EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni

Il-Kummissjoni tipproponi Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura, li tipprova tindirizza l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Din l-istrateġija l-ġdida hija maħsuba biex tintensifika l-kooperazzjoni kulturali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE). Din tikkonċentra fuq serje ta’ proposti konkreti bil-għan li tikseb għadd ta’ objettivi komuni.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata [KUMM(2007) 242 finali – Mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali].

SINTEŻI

Is-settur tal-kultura għandu rwol essenzjali fir-rigward tal-għadd kbir ta' implikazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi tiegħu. Din hija r-raġuni għalfejn il-kultura għandha pożizzjoni fundamentali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

Fuq il-bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet u wara r-riżultati ta’ konsultazzjoni permezz tal-Internet tal-partijiet involuti fis-settur tal-kultura, il-Kummissjoni qed tipproponi Aġenda Ewropea ġdida għall-Kultura li ser tikkonċentra fuq numru ristrett ta’ objettivi. Biex tilħaq dawn l-objettivi, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll mekkaniżmi ġodda ta’ kooperazzjoni ma’ u bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE), il-livelli l-oħrajn ta’ governanza u s-soċjetà ċivili.

L-objettivi tal-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-Kultura huma fformulati madwar tliet prijoritajiet:

Diversità kulturali u djalogu interkulturali

Għandu jiġi promoss l-ispirtu ta' ftuħ kif ukoll l-iskambji bejn il-kulturi. F'din il-perspettiva, l-aġenda l-ġdida għall-kultura timmira li tinkoraġġixxi:

  • il-mobilità tal-artisti u tal-ħaddiema fis-settur kulturali kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni ta’ kull forma ta’ espressjoni artistika;
  • it-tisħiħ tal-kompetenzi interkulturali u tad-djalogu interkulturali billi jiġu żviluppati kapaċitajiet li jinsabu fost il-kompetenzi ewlenin għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja bħall-ħolqien ta’ kuxjenza u l-espressjoni kulturali kif ukoll il-komunikazzjoni b’lingwi barranin.

Dinamiżmu tal-kreattività fil-kuntest tal-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

L-industriji kulturali jikkontribwixxu għad-dinamiżmu tal-ekonomija Ewropea kif ukoll għall-kompetittività tal-UE. Bħala eżempju, il-kultura timpjega kważi ħames miljun persuna fl-UE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipproponi dawn l-objettivi:

  • il-promozzjoni tal-kreattività fl-edukazzjoni u l-integrazzjoni ta’ din id-dimensjoni fil-miżuri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tul il-ħajja;
  • it-tisħiħ tal-kapaċitajiet organizzattivi tas-settur kulturali billi jiġi enfasizzat l-ispirtu intraprenditorjali u t-taħriġ tas-settur kulturali fir-rigward tal-ġestjoni (sorsi ta’ finanzjament innovattivi, dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet kummerċjali, eċċ.);
  • l-iżvilupp ta’ sħubijiet effikaċi bejn is-settur tal-kultura u setturi oħrajn (ICT, riċerka, turiżmu, sħubijiet soċjali, eċċ.) bil-għan li jikber l-impatt tal-investimenti fil-kultura.

Il-kultura bħala element indispensabbli tar-relazzjonijiet internazzjonali

B’mod konformi mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali, li ġiet irratifikata mill-UE u mill-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tagħha, l-aġenda l-ġdida għall-kultura tipproponi li tiġi msaħħa d-dimensjoni kulturali bħala element indispensabbli tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Din il-prijorità hija akkumpanjata minn diversi miżuri bil-għan li:

  • jiġi segwit djalogu politiku fil-qasam kulturali u jiġu promossi skambji kulturali bejn l-UE u l-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE;
  • jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq globali tal-beni u s-servizzi kulturali ta’ pajjiżi fi stadju ta’ żvilupp permezz ta’ ftehimiet li jipprovdu trattament preferenzjali jew permezz ta’ miżuri ta’ assistenza marbuta mal-iskambji;
  • l-użu tar-relazzjonijiet esterni biex jiġu stabbilitti mezzi ta’ appoġġ finanzjarji u tekniċi (preżervazzjoni tal-wirt kulturali, appoġġ għal attivitajiet kulturali madwar id-dinja);
  • it-teħid f’kunsiderazzjoni tal-kultura lokali fil-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE;
  • l-intensifikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-UE fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali attivi fil-qasam tal-kultura u fil-proċess ta’ Alleanza taċ-ċivilizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Metodi ta’ ħidma

Il-Kummissjoni timmira li tistabbilixxi djalogu strutturat mas-settur kulturali, mill-artisti u l-persuni kreattivi sal-industriji kulturali, biex tikseb l-objettivi tagħha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tirrakkomanda:

  • l-identifikazzjoni tal-partijiet involuti kollha fis-settur kulturali;
  • l-organizzazzjoni ta’ “Forum Kulturali” li jiġbor flimkien lill-partijiet involuti kollha;
  • ir-rappreżentattività fil-livell Ewropew tal-opinjoni tal-partijiet involuti f’dan is-settur;
  • l-iżvilupp tad-djalogu soċjali tal-imsieħba soċjali tas-settur kulturali;
  • id-dimensjoni kulturali fid-dibattiti pubbliċi Ewropej billi wieħed jirrikorri b'mod partikolari għar-rappreżentanzi permanenti tal-Kummissjoni.

Din l-istrateġija l-ġdida tal-kultura u l-miżuri kollha proposti huma bbażati fuq kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tagħha permezz tal-mekkaniżmu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK). Hija timmira wkoll li tiżviluppa djalogu strutturat mas-settur kulturali.

L-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-kultura hija kkumplimentata minn azzjonijiet oħrajn relatati mas-settur tal-kultura, fosthom is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008.

Kuntest

Is-settur tal-kultura kien diġà soġġett għal diversi azzjonijiet fuq livell Ewropew għall-promozzjoni tal-kultura, bħall-programmi “Kultura”, “L-Ewropa għaċ-ċittadini” u MEDIA.

ATTI RELATATI

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura [COM(2010) 390 finali – Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali]. Dan ir-rapport jippreżenta l-progress miksub f’livell Ewropew u nazzjonali permezz tal-kisba tal-objettivi tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, kif ukoll l-ewwel esperjenzi fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ ħidma ġodda. Il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali implikat diversi kwistjonijiet u azzjonijiet, b’mod partikolari:

  • is-Sena Ewropea tad-djalogu interkulturali fl-2008, li mmarkat it-tnedija ta’ politiki u strutturi nazzjonali ġodda u ftehim fil-livell tal-UE;
  • il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-multilingwiżmu fl-2008, bil-għan li d-diversità lingwistika ssir assi importanti;
  • l-aċċess għall-kultura permezz tad-diġitizzazzjoni, bit-tnedija ta’ Europeana fl-2008 u l-proposta għal tikketta ta’ wirt Ewropew.

Sabiex tiġi promossa l-kultura bħala katalizzatur tal-kreattività, ittieħdu bosta inizjattivi, b’mod partikolari:

  • is-Sena Ewropea tal-kreattività u l-innovazzjoni (2009), li ppermettiet li jiġi eżaminat kif il-kultura tista’ toħloq innovazzjoni ekonomika u soċjali;
  • studji dwar l-effett tal-kultura fuq il-kreattività, fuq l-intraprenditorjat fl-industriji tal-kultura u tal-kreazzjoni kif ukoll fuq il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali;
  • il-green paper (2010) dwar il-mezzi biex jiġi rilaxxat il-potenzjal tas-setturi tal-kultura u tal-kreazzjoni.

Il-promozzjoni tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE ħadet ħajja ġdida minn meta ġiet adottata l-aġenda. Din tinkludi:

  • strateġija ġdida Euromed fil-qasam tal-kultura, li qiegħda tiġi mħejjija;
  • sforzi importanti għar-rijabilitazzjoni tal-wirt kulturali fil-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, b’mod partikolari permezz tal-għajnuna għas-soċjetà ċivili tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);
  • programm kulturali ta’ sħubija orjentali, li għandu jibda fl-2010;
  • proċess biex jissaħħaħ l-irwol tal-kultura fil-politiki ta’ żvilupp, li beda fl-2009;
  • il-programm MEDIA Mundus (2011-2013), li ser ikun is-suċċessur tal-azzjoni preparatorja MEDIA International.

L-ewwel esperjenzi jindikaw li b’mod ġenerali, l-MMK huwa strument effikaċi ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura. Madankollu, dan ma ntużax għal żmien twil biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu dderivati konklużjonijiet definittivi. Fil-ġejjieni, il-kooperazzjoni għandha tiġi msaħħa, permezz ta' metodi ta' ħidma adattati. Id-djalogu strutturat fil-qasam tal-kultura huwa fformulat madwar pjattaformi tematiċi li jgħaqqdu l-assoċjazzjonijiet Ewropej u l-Forum Ewropew tal-Kultura. Il-pjattaformi tematiċi kienu ta’ benefiċċju partikolari sabiex jiġi intensifikat id-djalogu fi ħdan is-settur. Madankollu, għandhom isiru sforzi supplimentari sabiex jinkiseb djalogu aktar immirat mas-soċjetà ċivili fil-futur.

See also

  • Sit tad-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni Ewropea iddedikat għall-Aġenda Ewropea tal-Kultura (DE) (EN) (FR)

L-aħħar aġġornament: 14.10.2010

Top