Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki fuq il-protezzjoni tal-Baħar Baltiku

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki fuq il-protezzjoni tal-Baħar Baltiku

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 94/156/KE dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki 1974)

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, 1974 (il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki)

Deċiżjoni 94/157/KE dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992)

Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, 1992 (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992)

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-KONVENZJONI?

  • Id-deċiżjonijiet ippermettew lill-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea - UE) li taċċedi għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki)
  • Il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Marzu 1974 mill-Istati kollha li jikkonfinaw mal-Baħar Baltiku (id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Russja), għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis taż-żona tal-Baħar Baltiku kkawżat minn skarigi fi xmajjar, estwarji, drenaġġi u sistemi ta’ pajpijiet, rimi u operazzjonijiet ta’ tbaħħir kif ukoll permezz ta’ pollutanti li jinġarru fl-arja.

PUNTI EWLENIN

  • Il-Konvenzjoni stabbilixxiet Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku (HELCOM) sabiex
    • timmonitorja l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni,
    • tagħmel rakkomandazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent marin,
    • tiddeċiedi fuq il-baġit u
    • tassumi funzjonijiet oħrajn tali skont kif jista’ jkun xieraq skont it-termini tal-konvenzjoni.
  • Barra minn hekk, il-laqgħat fuq livell ministerjali jsiru kull ftit snin.
  • Il-Kummissjoni ta’ Ħelsinki tiltaqa’ kull sena, mal-Kapijiet tad-Delegazzjoni li jirrappreżentaw lill-partijiet kontraenti.
  • Fl-2007, il-Kummissjoni ta’ Ħelsinki adottat Pjan ta’ Azzjoni tal-Baħar Baltiku (BSAP), li huwa programm biex jirrestawra l-istatus ambjentali tajjeb tal-ambjent marin Baltiku sal-2021. Il-BSAP ġie aġġornat fl-2013, matul il-Laqgħa Ministerjali ta’ HELCOM 2013.
  • Il-BSAP huwa l-bażi għall-ħidma ta’ HELCOM u jiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:
    • l-ewtrofikazzjoni (fejn hemm eċċess ta’ nutrijenti fl-ilma, ħaġa li tgħin lill-alka tikber malajr),
    • sustanzi perikolużi,
    • il-biodiversità u l-konservazzjoni tan-natura, u
    • attivitajiet marittimi.
  • Kull prijorità hija akkompanjata minn numru ta’ azzjonijiet u miżuri.
  • Waħda mill-għodod ewlenin żviluppati minn HELCOM hija l-Iskema dwar it-Tnaqqis tan-Nutrijenti. Huwa approċċ reġjonali għall-kondiviżjoni tal-piż tat-tnaqqis tan-nutrijenti* biex tintlaħaq il-mira tal-Baħar Baltiku mhux affettwat mill-ewtrofikazzjoni li sar qbil fuqha mill-pajjiżi tal-Baħar Baltiku. L-Iskema ġiet introdotta u sar qbil fuqha għall-ewwel darba fl-2007, fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Baħar Baltiku ta’ HELCOM. Dak iż-żmien, il-pajjiżi qablu fuq miri ta’ tnaqqis ta’ nutrijenti provviżorji. HELCOM adottat l-iskema tat-tnaqqis tan-nutrijenti riveduta fl-2013.
  • HELCOM ilha ssegwi wkoll azzjonijiet oħrajn fil-kuntest tal-BSAP:
    • il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-agrikoltura,
    • l-iżgurar tas-sostenibilità ekoloġika tas-sajd Baltiku sal-2021,
    • l-indirizzar ta’ sorsi ta’ tniġġis ibbażati fuq l-art (ilma mormi, farmaċewtiċi, rilaxxi industrijali, skart marin, eċċ.),
    • l-iżgurar ta’ proċessi tal-Ippjanar Spazjali tal-Baħar koerenti reġjonalment fil-Baħar Baltiku,
    • il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ambjent marin,
    • il-kooperazzjoni dwar l-istat ta’ tħejjija u r-rispons f’każ ta’ tniġġis,
    • il-protezzjoni tal-bijodiversità Baltika (listi ħomor ta’ speċijiet u ħabitats, żoni marini protetti, indikaturi tal-iżvilupp), u
    • kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni reġjonali tar-regolament tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar it-tbaħħir.
  • Fl-2016, HELCOM ikkontribwixxiet għad-disinjazzjoni tal-Baħar Baltiku, taħt l-IMO, bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidu tan-Nitroġenu (NOx ECA).
  • Finalment, HELCOM tintuża wkoll bħala l-istruttura għall-kooperazzjoni reġjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE li stabbilixxiet approċċ għal azzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika ambjentali marina għall-pajjiżi tal-baħar Baltiku.

META JAPPLIKAW ID-DEĊIŻJONIJIET U L-KONVENZJONI?

  • Id-deċiżjonijiet ġew applikati mill-21 ta’ Frar 1994.
  • Il-konvenzjoni oriġinali daħlet fis-seħħ fl-1980 u ġiet emendata fl-1992. L-emendi tal-1992 daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2000, wara li l-istrumenti ta’ ratifika ġew depożitati mill-partijiet kontraenti kollha.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Tnaqqis ta’ nutrijenti: fil-każ tal-Baħar Baltiku, il-livelli tal-komposti tan-nitroġenu u tal-fosfru li jinġarru fl-arja u fl-ilma li jirriżultaw minn kombinazzjoni ta’ densità ta’ popolazzjoni kbira, agrikoltura, enerġija u trasport.

DOKUMENTI EWLENIN

Deċiżjoni tal-Kunsill 94/156/KE tal-21 ta’ Frar 1994 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki 1974) (ĠU L 73, 16.3.1994, p. 1)

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, 1974 (Konvenzjoni ta’ Ħelsinki) (ĠU L 73, 16.3.1994, pp. 2-18)

Deċiżjoni tal-Kunsill 94/157/KE tal-21 ta’ Frar 1994 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku (Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki kif riveduta fl-1992) (ĠU L 73, 16.3.1994, p. 19)

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku, 1992 (ĠU L 73, 16.3.1994, pp. 20-45)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, pp. 19-40)

Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 135-145)

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Lejn Politika Marittima ta’ l-Unjoni (COM(2006) 275 final, 7.6.2006)

l-aħħar aġġornament 23.02.2017

Top