Help Print this page 
Title and reference
Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (id-Direttiva dwar il-VAT)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (id-Direttiva dwar il-VAT)

Din id-direttiva tikkodifika d-dispożizzjonijiet implimentattivi tas-sistema komuni tal-VAT, li japplikaw għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' oġġetti u servizzi mixtrija u mibjugħin għall-konsum fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Biex ikun żgurat li t-taxxa tkun newtrali fl-impatt tagħha, irrispettivament min-numru ta' transazzjonijiet, il-persuni taxxabbli għall-VAT jistgħu jnaqqsu mill-kont tal-VAT tagħhom l-ammont tat-taxxa li jkunu ħallsu lill-persuni taxxabbli oħrajn. Il-VAT għandha finalment titħallas mill-konsumatur finali fil-forma ta' żieda perċentwali fuq il-prezz finali tal-merkanzija jew servizzi.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Ara atti emendatorji).

SOMMARJU

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija taxxa ġenerali fuq il-konsum applikata għall-attivitajiet kummerċjali li jinvolvu l-produzzjoni u distribuzzjoni ta' oġġetti u l-għoti ta' servizzi. Din id-Direttiva tal-VAT tikkodifika d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-introduzzjoni tas-sistema komuni tal-VAT fl-Unjoni Ewropea (UE).

Is-sistema komuni tal-VAT tapplika għal oġġetti u servizzi mixtrija u mibjugħin għall-konsum fl-UE. It-taxxa hija kkalkulata fuq il-bażi tal-valur miżjud għal merkanzija u servizzi f'kull stadju tal-produzzjoni u tal-katina tad-distribuzzjoni.

It-taxxa tinġabar permezz ta' sistema ta' pagamenti parzjali li tippermetti lil persuni taxxabbli (kumpaniji identifikati għall-VAT) biex inaqqsu mill-kontijiet tal-VAT tagħhom l-ammont tat-taxxa li jkunu ħallsu lill-persuni taxxabbli oħrajn fuq ix-xiri tagħhom għal skopijiet kummerċjali matul l-istadju preċedenti. Dan il-mekkaniżmu jfisser li t-taxxa hija newtrali, irrispettivament min-numru ta' transazzjonijiet.

Fl-aħħar, il-VAT titħallas mill-konsumatur finali fil-forma ta' żieda perċentwali għall-prezz finali tal-merkanzija jew servizzi. Dan il-prezz finali huwa t-total tal-valur miżjud f'kull stadju ta' produzzjoni u distribuzzjoni. Il-fornitur ta' oġġetti jew servizzi (il-persuna taxxabbli) iħallas il-VAT imħallsa fuq l-oġġetti jew servizzi lill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali wara li titnaqqas il-VAT li diġà tkun tħallset lill-fornituri tiegħu.

Ambitu

Transazzjonijiet imwettqa għall-kunsiderazzjoni fit-territorju ta' pajjiż tal-UE minn persuna taxxabbli li taġixxi f'dik il-kapaċità huma soġġetti għall-VAT. Importazzjonijiet minn kwalunkwe persuna huma wkoll soġġetti għall-VAT.

Transazzjonijiet taxxabbli jinkludu:

  • provvisti ta' oġġetti minn persuna taxxabbli;
  • akkwisti intra-UE f'pajjiż tal-UE ta' oġġetti minn pajjiż ieħor tal-UE;
  • provvisti ta' servizzi minn persuna taxxabbli;
  • importazzjonijiet ta' merkanzija minn barra l-UE (territorju terz jew pajjiż mhux tal-UE).

Akkwist intra-UE ta' oġġetti jseħħ biss meta oġġetti jiġu ttrasportati minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Dan iseħħ meta l-oġġetti mibjugħin minn persuna taxxabbli fil-pajjiż tal-UE ta' tluq jinxtraw f'pajjiż ieħor tal-UE (tal-wasla) minn persuna taxxabbli li taġixxi f'dik il-kapaċità jew minn persuna legali mhux taxxabbli. Dan iseħħ ukoll fil-każ ta' mezzi ġodda ta' trasport u ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mixtrija minn persuni oħra.

Jekk l-ammont totali ta' akkwisti intra-UE ta' oġġetti minn persuni ġuridiċi li mhumiex taxxabbli u ċerti kategoriji ta' persuni eżentati mit-taxxa ma jaqbiżx limitu minimu ta' EUR 10 000 fis-sena, dawn l-akkwisti huma soġġetti għall-VAT biss jekk ix-xerrej jiddeċiedi li jirreġistra.

Akkwisti intra-UE ta' oġġetti 'second-hand', xogħlijiet ta' arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet mhumiex suġġetti għall-VAT meta l-bejjiegħ ikun negozjant taxxabbli jew organizzatur ta' bejgħ b'irkant pubbliku li jkun ħallas it-taxxa fuq dawn l-oġġetti bl-użu tal-iskema speċjali ta' tassazzjoni tal-marġni ta' profitt.

Ambitu territorjali

Il-VAT tal-UE ma japplikax fit-territorji terzi li ġejjin:

  • il-Gżira ta' Heligoland, it-territorju ta' Buesingen, Ceuta, Melilla, Livigno, Campione d'Italia u l-ibħra Taljani tal-Lag ta' Lugano (territorji li ma jifformawx parti mit-territorju doganali tal-UE);
  • il-Muntanja Athos, il-Gżejjer Kanarji, id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, il-Gżejjer Åland u l-Gżejjer Channel (territorji li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-UE).

Bi qbil mat-Trattat, il-VAT lanqas ma tapplika għal Ġibiltà jew il-parti ta' Ċipru li mhijiex taħt il-kontroll effettiv tal-gvern tar-Repubblika ta' Ċipru. Dawn ir-reġjuni huma ttrattati bħala territorji terzi.

Minħabba li l-Prinċipalità ta' Monako, l-Isle of Man u l-oqsma bażi sovrani tar-Renju Unit ta' Akrotiri u Dhekelia mhumiex meqjusa bħala pajjiżi li mhux fl-UE, f'dawn il-każijiet, il-VAT hija applikabbli.

Persuni taxxabbli

Persuna taxxabbli hija persuna li, b'mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x'ikun l-iskop jew ir-riżultati ta' dik l-attività. Attività ekonomika tinkludi kull attività ta' produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet tal-professjonijiet. Sal-punt li huma jkunu marbutin ma' min iħaddimhom permezz ta' kuntratt ta' impjieg jew minn kwalunkwe rbit legali ieħor li joħloq ir-relazzjoni ta' min jimpjega u l-impjegat, l-attivitajiet ta' persuni b'salarju u oħrajn mhumiex meqjusin bħala li huma mwettqa b'mod indipendenti.

Kull persuna li, fuq bażi okkażjonali, tipprovdi mezzi ġodda ta' trasport ittrasportat lejn pajjiż ieħor tal-UE hija meqjusa wkoll bħala persuna taxxabbli.

Pajjiż tal-UE jista' jqis ukoll, bħala persuna taxxabbli, lil kull min iwettaq, fuq bażi okkażjonali, operazzjoni marbuta ma' attività ekonomika u, b'mod partikolari, il-provvista, qabel l-ewwel okkupazzjoni, ta' bini jew parti minn bini u tal-art li fuqha jinstab il-bini jew il-provvista ta' art għall-bini.

Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati mid-dritt pubbliku mhumiex meqjusin bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ħlief fejn it-trattament tagħhom bħala persuni mhux taxxabbli jwassal għal tgħawwiġ sinifikanti tal-kompetizzjoni. Meta jwettqu ċerti operazzjonijiet kummerċjali, dawn il-korpi huma madankollu persuni taxxabbli.

Transazzjonijiet taxxabbli

Il-provvista ta' oġġetti hija t-trasferiment tad-dritt ta' disponiment minn proprjetà tanġibbli bħala sid.

Kwalunkwe transazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta' merkanzija tikkostitwixxi provvista ta' servizzi.

L-akkwist intra-UE ta' oġġetti huwa l-akkwist tad-dritt ta' disponiment bħala sid ta' proprjetà mobbli tanġibbli ttrasportata lill-persuna li takkwista l-merkanzija f'pajjiż ieħor tal-UE.

L-importazzjoni ta' merkanzija huwa d-dħul fl-UE ta' merkanzija li ma tkunx f'ċirkolazzjoni libera. Id-dħul ta' merkanzija li tkun f'ċirkolazzjoni libera minn territorju terz hija wkoll importazzjoni.

Post tat-transazzjonijiet

Il-post ta' provvista ta' oġġetti huwa:

  • il-lok tal-merkanziji fil-ħin tal-provvista (fejn il-merkanziji m'humiex mibgħuta jew ittrasportati);
  • il-lok tal-merkanziji fil-ħin ta' meta tintbagħat jew tkun ittrasportata lill-klijent jibda (fejn il-merkanzija hija mibgħuta jew ittrasportata);
  • il-post tat-tluq tal-operazzjoni ta' trasport tal-passiġġieri (fejn il-merkanzija tinbiegħ abbord vapuri, ajruplani jew ferroviji);
  • il-post fejn ikollu s-sede tiegħu l-klient (fil-każ tal-provvista ta' gass permezz ta' sistema ta' gass naturali fi ħdan l-UE jew kwalunkwe netwerk imqabbad ma' tali sistema, il-provvista tal-elettriku jew il-provvista tas-sħana jew enerġija ta' tkessiħ permezz ta' netwerks ta' tisħin jew tkessiħ).

Il-post ta' akkwist intra-UE ta' oġġetti huwa meqjus li jkun il-post fejn jintemm it-trasport tal-merkanzija lill-persuna li takkwistahom.

Il-post tal-provvista ta' servizzi lil persuni taxxabbli jitqies li jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew, jekk ipprovdut lil stabbiliment fiss li l-klijent ikollu band'oħra, il-post fejn ikun jinstab dak l-istabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe stabbiliment, il-post fejn il-konsumatur ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn ikun jirresjedi normalment. Il-post tal-provvista ta' servizzi lil persuni mhux taxxabbli jitqies li huwa l-post fejn il-fornitur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew, jekk ipprovdut minn stabbiliment fiss li l-fornitur ikollu band'oħra, il-post fejn ikun jinstab dak l-istabbiliment fiss jew, fin-nuqqas ta' kwalunkwe stabbiliment, il-post fejn il-fornitur ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn ikun jirresjedi normalment.

Hemm, madankollu, xi eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli ġenerali. Is-servizzi kkonċernati jinkludu dawk relatati ma' proprjetà immobbli, it-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, dawk relatati ma' attivitajiet relatati mal-kultura, arti, l-isport, ix-xjenza, l-edukazzjoni u d-divertiment, dawk ta' ristoranti u servizzi ta' catering u dawk ta' kiri għal perjodu qasir ta' mezzi ta' trasport. L-għan ewlieni ta' dawn l-eċċezzjonijiet huwa li jiġi żgurat li s-servizz jiġi intaxxat fil-post fejn huwa attwalment ikkunsmat.

Fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi mhux tal-UE, sabiex tiġi evitata taxxa doppja, nuqqas ta' taxxa jew tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jikkunsidraw:

  • il-post tal-provvista ta' ċerti servizzi li jinsabu fit-territorju tagħhom bħala li jinsabu barra l-UE, jekk l-użu effettiv u tgawdija jseħħ barra l-UE;
  • il-post tal-provvista ta' ċerti servizzi li jinsabu barra mill-UE bħala li jinsabu ġewwa l-pajjiż tal-UE, jekk l-użu effettiv u tgawdija jseħħ fit-territorju tagħhom.

Il-post ta' importazzjoni ta' oġġetti huwa l-pajjiż tal-UE fejn tinsab il-merkanzija meta dawn jidħlu fl-UE.

Fatt taxxabbli u ħlas tal-VAT

Ħlief f'numru ta' każijiet elenkati b'mod speċifiku, il-fatt taxxabbli għat-taxxa jseħħ u t-taxxa ssir dovuta meta l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti.

Fil-każ ta' akkwist ta' oġġetti intra-UE, il-fatt taxxabbli jseħħ meta jsir l-akkwist u t-taxxa ssir dovuta fil-15 il-jum tax-xahar wara l-akkwist. Madankollu, jekk tinħareġ fattura qabel dik id-data, it-taxxa ssir dovuta fid-data li fiha tinħareġ il-fattura.

Madankollu, mill-1 ta' Jannar 2013, meta d-Direttiva 2010/45/UE daħlet fis-seħħ, il-VAT saret tiġi imposta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 222 ta' din id-direttiva jekk l-ebda fattura ma tkun inħarġet sa dak iż-żmien.

Fil-każ tal-importazzjoni ta' merkanzija, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir dovuta meta l-oġġetti jiġu introdotti f'pajjiż tal-UE.

Ammont taxxabbli

Fir-rigward tal-provvista ta' oġġetti u servizzi u l-akkwist intra-UE ta' oġġetti, l-ammont taxxabbli jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi kunsiderazzjoni miksuba mill-fornitur għal transazzjonijiet mill-klijent. Dan jinkludi sussidji relatati direttament mal-prezz ta' dawn it-transazzjonijiet. L-ammont jinkludi wkoll taxxi, dazji, levies u drittijiet (minbarra l-VAT innifisha) u spejjeż inċidentali mitluba mill-fornitur lill-klijent iżda jeskludi ċertu tnaqqis fil-prezzijiet, roħs u skonti fuq il-prezz u ħlasijiet lura ta' spejjeż imġarrba.

Fil-każ ta' importazzjonijiet ta' oġġetti, l-ammont taxxabbli huwa l-valur għal finijiet doganali. Dan jinkludi taxxi, dazji, levies u ħlasijiet oħrajn dovuti barra mill-pajjiż ta' importazzjoni tal-UE, u dawk dovuti minħabba l-importazzjoni (minbarra l-VAT innifisha) u spejjeż inċidentali (imballaġġ, trasport, eċċ.)

Rati tal-VAT

Transazzjonijiet taxxabbli huma ntaxxati bir-rati u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-pajjiż tal-UE meta jseħħu. Ir-rata standard tal-VAT hija stabbilita bħala perċentwal tal-ammont taxxabbli li, sal-31 Diċembru 2015, ma jistax ikun inqas minn 15 %.

Pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw waħda jew żewġ rati mnaqqsa ta' mhux anqas minn 5 %. Ir-rati mnaqqsa jistgħu jiġu applikati biss għall-provvisti ta' oġġetti u servizzi fil-kategoriji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT (kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2009/47/KE).

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT, japplikaw rata mnaqqsa għall-provvisti ta' gass naturali, elettriku u tisħin distrettwali.

Fl-aħħarnett, permezz ta' deroga mir-regoli normali, ċerti pajjiżi tal-UE ġew awtorizzati li jżommu rati mnaqqsa, inklużi dawk inqas mill-minimu, jew rati ta' żero fil-mija, f'ċerti oqsma.

Xi wħud minn dawn id-derogi previsti fl-att ta' adeżjoni tal-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-1 Mejju 2004 applikaw biss sal-31 Diċembru 2010. Oħrajn ġew estiżi jew inkorporati fir-regoli ġenerali mid-Direttiva 2009/47/KE.

Eżenzjonijiet

Oġġetti u servizzi li huma eżenti mill-VAT jinbiegħu lill-konsumatur finali mingħajr ebda VAT applikabbli mal-bejgħ. Madankollu, fejn il-provvista ta' merkanzija jew servizzi tkun eżenti, il-fornitur ma jistax inaqqas il-VAT fuq ix-xiri. Din l-eżenzjoni mingħajr dritt għal tnaqqis tfisser li VAT 'moħbija' tibqa' nkluża fil-prezz imħallas mill-konsumatur. Din l-eżenzjoni għandha tkun distinta b'mod ċar minn rata ta' żero fil-mija ta' VAT li ċerti pajjiżi tal-UE għandhom deroga biex tinżamm u li tfisser li l-prezz finali lill-konsumatur ma jkun jinkludi l-ebda VAT residwa.

Hemm ukoll eżenzjonijiet bi dritt għal tnaqqis li l-għan prinċipali tagħhom huwa li jitqies il-post fejn il-merkanzija jew is-servizzi huma meqjusin li ġew ikkunsmati u għalhekk intaxxati: dawn it-transazzjonijiet huma meħlusa mil-VAT kollha fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom tal-UE minħabba li dawn ikunu ntaxxati fil-pajjiż tad-destinazzjoni.

Eżenzjonijiet mingħajr dritt għal tnaqqis

Għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi, dawn li ġejjin huma eżentati:

  • ċerti attivitajiet ta' interess ġenerali (bħal sptar u kura medika, oġġetti u servizzi marbuta mal-benesseri u xogħol tas-sigurtà soċjali, skejjel u edukazzjoni universitarja u ċerti servizzi kulturali);
  • ċerti transazzjonijiet inklużi l-assigurazzjoni, l-għoti ta' kreditu, ċerti servizzi bankarji, il-provvisti ta' bolol, lotteriji u mħatri u ċerti provvisti ta' proprjetà immobbli.

Biex jiffaċilitaw il-kummerċ, ċerti importazzjonijiet ta' oġġetti minn barra l-UE huma eżenti. Dawn jinkludu l-importazzjoni finali ta' merkanzija li l-provvista tagħha hija eżenti fil-pajjiż tal-importazzjoni u merkanzija tal-UE li l-importazzjoni finali tagħha hija regolata mid-Direttivi 2007/74/KE (oġġetti li jinġarru fil-bagalji ta' vjaġġaturi), 2009/132/KE (merkanzija importata għal skopijiet mhux kummerċjali) u 2006/79/KE (kunsinni żgħar ta' oġġetti ta' natura mhux kummerċjali).

Eżenzjonijiet bi dritt għal tnaqqis

Biex jiġi kkunsidrat il-post fejn l-oġġetti u servizzi jitqiesu li jkunu ġew ikkunsmati u għalhekk intaxxati, it-transazzjonijiet li ġejjin huma eżentati bi dritt għal tnaqqis:

  • provvisti intra-UE ta' oġġetti, inklużi mezzi ġodda ta' trasport u prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mibgħuta minn pajjiż wieħed għal ieħor tal-UE;
  • esportazzjonijiet ta' oġġetti mill-UE għal territorju terz jew pajjiż mhux fl-UE;
  • ċerti transazzjonijiet relatati mat-trasport internazzjonali jew ittrattati bħala esportazzjonijiet;
  • provvisti ta' servizzi minn intermedjarji meta huma jieħdu sehem fi transazzjonijiet relatati mal-esportazzjoni;
  • ċerti transazzjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali, bħal dawk li jikkonċernaw imħażen doganali u mħażen oħra.

Tnaqqis

Persuna taxxabbli li tixtri oġġetti jew servizzi għandha d-dritt li tnaqqas l-ammont tal-VAT fil-pajjiż tal-UE fejn jitwettqu dawn it-transazzjonijiet jekk l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-attività ekonomika professjonali tagħha. Persuna taxxabbli li tkun ħallset il-VAT f'pajjiż tal-UE fejn hija ma tkunx stabbilita, tista' tassigura rimborż permezz ta' proċedura elettronika speċjali. Ma hemm l-ebda dritt għal tnaqqis fil-każ ta' attività ekonomika eżenti jew jekk il-persuna taxxabbli tikkwalifika għal skema speċjali (eż. l-eżenzjoni mill-VAT għal kumpaniji żgħar).

F'ċerti każijiet it-tnaqqis jista' jkun limitat jew aġġustat. Biex it-tnaqqis ikun eżerċitat, ikun jeħtieġ li ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, b'mod partikolari l-obbligu li ssir fattura.

Obbligi tal-persuni taxxabbli u ta' ċerti persuni li mhumiex taxxabbli

VAT hija dovuta:

  • minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta' merkanzija jew servizzi, minbarra f'ċerti każijiet speċifiċi fejn it-taxxa hija pagabbli minn xi persuna oħra, b'mod partikolari konsumatur li juża l-proċedura ta' ħlas invertit;
  • mill-persuna li tagħmel akkwisti intra-UE ta' oġġetti taxxabbli;
  • malli ssir importazzjoni minn persuna maħtura jew rikonoxxuta bħala responsabbli mill-pajjiż tal-UE ta' importazzjoni.

Persuna taxxabbli trid tiddikjara meta l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli tibda', tinbidel jew tieqaf u għandha żżomm rekords dettaljati biżżejjed.

Persuna taxxabbli għandha tiżgura li tinħareġ fattura dettaljata biżżejjed għal prodotti u servizzi li hija tforni lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. Fattura trid tinħareġ ukoll f'ċerti każijiet oħrajn.

Derogi

Taħt ċerti kundizzjonijiet, pajjiżi tal-UE jistgħu jkunu awtorizzati li jintroduċu derogi li jissimplifikaw il-ġbir tal-VAT jew li jevitaw ċerti frodi jew evażjoni fiskali.

Skemi speċjali

Hemm skemi speċjali tal-VAT għal:

Konsumaturi

Xi skemi tal-VAT jikkonċernaw mhux biss lill-operaturi ekonomiċi direttament iżda wkoll lil persuni privati u lill-konsumaturi finali. Dan huwa l-każ pereżempju fejn persuna privata tixtri prodotti f'pajjiż ieħor tal-UE. Meta l-konsumatur jieħu l-prodotti d-dar huwa/hija stess, il-VAT titħallas fil-pajjiż tal-UE fejn inbiegħu jew inxtraw (jiġifieri fl-oriġini tagħhom). Xi persuni taxxabli li huma eżentati u persuni legali mhux taxxabbli għandhom ukoll id-dritt li jiksbu kwantità limitata ta' prodotti f'pajjiż ieħor tal-UE bħala riżultat tar-regoli li jirregolaw it-tassazzjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. Għal dawk il-persuni, l-iskema hija diġà bbażata fuq il-prinċipju ta' tassazzjoni fil-pajjiż ta' oriġini tal-UE tal-prodotti u servizzi pprovduti (ara l-aħħar ta' dan is-sommarju).

Madankollu, il-prinċipju ta' oriġini ma japplikax meta l-prodotti jinbiegħu minn distanza, jiġifieri meta x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn pajjiżi differenti tal-UE u l-prodotti jintbagħtu. Jekk il-valur ta' oġġetti mibjugħin fuq bażi annwali jaqbeż ċertu limitu (€35 000 jew €100 000 skont il-pajjiż tal-UE), il-fornitur għandu japplika l-prinċipju ta' destinazzjoni, u għandu jagħmel hekk fi kwalunkwe eventwalità fil-każ ta' bejgħ mill-bogħod ta' prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa. Taħt dan il-prinċipju, il-fornitur jaħdem il-VAT fil-pajjiż ta' destinazzjoni fl-UE bir-rata applikabbli hemmhekk.

Il-prinċipju ta' oriġini ma japplikax meta l-mezzi ġodda ta' trasport jinxtraw f'pajjiż ieħor tal-UE. F'dak il-każ, ix-xerrej iħallas il-VAT fil-pajjiż ta' destinazzjoni fl-UE.

Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali

L-evażjoni fiskali tfixkel il-funzjonament tas-suq intern, billi toħloq flussi mhux iġġustifikati ta' merkanziji u billi tippermetti merkanzija li titqiegħed fis-suq bi prezzijiet baxxi b'mod mhux normali.

Biex tiġġieled kontra din il-pjaga, id-Direttiva 2008/117/KE tintroduċi l-miżuri li ġejjin:

  • l-istabbiliment ta' skadenza ta' xahar għall-informazzjoni fuq provvisti intra-UE ta' oġġetti;
  • l-introduzzjoni tal-istess perjodu taxxabli kemm għall-fornitur kif ukoll għax-xerrej jew il-klijent fil-kuntest ta' transazzjonijiet intra-UE;
  • it-tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi;
  • awtorizzazzjoni għall-operaturi li jippreżentaw fuq bażi ta' tliet xhur, dikjarazzjonijiet rikapitulattivi li jikkonċernaw provvisti intra-UE ta' oġġetti.

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-VAT

Id-Direttiva 2013/42/UE tinkorpora fi ħdan id-Direttiva dwar il-VAT Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida (QRM - Quick Reaction Mechanism) li, f'sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna, tippermetti lill-pajjiżi tal-UE sabiex jieħdu miżuri immedjati fil-każ ta' frodi fil-VAT f'daqqa u massivi.

Pajjiż tal-UE li jkun jixtieq jintroduċi miżura speċjali tal-QRM għandu jibgħat notifika lill-Kummissjoni billi juża formola standardizzata u fl-istess ħin għandu jibgħatha lill-pajjiżi tal-UE l-oħrajn. Għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-karatteristiċi tal-frodi, l-eżistenza tar-raġunijiet imperattivi tal-urġenza, in-natura f'daqqa u massiva tal-frodi u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' telf finanzjarju konsiderevoli u irreparabbli. Imbagħad, il-Kummissjoni għandha xahar biex tikkonferma jekk tkunx sejra toħroġ oġġezzjoni jew le, filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-pajjiżi l-oħrajn.

Id-Direttiva 2013/43/UE relatata temenda d-Direttiva dwar il-VAT fir-rigward ta' applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-provvista ta' ċerti oġġetti u servizzi suxxettibbli għal frodi. Tippermetti lill-pajjiżi tal-UE sabiex jimplimentaw -- fuq bażi fakultattiva u temporanja -, radd lura tar-responsabilità għall-ħlas tal-VAT fuq il-provvista ta' ċerti oġġetti u servizzi (mekkaniżmu tar-reverse charge).

KUNTEST

Din id-Direttiva dwar il-VAT hija riformulazzjoni tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud u l-bażi uniformi ta' valutazzjoni li ġiet emendata aktar minn 30 darba minn meta ġie adottata. Hija tikkodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE mill-1 Jannar 2007 mingħajr ma tibdel is-sustanza tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2006/112/KE

1.1.2007

1.1.2008

ĠU L 347 tal-11.12.2006

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

Direttiva 2006/138/KE

29.12.2006

1.1.2007

ĠU L 384 tad-29.12.2006

Direttiva 2007/75/KE

29.12.2007

-

ĠU L 346 tad-29.12.2007

Direttiva 2008/8/KE

20.2.2008

Skont id-dispożizzjonijiet, bejn 1.1.2009 u 1.1.2015

ĠU L 44 tal-20.2.2008

Direttiva 2008/117/KE

21.1.2009

1.1.2010

ĠU L 14, tal-20.1.2009

Direttiva 2009/47/KE

1.6.2009

-

ĠU L 116, tad-9.5.2009

Direttiva 2009/69/KE

24.7.2009

1.1.2011

ĠU L 175, tal-4.7.2009

Direttiva 2009/162/UE

15.1.2010

1.1.2011

ĠU L 10, tal-15.1.2010

Direttiva 2010/23/UE

9.4.2010 - 30.6.2015

-

ĠU L 72, tal-20.3.2010

Direttiva 2010/45/UE

11.8.2010

31.12.2012

ĠU L 189, tat-22.7.2010

Direttiva 2010/88/UE

11.12.2010

-

ĠU L 326, tal-10.12.2010

Direttiva 2013/42/UE

15.8.2013

-

ĠU L 201 tas-26.7.2013

Direttiva 2013/43/UE

15.8.2013 sal- 31.12.2018

-

ĠU L 201 tas-26.7.2013

Direttiva 2013/61/UE

1.1.2014

-

ĠU L 353 tat-28.12.2013

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għad-Direttiva 2006/112/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha tintuża biss għal għanijiet ta' referenza.

ATTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta' Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-għażla ta' raggruppament għall-iskop tal- VAT prevista fl-Artikolu 11 tad-direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2009) 325 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-iżviluppi tekonoloġiċi fil-qasam tal-fatturazzjoni elettronika u miżuri mmirati sabiex ikunu modernizzati, issemplifikati u armonizzati aktar ir-regoli dwar fatturazzjoni tal-VAT (COM(2009) 20 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (Ġurnal Uffiċjali L 44, 20.2.2008).

Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (ĠU L 346, 29.12.2007).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2007 dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT (COM(2007) 380 finali - Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta' kunsinni żgħar ta' merkanzija ta' natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi) (ĠU L 286, 17.10.2006).

Regolament tal-Kunsill (KE) 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru. 218/92 (Ġurnal Uffiċjali L 264, 15.10.2003).

L-aħħar aġġornament: 09.03.2014

Top