EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Protezzjoni fiżika tal-materjal nukleari u l-faċilitajiet nukleari

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari

Id-Deċiżjoni 2008/99/KE, Euratom dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari.

Id-Deċiżjoni 2007/513/Euratom li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari.

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Konvenzjoni tfittex li:
    • tiżgura l-materjal u l-faċilitajiet nukleari,
    • tikkriminalizza ċerti reati f’dan il-qasam;
    • tistabbilixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati firmatarji.
  • Id-Deċiżjoni 2007/513/Euratom tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari.
  • Id-Deċiżjoni 2008/99/KE, Euratom tikkonferma l-adeżjoni.

PUNTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni fiżika effettiva matul l-użu, il-ħażna jew it-trasport tal-materjal nukleari użati għal finijiet paċifiċi, kif ukoll għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità assoċjata ma’ dan il-materjal u dawn il-faċilitajiet.

Hija bbażata fuq il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari (CPPNM), li minnha l-pajjiżi kollha tal-UE huma parti.

Kull parti għall-konvenzjoni għandha tistabbilixxi u timplimenta miżuri li jiggarantixxu din il-protezzjoni effettiva għall-prevenzjoni, b’mod partikolari, tas-serq jew tal-għajbien tal-materjal nukleari li għalih hija responsabbli, kif ukoll ta’ sabutaġġ tal-faċilitajiet nukleari fit-territorju tagħha. F’kuntest simili, it-Trattat tal-Euratom (ara s-sommarju) jipprovdi għal sistema ta’ salvagwardji biex jevita li materjali nukleari jiġu devjati mill-użi intenzjonati tagħhom.

Fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, dawk li huma parti minnha għandhom jirrispettaw ċertu numru ta’ prinċipji bażiċi, b’mod partikolari l-prinċipji tar-responsabbiltà tal-Istat u tad-detenturi tal-liċenzji, ta’ kultura ta’ sigurtà, assigurazzjoni tal-kwalità u kunfidenzjalità.

Il-partijiet għandhom:

  • jiżguraw li l-materjal nukleari li jimportaw, jesportaw jew jaċċettaw fi tranżitu fit-territorju tagħhom ikun protett b’konformità mal-livell tas-sikurezza applikabbli;
  • jinnominaw awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, kif ukoll punt ta’ kuntatt, u jagħtu din l-informazzjoni lill-pajjiżi firmatarji l-oħrajn direttament jew permezz tad-depożitarju (l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika.)
  • jikooperaw fil-każ ta’ serq, sabotaġġ jew riskju ta’ ta’ serq jew sabotaġġ — din il-kooperazzjoni b’mod partikolari tieħu l-forma ta’ qsim tal-informazzjoni filwaqt li tirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni vis-à-vis partijiet terzi;
  • japplikaw penali xierqa għal ċertu ksur, skont is-severità tagħhom. B’mod partikolari, dawn li ġejjin huma punibbli:
    • li taġixxi mingħajr awtorizzazzjoni b’mod li tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew ħsara serja
    • li tisraq materjal nukleari
    • li tagħmel sabotaġġ ta’ installazzjoni nukleari
    • li thedded li tuża materjal nukleari biex tikkawża mewt jew ħsara serja lil parti terza jew tikkawża dannu sinjifikati fuq il-proprjetà.

Kull attentat biex tikkommetti waħda minn dawn l-azzjonijiet u kull involviment f’tali azzjonijiet u organizzazzjoni tiegħu huwa punibbli.

Il-partijiet kollha għandhom ġurisdizzjoni għall-ksur kommess fit-territorju tagħhom jew abbord bastiment jew inġenju tal-ajru rreġistrat fl-imsemmi stat u meta l-persuna preżunta li kkommettiet il-ksur tkun nattiva tal-imsemmi stat. Dan il-ksur jikkostitwixxi raġunijiet għall-estradizzjoni bejn il-partijiet kontraenti, li għandhom jipprovdu lil xulxin bl-aktar assistenza ġudizzjarja estensiva f’każ ta’ tali ksur. Il-motivi politiċi għall-ksur mhumiex raġuni għaċ-ċaħda ta’ estradizzjoni jew ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni oriġinali daħlet fis-seħħ fit-8 ta 'Frar 1987. Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/513, l-UE approvat l-adeżjoni tal-Euratom għall-konvenzjoni emendate tal-10 ta’ Lulju 2007.

L-emenda għas-CPPNM daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Mejju 2016.

SFOND

Is-CPPNM ġiet adottata fl-1979 u daħlet fis-seħħ fl-1987. Hija kienet emendata fl-2005 waqt konferenza li saret bil-għan li jissaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha.

Għal aktar tagħrif ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari (ĠU L 34, 8.2.2008, pp. 5-18)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/99/KE, Euratom tad-19 ta’ Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Faċilitajiet Nukleari (ĠU L 34, 8.2.2008, pp. 3-4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/513/Euratom tal-10 ta’ Lulju 2007 li tapprova l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għall-Konvenzjoni emendata dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u tal-Faċilitajiet Nukleari (ĠU L 190, 21.7.2007, pp. 12-14)

l-aħħar aġġornament 11.12.2020

Top