Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Pollutanti (PRTR)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Pollutanti (PRTR)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi r-reġistru Ewropew dwar ir-rilaxx u t-trasferment ta’ inkwinanti (PRTR).
  • Din id-database tal-Unjoni Ewropea (UE) hija disponibbli għall-pubbliku u għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġis.

PUNTI EWLENIN

  • Dan ir-regolament jistabbilixxi Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR) f’forma ta’ database elettronika aċċessibbli mill-pubbliku. Din id-database tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU-EKE) Protokoll dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti ffirmat mill-UE f’Mejju 2003.
  • Dan ir-reġistru huwa disponibbli għall-pubbliku b’xejn fuq l-internet. L-informazzjoni li jinkludi dan ir-reġistru tista’ tiġi mfittxija bl-użu ta’ kriterji differenti (tip ta’ pollutant, il-post ġeografiku, l-ambjent affettwat, il-faċilità tas-sors, eċċ.)

Kontenut tal-PRTR

  • Ir-reġistru jinkludi informazzjoni dwar ir-rilaxxi ta’ inkwinanti fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll trasferimenti ta’ inkwinanti barra mis-sit preżenti f’ilma mormi u skart. Ir-reġistru jkopri 91 pollutant elenkati fl-Anness 2, inkluż il-gassijiet b’effett ta’ serra, gassijiet oħrajn, metalli tqal, pestiċidi, sustanzi organiċi li fihom il-klorur u sustanzi organiċi oħrajn.
  • Ir-rilaxxi jiġu rrappurtati meta l-livell ta’ emissjonijiet jaqbeż ċertu limitu u meta joriġina minn waħda mill-65 attività elenkata fl-Anness I. Il-maġġoranza ta’ dawn l-attivitajiet huma regolati wkoll mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u tinkludi wkoll, b’mod partikolari, l-istabbilimenti koperti mis-setturi li ġejjin: il-produzzjoni tal-enerġija, l-industrija tal-minerali, l-industrija tal-kimika, il-maniġment tal-ilma mormi u tad-drenaġġ, u l-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ karti u injam.
  • Fejn hu possibbli, ir-reġistru jipprovdi wkoll informazzjoni dwar it-tniġġis minn sorsi diffużi

Kif jaħdem il-PRTR

  • L-informazzjoni miġbura fuq livell nazzjonali mill-pajjiżi tal-UE u rrapportata lill-Kummissjoni Ewropea tiġi mdaħħla fid-database fuq bażi regolari. L-ewwelnett, din l-informazzjoni hija ppreżentata kull sena lill-awtorità nazzjonali kompetenti mill-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiġbru wkoll informazzjoni dwar rilaxxi minn sorsi diffużi billi jużaw metodi approvati fuq livell internazzjonali.
  • Imbagħad, il-pajjiżi tal-UE jridu jirrapportaw l-informazzjoni li jkunu ġabru lill-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat (fi żmien 15-il xahar mit-tmiem ta’ kull sena tar-rapportar). Il-pajjiżi tal-UE għandhom il-permess li jżommu ċertu informazzjoni kunfidenzjali; jekk jagħmlu dan, iridu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-tip tal-informazzjoni li tkun qed tiġi miżmuma u r-raġunijiet għalfejn qed iżommuha.
  • Il-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent , tipprovdi lill-pubbliku bl-aċċess għall-informazzjoni inkluża fid-database billi tiżgura li din tkun disponibbli fuq l-internet fil-limitu ta’ żmien stipulat (fi żmien 16-il xahar mit-tmiem ta’ kull sena tar-rapportar).

Il-parteċipazzjoni pubblika

Ir-regolament huwa strument prinċipali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-konvenzjoni ta’ Aahrus minħabba li jipprovdi lill-pubbliku bl-opportunità li jkun involut fl-iżvilupp tar-reġistru u fil-preparamenti tal-emendi.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-24 ta’ Frar 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, pp. 1–17)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 166/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) 166/2006 dwar l-istabbilimnet tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (E-PRTR) (COM(2013) 111 final, 5.3.2013)

Protokoll dwar ir-Reġistri tar-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Pollutanti (EN)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-NU-EKE dwar ir-Reġistri tar-Rilaxx u t-Trasferiment tal-Pollutanti (ĠU L 32 4.2.2006, pp. 54-55)

l-aħħar aġġornament 01.03.2017

Top