Help Print this page 
Title and reference
Protokoll ta' Kjoto dwar it-tibdil fil-klima

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Protokoll ta' Kjoto dwar it-tibdil fil-klima

Il-protokoll ta' Kjoto, li huwa s-suċċessur tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima, huwa wieħed mill-aktar strumenti legali internazzjonali importanti għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Fih jinsabu l-impenji mogħtija mill-pajjiżi industrijalizzati biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' ċerti gassijiet b'effett serra responsabbli għat-tisħin globali. L-emissjonijiet totali tal-pajjiżi żviluppati għandhom jitnaqqsu b'ta' mill-inqas 5 % matul il-perjodu 2008-2012 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu.

SINTEŻI

Fl-4 ta' Frar 1991, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tipparteċipa f'isem il-Komunità Ewropea, fin-negozjati dwar il-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima, li ġiet adottata fi New York fid-9 ta' Mejju 1992. Il-Konvenzjoni Kafas ġiet irratifikata mill-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni 94/69/KE tal-15 ta' Diċembru 1993. Din daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Marzu 1994.

Il-Konvenzjoni Kwadru kkontribwiet sew għall-istabbiliment tal-prinċipji ewlenin tal-ġlieda internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima. Hija tiddefinixxi b'mod partikolari l-prinċipju ta' “responsabbiltajiet komuni iżda differenti”. Hija kkontribwiet ukol għat-tisħiħ tal-ħolqien ta' kuxjenza fost il-pubbliku fuq livell dinji dwar il-problemi relatati mat-tibdil fil-klima. Madankollu, il-konvenzjoni ma tinkludix impenji dettaljati fil-forma ta' ċifri għal kull pajjiż, f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

L-Istati li huma partijiet għall-konvenzjoni b'hekk iddeċidew, matul l-ewwel konferenza tal-Partijiet, li saret f'Berlin f'Marzu 1995, li jinnegozjaw protokoll li jinkludi miżuri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet għall-perjodu wara s-sena 2000 għall-pajjiżi industrijalizzati. Wara ħidma fit-tul, il-protokoll ta' Kjoto ġie adottat fil-11 ta' Diċembru 1997 fi Kjoto.

Il-Komunità Ewropea ffirmat il-protokoll fid-29 ta' April 1998. F'Diċembru 2001, il-Kunsill Ewropew ta' Laeken ikkonferma r-rieda tal-Unjoni li l-protokoll ta' Kjoto jidħol fis-seħħ qabel is-summit dinji dwar l-iżvilupp sostenibbli ta' Johannesburg (26 ta' Awwissu - 4 ta' Settembru 2002). Biex tilħaq dan l-objettiv, din id-deċiżjoni tapprova l-protokoll f'isem il-Komunità. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jippreżentaw l-istrumenti ta' ratifika tagħhom fl-istess ħin mal-Komunità u, jekk possibbli, qabel l-1 ta' Ġunju 2002.

L-anness ta' din id-deċiżjoni jindika l-impenji fir-rigward tal-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet miftiehma mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha għall-ewwel perjodu ta' impenn (2008-2012).

Il-kontenut tal-protokoll

Il-protokoll ta' Kjoto huwa relatat mal-emissjonijiet ta' sitt gassijiet b'effett ta' serra:

  • id-dijossidu tal-karbonju (CO2);
  • il-metanju (CH4);
  • l-ossid nitruż (N2O);
  • l-idroflorokarbonji (HFCs);
  • il-perflorokarbonji (PFCs);
  • l-essaflorid tal-kubrit (SF6).

Dan jirrappreżenta pass importanti 'il quddiem fil-ġlieda kontra t-tisħin globali peress li jinkludi objettivi vinkolanti u kkwantifikati ta' limitazzjoni u ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra.

Globalment, l-Istati li huma partijiet għall-anness I tal-konvenzjoni kwadru (jiġifieri l-pajjiżi industrijalizzati) jimpenjaw ruħhom kollettivament li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra, permezz ta' tnaqqis tal-emissjonijiet totali tal-pajjiżi żviluppati b'mill-inqas 5 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990, matul il-perjodu 2008-2012. L-Anness B tal-protokoll jinkludi l-impenji b'ċifri li għalihom impenjaw ruħhom l-Istati Partijiet.

L-Istati li kienu membri tal-UE qabel l-2004 għandhom inaqqsu kollettivament l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra bi 8 % bejn l-2008 u l-2012. L-Istati Membri li daħlu fl-UE wara dik id-data jintrabtu li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bi 8 %, ħlief għall-Polonja u l-Ungerija (6 %), kif ukoll Malta u Ċipru li mhumiex elenkati fl-Anness I tal-konvenzjoni kwadru.

Għall-perjodu qabel l-2008, l-Istati partijiet jimpenjaw ruħhom li jiksbu progress fit-twettiq tal-impenji tagħhom sa mhux aktar tard mill-2005, u jistgħu jipprovdu provi ta' dan.

Is-sena 1995 tista' titqies bħala sena ta' referenza għall-Istati Partijiet li jixtiequ jagħmlu dan, għall-emissjonijiet ta' HFC, PFC u SF6.

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-protokoll jipproponi serje ta' mezzi:

  • it-tisħiħ jew l-istabbiliment ta' politiki nazzjonali ta' tnaqqis tal-emissjonijiet (żieda tal-effikaċja tal-enerġija, promozzjoni ta' forom ta' agrikoltura sostenibbli, żvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, eċċ.);
  • kooperazzjoni mal-partijiet kontraenti l-oħrajn (skambju ta' esperjenzi jew informazzjoni, koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali permezz ta' permessi ta' emissjoni, implimentazzjoni konġunta u mekkaniżmu ta' żvilupp proprju).

L-Istati partijiet jistabbilixxu sistema nazzjonali ta' stima tal-emissjonijiet li joriġinaw mill-bniedem u tal-assorbiment mill-bjar tal-gassijiet kollha b'effett ta' serra (mhux irregolati mill-protokoll ta' Montreal), sa mhux aktar tard minn sena qabel l-ewwel perjodu tal-impenn.

Eżami tal-impenji huwa previst sa mhux aktar tard mill-2005, għat-tieni perjodu tal-impenji.

Fil-31 ta' Mejju 2002, l-Unjoni Ewropea rratifikat il-protokoll ta' Kjoto. Dan daħal fis-seħħ fis-16 ta' Frar 2005, wara li ġie rratifikat mir-Russja. Bosta pajjiżi industrijalizzati rrifjutaw li jirratifikaw il-protokoll, fosthom l-Istati Uniti u l-Awstralja.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2002/358/KE

2.5.2002

-

ĠU L 130, 15.5.2002

ATTI RELATATI

Deċiżjoni 2006/944/KE tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2006 li tiddetermina l-livelli rispettivi ta’ emissjonijiet allokati lill-Komunità u lil kull wieħed mill-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kjoto skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE [Ġurnal Uffiċjali L 358 tas-16.12.2006].Emendata mid-:Deċiżjoni 2010/778/UE tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2010 [Ġurnal Uffiċjali L 332 tas-16.12.2010].

L-aħħar aġġornament: 04.04.2011

Top