Help Print this page 
Title and reference
Strateġija għall-ambjent tal-baħar

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Strateġija għall-ambjent tal-baħar

L-ambjent tal-baħar Ewropew isofri minn diversi pressjonijiet li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-ekosistema tal-baħar. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u objettivi komuni għall-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar kontra l-attivitajiet umani li jikkawżaw dannu.

ATT

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ambjent tal-baħar (id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina).

SOMMARJU

L-ambjent tal-baħar Ewropew isofri minn diversi pressjonijiet li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-ekosistema tal-baħar. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u objettivi komuni għall-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar kontra l-attivitajiet umani li jikkawżaw dannu.

X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?

Hija tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-pajjiżi tal-UE sabiex jiżviluppaw strateġiji mmirati biex jipproteġu l-ekosistema tal-baħar u jiżguraw li l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-ambjent tal-baħar ikunu sostenibbli.

Hija tiżgura l-kooperazzjoni fir-reġjuni marini (l-Atlantiku tal-Grigal, il-Baħar Baltiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed) billi toħloq programmi transkonfinali. Dawn il-programmi jinkludu azzjonijiet intiżi biex jilħqu l-miri maqbula sabiex ikun jista’ jinkiseb “status ambjentali tajjeb”* sal-2020.

Hija tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ netwerk globali ta’ żoni marini protetti u tniedi djalogu ma’ pajjiżi barra l-UE.

ŻVILUPPI RIĊENTI

Fl-2014, il-Kummissjoni analizzat l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tad-direttiva. Minn dakinhar, il-pajjiżi tal-UE stabbilixxew il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina sservi bħala linja gwida ambjentali għad-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, li ġiet ippubblikata fl-2014.

Din tal-aħħar hija parti mill-Politika Marittima Integrata (PMI) li timmira għall-implimentazzjoni ta’ ġestjoni ottima tal-oċeani u governanza marittima. Il-PMI għandha l-għan li tappoġġja u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ Ewropa 2020, l-istrateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

L-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-UE huma mistennija li jorganizzaw attivitajiet f’żoni marini sabiex jilħqu l-għanijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ifasslu programmi ta’ miżuri li għandhom jittieħdu. Dawn jidentifikaw il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żona li għandha tiġi koperta u jistabbilixxu l-perjodi ta’ żmien għall-azzjonijiet eżistenti u futuri sabiex l-attivitajiet marini jiġu ġestiti b’mod sostenibbli.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jivvalutaw l-istatus ambjentali tal-ibħra marini tagħhom u l-impatt tal-attivitajiet umani (inkluża analiżi soċjo-ekonomika). Imbagħad, huma għandhom jistabbilixxu objettivi sabiex jintlaħaq status ambjentali tajjeb sal-2020, jiffissaw miri ambjentali, jiżviluppaw netwerks ta’ monitoraġġ u jħejju programmi ta’ miżuri.

L-evalwazzjonijiet inizjali jistgħu jgħinu sabiex jittejjeb l-għarfien tal-ibħra marini tal-Ewropa permezz ta’ programmi bħal Għarfien dwar il-Baħar, INSPIRE jew Copernicus.

L-ibħra tal-Ewropa huma maqsuma f’4 reġjuni marini: il-Baħar Baltiku, l-Atlantiku tal-Grigal, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Il-pajjiżi li jaħdmu fl-istess reġjuni marini huma mitluba li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.

Il-programmi ta’ monitoraġġ jitfasslu bil-għan li jkejlu u jevalwaw il-progress fl-ilħuq tal-għanijiet. Jekk ċerti għanijiet ma jintlaħqux, il-pajjiżi tal-UE għandhom jispjegaw għaliex u jistgħu, jekk ikun meħtieġ, japplikaw ċerti eċċezzjonijiet.

TERMINI EWLENIN

“Status ambjentali tajjeb” huwa relatat ma’ oċeani u ibħra ekoloġikament diversi u dinamiċi li huma nodfa, f’saħħithom u produttivi. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-ambjent tal-baħar jiġi ssalvagwardjat għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

Għal aktar tagħrif, ara l-paġna elettronika tal-Kummissjoni Ewropea dwar L-Oċeani, l-Ibħra u l-Kosti Tagħna.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2008/56/KE

15.7.2008

15.7.2010

ĠU L 164 tal-25.6.2008, p. 19-40

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-ippjanar spazjali marittimu (ĠU L 257 tat-28.8.2014, pp. 135-145).

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) - Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2014) 97 final tal-20.2.2014).

L-aħħar aġġornament: 19.12.2014

Top