Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-impriża konġunta tal-UE għall-fużjoni għall-enerġija (F4E)

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-impriża konġunta tal-UE għall-fużjoni għall-enerġija (F4E)

Ġie stabbilit esperiment internazzjonali fuq skala kbira, magħruf bħala ITER, biex jagħti prova tal-vijabilità tal-fużjoni nukleari bħala sors ta’ enerġija. L-Unjoni Ewropea (UE) ħolqot Impriża Konġunta għall-ITER u l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni sabiex tiġġestixxi l-kontribuzzjoni tal-UE għall-ITER.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni u li tagħtiha vantaġġi

SOMMARJU

Ġie stabbilit esperiment internazzjonali fuq skala kbira, magħruf bħala ITER, biex jagħti prova tal-vijabilità tal-fużjoni nukleari bħala sors ta’ enerġija. L-Unjoni Ewropea (UE) ħolqot Impriża Konġunta għall-ITER u l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni sabiex tiġġestixxi l-kontribuzzjoni tal-UE għall-ITER.

X’TAGĦMEL ID-DEĊIŻJONI?

Tistabbilixxi impriża konġunta għall-ITER u l-iIżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni (F4E) għal perjodu ta’ 35 sena li jibda mid-19 ta’ April 2007. Is-sede tal-F4E hija f’Barċellona, Spanja.

Il-membri tal-F4E huma l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, it-28 pajjiż tal-UE, u l-Isvizzera, li kkonkludiet ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata.

Għanijiet

Dawn huma:

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-organizzazzjoni internazzjonali għall-enerġija mill-fużjoni ITER u lill-attivitajiet ta’ “Approċċ Usa'” mal-Ġappun għar-realizzazzjoni rapida tal-enerġija mill-fużjoni kif ukoll li tħejji u li tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur tal-fużjoni ta' turija u ta’ faċilitajiet relatati inkluż il-faċilità internazzjonali ta’ irradjazzjoni ta’ materjali ta’ fużjoni.

Minbarra l-attivitajiet l-oħrajn tagħha, il-kompiti ewlenin tal-impriża konġunta huma:

li tissorvelja t-tħejjija tas-sit għall-proġett ITER;

li tipprovdi l-materjal, ir-riżorsi finanzjarji u umani lill-Organizzazzjoni ITER;

li tikkoordina attivitajiet ta’ riċerka xjentifika u teknoloġika u ta’ żvilupp fil-qasam tal-fużjoni; u

li taġixxi bħala interfaċċa mal-organizzazzjoni ITER.

Baġit

Il-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-F4E għall-perjodu bejn l-2014-2020 huwa stabbilit għal €2,915-il miljun.

Ir-riżorsi finanzjarji indikattivi tal-F4E għall-perjodu bejn l-2007-2041 huma stmati li jlaħħqu d- €9,653 miljun, b’kontribuzzjoni ta’ €7,649 miljun mill-Euratom (soġġett għal massimu ta’ 15 % għal spejjeż amministrattivi).

Struttura

L-F4E għandha personalità ġuridika.

L-F4E għandha dawn li ġejjin:

Bord ta’ tmexxija, magħmul minn rappreżentanti tal-membri tal-F4E. Dan huwa megħjun minn:

il-bureau,

Il-bord huwa responsabbli għas-superviżjoni tal-F4E fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

Direttur, li huwa responsabbli biex jirrappreżenta lill-F4E u għall-operat ta’ kuljum tal-Organizzazzjoni, inkluż l-iffirmar ta’ kuntratti.

Responsabbiltà u ġurisdizzjoni

Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-F4E hija rregolata mill-kuntratt inkwistjoni u l-liġi applikabbli għalih.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għandha ġuriżdizzjoni f’azzjonijiet u f’appelli kontra l-F4E.

SFOND

L-enerġija mill-fużjoni, flimkien ma’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u enerġija mill-fissjoni, hija waħda mit-tliet alternattivi għall-fjuwils fossili. Hija l-aktar waħda mifruxa fl-univers - hija s-sors ta’ enerġija radjata mix-xemx u minn stilel oħrajn - iżda l-anqas waħda żviluppata fid-dinja minn dawn it-tliet sorsi ta’ enerġija li mhumiex ġejjin mill-fossili.

Għal bosta snin, il-proġett torus konġunt Ewropew (JET), stabbilit fl-1978, ikkontribwixxa għal riċerka avvanzata fil-qasam tal-enerġija mill-fużjoni. Mill-1988, l-iżvilupp tal-proġett ITER kien jirrappreżenta stadju ġdid fil-qasam tal-fużjoni. Dan wassal, fl-2001, f’disinn dettaljat għal faċilità ta’ riċerka li l-għan tagħha kien li tintwera l-fattibbiltà tal-fużjoni bħala sors ta’ enerġija li minnha, l-UE tista' tikseb benefiċċji sinifikanti, b’mod partikolari fil-kuntest biex tiġi żgurata s-sigurtà u d-diversità tal-provvista fit-tul tal-enerġija tagħha.

F’Novembru 2003, l-UE pproponiet lil Franza bħala l-istat ospitu tal-ITER u lil Cadarache bħala s-sit tal-ITER.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit web tal-F4E.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2007/198/Euratom

19.4.2007

-

ĠU L 90, 30.3.2007, pp. 58-72

Atti li jemendaw

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni 2013/791/Euratom

24.12.2013

-

ĠU L 349, 21.12.2013, pp. 100-102

Id-Deċiżjoni (Euratom) 2015/224

5.3.2015

-

ĠU L 37, 13.2.2015, pp. 8-14

L-aħħar aġġornament: 25.07.2015

Top