Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki: il-prevenzjoni tat-tniġġis fil-kanali tal-ilma u l-għadajjar internazzjonali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki: il-prevenzjoni tat-tniġġis fil-kanali tal-ilma u l-għadajjar internazzjonali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni 95/308/KE — il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-UE tingħaqad mal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri* u l-għadajjar internazzjonali. Din hija magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Ħelsinki, peress li ġiet iffirmata hemmhekk fl-1992.

PUNTI EWLENIN

  • Il-konvenzjoni tipprovdi qafas legali li fih 2 partijiet jew iktar jistgħu jikkooperaw sabiex:
    • jipprevjenu u jikkontrollaw it-tniġġis tal-ilma bejn il-fruntieri nazzjonali;
    • jiżguraw l-użu raġonevoli u imparzjali tal-ilmijiet transkonfinali.
  • Il-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa tal-ilma transkonfinali sabiex:
    • jipprevjenu, jikkontrollaw u jnaqqsu t-tniġġis attwali jew potenzjali;
    • jiżguraw ġestjoni tal-ilma affidabbli b’mod ekoloġiku, il-konservazzjoni tar-riżorsi u l-protezzjoni ambjentali, inkluż ir-restawr tal-ekosistemi, fejn meħtieġ;
    • jiżguraw l-użu raġonevoli u imparzjali tar-riżorsi.
  • Il-partijiet għandhom:
    • japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiġifieri mhux ma jaġixxux minħabba li x-xjenza għadha ma wrietx kompletament li hemm rabta kawżali bejn sustanzi partikolari u t-tniġġis;
    • japplikaw il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jiġifieri l-parti responsabbli għall-ikkawżar tat-tniġġis tħallas l-ispejjeż ta’ prevenzjoni, kontroll u tnaqqis;
    • jimmaniġġjaw ir-riżorsi tal-ilma sabiex il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri ma jiġux milquta;
    • jistabbilixxu programmi għall-monitoraġġ tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri;
    • jikkooperaw ma’ xulxin, speċjalment rigward l-iskambju ta’ informazzjoni u r-riċerka biex jiġu żviluppati tekniki effettivi għall-prevenzjoni, il-kontroll u t-tnaqqis ta’ tniġġis transkonfinali;
    • jappoġġaw sforzi internazzjonali biex jiġu mfassla regoli, kriterji u proċeduri għad-determinazzjoni ta’ responsabbiltà għal kwalunkwe tniġġis.
  • Il-miżuri għandhom:
    • jittieħdu fis-sors, fejn ikun possibbli;
    • ma jittrasferixxux direttament jew indirettament it-tniġġis f’partijiet oħra tal-ambjent.
  • Ftehimiet bejn 2 partijiet jew iktar jistgħu jkopru kwistjonijiet bħal:
    • kompilazzjoni ta’ dejta u inventarji;
    • ħolqien ta’ programmi konġunti ta’ monitoraġġ;
    • adozzjoni ta’ limiti ta’ emissjoni għall-ilma mormi u għanijiet konġunti tal-kwalità tal-ilma;
    • introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ twissija u allarm;
    • użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali.
  • Il-partijiet fi ftehim għandhom:
    • jipprovdu lil xulxin kwalunkwe għajnuna meta din tintalab;
    • jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-istat tal-ilma transkonfinali u kwalunkwe miżuri meħuda jkunu disponibbli għall-pubbliku.
  • Fl-2003, il-konvenzjoni ġiet emendata sabiex tippermetti lill-pajjiżi mhux Ewropej jissieħbu. L-emenda daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Frar 2013.

META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mill-24 ta' Lulju 1995.

SFOND

Ħafna mill-problemi ambjentali jaqsmu l-fruntieri nazzjonali u jista’ jkollhom natura globali wkoll. Dan huwa għaliex it-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) tagħti l-kompitu lill-UE tal-promozzjoni ta’ miżuri internazzjonali sabiex jiġu indirizzati problemi ambjentali reġjonali jew dinjin.

L-UE hija kompetenti biex tinnegozja u tiffirma ftehimiet ambjentali internazzjonali. Hija għamlet dan f’ħafna oqsma, kemm jekk taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll fil-livell reġjonali jew sub-reġjonali. Hija rratifikat 6 konvenzjonijiet li jittrattaw l-ilma.

Għal iktar informazzjoni, ara:

* TERMINU EWLIENI

Kanali tal-ilma li jaqsmu l-fruntieri: ilma tal-wiċċ jew tal-blat li jimmarka, jaqsam jew huwa allokat fuq il-fruntieri bejn 2 pajjiżi jew iktar.

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 95/308/KE tal-24 ta' Lulju 1995 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u l-għadajjar internazzjonali (ĠU L 186, 5.8.1995, p. 42-58)

Konvenzjoni dwar il-protezzjoni u l-użu tal-kanali ta’ l-ilma li jaqsmu l-fruntieri u tal-għadajjar internazzjonali — Dikjarazzjoni mill-Komunità skond l-Artikolu 25(4) tal-Konvenzjoni (ĠU L 186, 5.8.1995, p. 44-58)

l-aħħar aġġornament 12.07.2016

Top