Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Regoli tal-UE għat-tassazzjoni tal-alkoħol

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Regoli tal-UE għat-tassazzjoni tal-alkoħol

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 92/83/KEE — l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) għat-taxxi fuq l-alkoħol (l-alkoħol etilitiku jew l-etanol, jiġifieri l-forma ta’ alkoħol użata fix-xarbiet alkoħoliċi) u x-xarbiet alkoħoliċi, il-kategoriji tal-alkoħol u x-xarbiet alkoħolċi soġġetti għat-taxxi, u l-bażi li fuqha hija kkalkolata t-taxxa (dazju).

PUNTI EWLENIN

Il-birra

  • Id-dazju impost għal kull unità ta’ birra huwa bbażat fuq in-numru ta’ ettolitri/gradi Plato* jew ettolitru/alkoħol skont il-volum (grad Plato wieħed huwa legalment ekwivalenti għal 0.4 % ta’ alkoħol skont il-volum) tal-prodott finali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jaqsmu l-birer f’kategoriji li jikkonsistu f’mhux aktar minn 4 gradi Plato, eż. 15o-19o, u jistgħu jimponu l-istess rata ta’ dazju għal kull ettolitru fuq il-birer kollha f’kull kategorija.
  • Jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa għall-birra magħmula minn kumpaniji żgħar indipendenti, sakemm dawk ir-rati:
    • ma jiġux applikati għal birreriji li jipproduċu aktar minn 200 000 hl ta’ birra fis-sena;
    • ma jkunux aktar minn 50 % taħt ir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa.
  • Ir-rati mnaqqsa jridu japplikaw b’mod ugwali għall-birra ttrasportata f’dak il-pajjiż minn birreriji żgħar li jinsabu f’pajjiżi tal-UE oħrajn.
  • Ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jkunu inqas mir-rata minima, jistgħu jiġu applikati għal birer inqas qawwija, pereżempju dawk b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 2.8 % vol.

L-inbid u xarbiet oħra ffermentati

  • Id-dazju impost fuq l-inbid mingħajr gass u bil-gass u fuq xarbiet oħrajn iffermentati u prodotti intermedjarji (eż. port u sherry) huwa bbażat fuq in-numru ta’ ettolitri tal-prodott finali.
  • Il-pajjiżi jistgħu jimponu l-istess rata ta’ dazju fi ħdan kull kategorija ta’ xorb.
  • Rata mnaqqsa tad-dazju tas-sisa tista’ tiġi applikata għal kull tip ta’ nbid u xarbiet oħrajn iffermentati (minbarra l-birra) b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 8.5 % vol.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu japplikaw rata waħda mnaqqsa fuq prodotti intermedjarji b’qawwa alkoħolika massima skont il-volum ta’ 15 % vol. jekk din ir-rata:
    • ma tkunux aktar minn 40 % taħt ir-rata nazzjonali standard;
    • ma tkunx inqas mir-rata standard applikata għall-inbid mingħajr gass u xarbiet iffermentati oħra mingħajr gass.

L-ispirti

  • Id-dazju impost fuq l-alkoħol pur u xorb alkoħoliku huwa bbażat għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur, meta mkejjel f’temperatura ta’ 20oC.
  • Jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa għall-alkoħol etilitiku (etanol) prodott minn distilleriji żgħar; madankollu, dawn m’għandhomx ikunu iżjed minn 50 % taħt ir-rata nazzjonali standard tad-dazju tas-sisa.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu japplikaw tali rati mnaqqsa b’mod ugwali għall-alkoħol etilitiku li joriġina minn distilleriji żgħar f’pajjiżi tal-UE oħrajn.
  • Soġġett għal ċerti limiti, jistgħu jiġu applikati wkoll rati mnaqqsa fuq spirti b’qawwa alkoħolika attwali massima skont il-volum ta’ 10 % volum u għar-rum Franċiż u l-Ouzo Grieg.

Eżenzjonijiet

Il-prodotti koperti minn din id-direttiva huma eżentati mid-dazju tas-sisa jekk ikunu:

  • denaturalizzati* b’konformità mar-rekwiżiti fi kwalunkwe pajjiż tal-UE;
  • denaturalizzati u użati biex jiġu manifatturati prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem;
  • użati biex jiġu prodotti l-ħall, mediċini jew aromatizzanti tal-ikel

Lista ta’dazji tas-sisa

Il-Kummissjoni Ewropea tippubblika lista sħiħa tar-rati tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE darbtejn fis-sena.

Reviżjoni possibbli tad-Direttiva 92/83/KEE

  • Sabiex tevalwa jekk id-Direttiva 92/83/KEE għadhiex adatta għall-iskop tagħha, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni REFIT (programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni). REFIT huwa programm għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE — biex jiġu identifikati piżijiet, inkonsistenzi, lakuni jew miżuri ineffettivi — u biex isiru l-proposti neċessarji biex jingħata segwitu għas-sejbiet tar-reviżjoni. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni esterna finali issa huwa ppubblikat.
  • F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jevalwa d-Direttiva 92/83/KEE, kif ukoll dokument ta’ ħidma tal-persunal (u sommarju eżekuttiv ta’ dan tal-aħħar).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-10 ta’ Novembru 1992. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Gradi Plato: in-numru ta’ gradi Plato jkejjel il-perċentwal fil-piż tal-estratt oriġinali għal kull 100 gramma ta’ birra. Dan il-valur huwa kkalkolat mill-estratt attwali u l-alkoħol li jinsab fil-prodott finali.

Alkoħol denaturalizzat: alkoħol etilitiku li jsir mhux tajjeb għax-xorb minħabba ż-żieda ta’ sustanza kimika waħda jew iktar miegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 21–27)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/83/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, pp. 29-31)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (COM(2016) 676 final, 28.10.2016)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni li Takkumpanja d-dokument — Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (SWD(2016) 336 final, 28.10.2016)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni —Sommarju Eżekuttiv tal-Evalwazzjoni li Takkumpanja d-dokument — Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (SWD(2016) 337 final, 28.10.2016)

l-aħħar aġġornament 28.11.2016

Top