L-emenda tal-2012 tintroduċi limiti ġodda sabiex titnaqqas il-ħsara li l-fosfati mid-deterġenti jista' jkollhom fuq l-ekosistemi u l-kwalità tal-ilma, li huwa fenomenu magħruf bħala “ewtrofikazzjoni”.

Għal aktar informazzjoni ara l- websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

TERMINI EWLENIN

* Deterġent: kwalunkwe sustanza jew preparazzjoni, kemm likwida, f'forma ta' trab jew forma oħra, li fiha sapun u/jew surfactants għall-ħasil jew it-tindif.

* Tensjoattiv: wieħed mill-ħafna komposti differenti li huwa magħmul minnhom deterġent. Dawn jiġu miżjuda sabiex ineħħu l-ħmieġ mill-ġilda, ħwejjeġ u oġġetti tad-dar, b'mod partikolari fil-kċejjen u l-kmamar tal-banju. Dawn ibaxxu t-tensjoni tal-wiċċ bejn żewġ likwidi jew bejn likwidu u solidu. Jistgħu jaġixxu wkoll bħala aġenti li jnaqqsu t-tensjoni tas-superifċje, emulsifikaturi jew aġenti li jagħmlu r-ragħwa. It-terminu ġej minn “aġent attiv fil-wiċċ”.

* Bijodegradabilità primarja: meta surfactant jitlef il-kapaċità tiegħu ta' aġent attiv fil-wiċċ. Huwa importanti li din il-kapaċità tintilef sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun kwalunkwe effett negattiv fuq l-impjanti tat-trattament tal-ilma.

* Bijodegradabilità finali: meta surfactnat jitkisser f'diossidu tal-karbonju, ilma u melħ minerali u jiġi assorbit fl-ambjent.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 648/2004 tal-parlament ewropew u tal-kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar diterġenti (ĠU L 104, 8.4.2004, p. 1-35)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 648/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 15.02.2016

Top