Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-ilma tax-xorb — standards essenzali tal-kwalità

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-ilma tax-xorb — standards essenzali tal-kwalità

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 98/83/KE — kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi standards għall-ilma tax-xorb.
  • Għandha l-għan li tħares is-saħħa tal-bniedem mill-effetti ħżiena ta' kwalunkwe tniġġis billi tiżgura li l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem* ikun tajjeb u nadif.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ilma ma jkunx fih konċentrazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi, parassiti jew sustanzi ta’ ħsara li jistgħu jkunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem, u jilħaq l-istandard mikrobijoloġiċi u kimiċi minimi;
    • jiżguraw li l-istandards jintlaħqu meta l-ilma joħroġ mill-vit jew minn tanker;
    • jikkontrollaw l-ilma regolarment f’punti miftiehma li minnhom jittieħdu l-kampjuni sabiex jiċċekkjaw li l-valuri mikrobijoloġiċi, kimiki u indikattivi jintlaħqu;
    • jinvestigaw immedjatament meta l-istandards ma jintlaħqux u jieħdu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa;
    • jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-provvista tal-ilma jekk ikun ikkunsidrat bħala theddida potenzjali għas-saħħa pubblika;
    • jinformaw lill-pubbliku meta tittieħed azzjoni korrettiva;
    • jippubblikaw rapport kull tliet snin dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb. Din l-informazzjoni għall-pubbliku hija mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.
  • Il-Kummissjoni:
    • tippubblika kull tliet snin rapport li jiddeskrivi fil-qosor id-data nazzjonali fuq il-kwalità tal-ilma tax-xorb;
    • tirrevedi kull ħames snin il-parametri mikrobijoloġiċi, kimiki u indikattivi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kontroll, filwaqt li tikkunsidra l-progress xjentifiku u teknoloġiku. Hija tista’ tipproponi li dawn jiġu aġġustati.
  • Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għalilmijiet minerali naturali jew ilmijiet li huma kkunsidrati prodotti mediċinali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeżentaw mil-leġiżlazzjoni tagħhom provvista tal-ilma privata, mhux kummerċjali, li sservi inqas minn 50 persuna.
  • Fl-2015, il-Kummissjoni adottat Direttiva (UE) 2015/1787 li tintroduċi regoli ġodda tal-UE biex ittejjeb il-monitoraġġ tal-ilma tax-xorb. Id-direttiva tagħti lill-pajjiżi tal-UE aktar flessibilità dwar kif l-ilma tax-xorb huwa kkontrollat madwar l-UE u hija tweġiba għas-sejħa taċ-ċittadini tal-UE għal liġijiet biex jiżguraw provvista tal-ilma aħjar, ġusta u komprensiva (ara s-sezzjoni ta' sfond hawn taħt).

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Diċembru 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-25 ta’ Diċembru 2000.

SFOND

Fil-bidu tal-2014, l-ewwel Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), wara l-kampanja Right2Water, talbet għal leġiżlazzjoni tal-UE biex tiggarantixxi d-dritt għall-ilma u sanitazzjoni.

L-ECI ġiet introdotta mill-Artikolu 11(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. Hija tippermetti lill-pubbliku jitlob lill-Kummissjoni taġixxi f’oqsma li hija responsabbli għalihom, sakemm il-petizzjoni jkollha mill-inqas miljun firma f’mill-inqas seba' pajjiżi tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINU EWLIENI

* Ilma għall-konsum mill-bniedem: ilma fl-istat oriġinali tiegħu jew wara li jkun sarlu trattament, maħsub għax-xorb, it-tisjir, it-tħejjija tal-ikel u skopijiet oħra domestiċi. Huwa jista' jiġi fornut minn vit, tanker, flixkun jew kontenitur.

ATT

Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32-54)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/83/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 06.06.2016

Top