Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

SOMMARJU

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tadatta bis-sħiħ il-liġijiet nazzjonali għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-1998 dwar l-aċċess għall-informazzjoni.

  • Hija tiggarantixxi l-aċċess pubbliku għal tagħrif ambjentali* miżmum mill-awtoritajiet pubbliċi* jew għalihom, kemm fuq talba kif ukoll permezz ta’ tixrid attiv.
  • Din tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet bażiċi u l-arranġamenti prattiċi li taħthom jista’ jiġi eżerċitat l-aċċess fuq talba.

PUNTI EWLENIN

L-aċċess fuq talba

  • L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħmlu disponibbli kwalunkwe tagħrif ambjentali fil-pussess tagħhom lil applikant mingħajr ma l-persuna jkollha għalfejn tagħti raġuni.
  • It-tagħrif għandu jingħata mill-inqas xahar wara l-irċevuta tat-talba. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal xahrejn għal talbiet voluminużi u kumplessi.
  • L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħmlu kull sforz raġonevoli biex jiżguraw li t-tagħrif li għandhom jista’ jiġi riprodott fil-pront u aċċessat elettronikament.
  • It-tagħrif għandu jiġi pprovdut fil-format li jispeċifika l-applikant sakemm ma jkunx diġà disponibbli għall-pubbliku f’format ieħor.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-ħaddiema ċivili jgħinu lill-pubbliku li jfittex li jaċċessa tagħrif u jżommu lista ta’ awtoritajiet pubbliċi aċċessibbli.
  • L-arranġamenti prattiċi biex jiġu indirizzati t-talbiet jinkludu:
    • il-ħatra ta’ uffiċjali tat-tagħrif,
    • faċilitajiet għall-eżami tat-tagħrif, u
    • reġistri jew listi tat-tagħrif miżmum u dettalji tal-punti tat-tagħrif.
  • It-talbiet jistgħu jiġu miċħuda jekk huma:
    • manifestament mhux raġonevoli,
    • ġenerali wisq,
    • relatati ma’ materjal mhux lest, jew
    • jikkonċernaw komunikazzjonijiet interni.
  • Jistgħu jiġu rrifjutati wkoll, parzjalment jew fl-intier tagħhom, jekk l-iżvelar jista’ jkun ta’ preġudizzju għal waħda mir-raġunijiet eżawrjenti previsti, pereżempju:
    • relazzjonijiet internazzjonali,
    • il-kors tal-ġustizzja,
    • drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jew
    • kunfidenzjalità kummerċjali jew industrijali.
  • L-aċċess għal reġistri pubbliċi jew listi għandu jkun mingħajr ħlas. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jitolbu ħlas għat-tagħrif ambjentali li jagħmlu disponibbli, iżda l-ammont għandu jkun raġonevoli.
  • L-applikanti li jqisu t-talba tagħhom ġiet injorata jew irrifjutata b’mod ħażin jista’ jkollhom aċċess għal rimedji, inkluża qorti tal-liġi jew korp indipendenti ieħor.

Tixrid attiv

  • It-tagħrif ambjentali aċċessibbli elettronikament irid ikun fih mill-inqas:
    • testi ta’ trattati internazzjonali, konvenzjonijiet jew ftehimiet, politiki, pjanijiet u programmi,
    • rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn t’hawn fuq,
    • rapporti dwar l-istat tal-ambjent,
    • data ta’ monitoraġġ ta’ attivitajiet li jistgħu jaffettwaw l-ambjent,
    • awtorizzazzjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent,
    • studji tal-impatt u valutazzjonijiet tar-riskju.
  • Għal affarijiet oħra għajr dawk imsemmija hawn fuq, it-tixrid attiv jista’ jsir b’mod progressiv filwaqt li jitqiesu r-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi meħtieġa.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li kwalunkwe tagħrif ikkumpilat minnhom jew f’isimhom huwa aġġornat, preċiż u komparabbli.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-14 ta’ Frar 2005.

TERMINI EWLENIN

* Tagħrif ambjentali: kwalunkwe tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinstema’, f'format elettroniku jew kwalunkwe format ieħor ta’ tagħrif dwar kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/4/KE.

* Awtorità pubblika: b’mod partikolari amministrazzjoni governattiva jew amministrazzjoni pubblika oħra nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi korpi konsultattivi pubbliċi u individwi koperti mil-leġiżlazzjoni. Il-gvernijiet tal-UE jistgħu jiddeċiedu li din id-definizzjoni ma tinkludix korpi meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva.

SFOND

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

ATT

Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26-32)

ATTI RELATATI

Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43-48)

Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13-19)

l-aħħar aġġornament 03.02.2016

Top