Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2006/118/KE dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament (Direttiva dwar l-ilma ta’ taħt l-art)

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija maħluqa biex tipprevjeni u tiġġieled it-tniġġis tal-ilmijiet ta’ taħt l-art fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Tinkludi proċeduri ta’ kontroll tal-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art. Tinkludi ukoll miżuri biex tnaqqas il-livelli ta’ pollutanti.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva tinkludi:

  • kriterji għall-valutazzjoni tal-istat kimiku tajjeb tal-ilma ta’ taħt l-art;
  • kriterji għall-identifikazzjoni ta’ tendenzi ’l fuq sinifikanti u sostnuti fil-livelli ta’ tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art, għad-definizzjoni tal-punti tal-bidu għat-treġġigħ lura tat-tendenzi;
  • il-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ skarigi indiretti (wara t-tnixxija mill-ħamrija jew mis-saff ta’ taħt il-ħamrija) ta’ pollutanti ġol-ilma ta’ taħt l-art.

L-istat kimiku tal-ilma ta’ taħt l-art

L-ilma ta’ taħt l-art ikun ikkunsidrat li għandu stat kimiku tajjeb meta:

  • il-livelli ta’ nitrat imkejla u mbassra ma jaqbżux il-50 mg/l, filwaqt li dawk tal-ingredjenti attivi fil-pestiċidi, il-metaboliti u l-prodotti ta’ reazzjoni ma jaqbżux il-0.1 µg/l (total ta’ 0.5 µg/l għall-pestiċidi mkejla);
  • il-livelli ta’ ċerti sustanzi b’riskju għoli huma inqas mill-valur tal-limitu stabbilit mill-pajjiżi tal-UE; minn tal-inqas, dan irid jinkludi l-arseniku, il-kadmju, iċ-ċomb, il-merkurju, l-ammonju, il-kloru, is-sulfat, in-nitrati, il-fosforu (totali)/ il-fosfat, it-trikloroetilene u t-tetrakloroetilene, kif ukoll il-konduttività (il-konduttività elettrika tal-ilma tippermetti l-kejl tal-konċentrazzjonijiet ta’ diversi minerali mdewba fih);
  • il-konċentrazzjoni ta’ kwalunkwe pollutant ieħor tikkonforma mad-definizzjoni ta’ stat kimiku tajjeb kif stabbilit fl-Anness V tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;
  • jekk valur stabbilit bħala standard tal-kwalità jew bħala valur ta’ limitu jinqabeż, investigazzjoni tikkonferma, fost affarijiet oħrajn, li dan ma jippreżentax riskju ambjentali sinifikanti.

Il-preżenza ta’ pollutanti fl-ilma ta’ taħt l-art

  • Sat-22 ta’ Diċembru 2008, il-pajjiżi tal-UE kellhom jistabbilixxu valur ta’ limitu għal kull pollutant identifikat fi kwalunkwe massa ta’ ilma ta’ taħt l-art fit-territorju tagħhom li hu kkunsidrat bħala riskju. Bħala minimu, kellhom jistabbilixxu valuri ta’ limitu għal-lista ta’ pollutanti indikati hawn fuq. Għal kull pollutant imniżżel fil-lista, għandha tiġi pprovduta informazzjoni (kif definita fl-Anness 3 ta’ din id-direttiva) dwar il-mases ta’ ilma ta’ taħt l-art li huma f’riskju, kif ukoll dwar kif il-valuri ta’ limitu ġew stabbiliti. Dawn il-valuri ta’ limitu għandhom jiġu inklużi fil-Pjanijiet għall-Immaniġġjar tad-Distrett tal-Baċir tax-Xmara pprovduti fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-pajjiżi tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jidentifikaw kull tendenza ’l fuq sinifikanti u sostunta f’livelli ta’ pollutanti li jinstabu f’mases ta’ ilma ta’ taħt l-art. Sabiex jagħmlu dan, iridu jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ skont l-Anness 5 ta’ din id-direttiva.
  • Filwaqt li jikkunsidraw l-Anness 5 tad-direttiva, il-pajjiżi Ewropej għandhom jiddefinixxu punt tat-tluq biex ireġġgħu lura dawn it-tendenzi ’l fuq. It-treġġigħ lura tat-tendenzi jiffoka fuq il-konċentrazzjonijiet li jippreżentaw riskju għall-ekosistemi akkwatiċi assoċjati, ekosistemi terrestri dipendenti, is-saħħa umana jew użi leġittimi tal-ambjent tal-ilma.

Il-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ skariku ta’ pollutanti

  • Il-programm ta’ miżuri mħejji għal kull distrett tal-baċir tax-xmara taħt id-Direttiva Qafas tal-Ilma għandu jinkludi l-prevenzjoni ta’ skariku indirett tal-pollutanti kollha, b’mod partikolari dawk is-sustanzi perikolużi msemmija fil-Punti 1 sa 6 tal-Anness VIII tad-Direttiva Qafas tal-Ilma, kif ukoll is-sustanzi mniżżla fil-Punti 7 sa 9 tal-Anness, meta meqjusin perikolużi. Barra minn hekk, il-pollutanti li mhumiex imniżżla bħala perikolużi għandhom ikunu limitati wkoll jekk jippreżentaw riskju reali jew potenzjali ta’ tniġġis.
  • Ħlief fil-każijiet fejn leġiżlazzjoni tal-UE oħra tistabbilixxi rekwiżiti aktar stretti, il-miżuri preventivi jistgħu jeskludu, fost affarijiet oħrajn, ir-riżultati ta’ skariki diretti awtorizzati, preżenza ta’ pollutanti fi kwantità tant żgħira li ma jippreżentawx riskju, ir-riżultati ta’ aċċidenti jew ta’ diżastri naturali, jew pollutanti li jirriżultaw minn skariku li, minħabba raġunijiet tekniċi, l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tagħhom hija impossibbli mingħajr ma jirrikorru għal miżuri li jżidu r-riskji għas-saħħa umana jew għall-ambjent jew għal miżuri li jiswew ħafna spropozjonalment.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-16 ta’ Jannar 2007. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha f’liġi nazzjonali sas-16 ta’ Jannar 2009.

SFOND

  • Id-Direttiva Qafas tal-Ilma, adottata f’Ottubru 2000, stqarret li sejrin jiġu adottati miżuri biex jiġi evitat u kkontrollat it-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art. Dawn il-miżuri huma stabbiliti f’din id-Direttiva 2006/118/KE u għalhekk hija magħrufa bħala id-“direttiva derivata” tad-Direttiva Qafas. Barra minn hekk, fl-2013, id-Direttiva Qafas tal-Ilma rrevokat id-Direttiva 80/68/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis minn ċerti sustanzi perikolużi. Din id-direttiva hija mfassla biex tipproteġi l-ilma ta’ taħt l-art u biex timla l-vojt leġiżlattiv wara r-revoka tad-Direttiva 80/68/KEE.
  • Il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art hija prijorità fil-politika tal-ambjent tal-UE għal diversi raġuni:
    • ladarba kkontaminat, l-ilma ta’ taħt l-art huwa aktar diffiċli biex jitnaddaf mill-ilma tal-wiċċ u l-konsegwenzi jistgħu jibqgħu jinħassu għal deċenni sħaħ;
    • minħabba li l-ilma ta’ taħt l-art jintuża ħafna drabi biex minnu jittieħed l-ilma tajjeb għax-xorb, għall-industrija u għall-agrikoltura, it-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem u jhedded lil dawn l-attivitajiet;
    • l-ilma ta’ taħt l-art jipprovdi l-fluss bażi għal ħafna xmajjar (jista’ jipprovdi sa 90% tal-fluss f’xi mogħdijiet tal-ilma). Għalhekk, jista’ jaffettwa l-kwalità tas-sistemi tal-ilma tal-wiċċ;
    • jaġixxi wkoll bħala “buffer” matul perjodi ta’ nixfa, u huwa essenzali għall-manteniment tal-artijiet mistgħadra.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 18).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 90/428/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.)

Ara l-verżjoni konsolidata

l-aħħar aġġornament 01.03.2017

Top