EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Salvagwardar ta’ materjali nukleari

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (Euratom) Nru 302/2005 dwar l-applikazzjoni ta’ salvagwardji tal-Euratom

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jirrevedi u jistabbilixxi regoli riveduti li jissalvagwardjaw il-materjali nukleari, speċjalment fid-dawl tat-tkabbir tal-UE u l-iżviluppi fit-teknoloġija nukleari u tal-informazzjoni. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-materjali nukleari ma jiġux devjati għal skopijiet oħra minbarra dawk li għalihom kienu ddikjarati oriġinarjament.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għal kwalunkwe persuna jew negozju li jwaqqaf jew jopera installazzjoni għall-produzzjoni, is-separazzjoni, ir-riproċessar, il-ħażna jew użu ieħor ta’ materja prima jew materjal fissili speċjali. Dan ma japplikax għal kwistjonijiet li jirriżultaw minn prodotti finali użati għal skopijiet mhux nukleari.

Dan ir-regolament iħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 3227/76, ir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 220/90 u r-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 2130/93.

Dikjarazzjoni tal-karatteristiċi tekniċi

Bi tweġiba għall-Protokoll Addizzjonali 1999/188/Euratom,il-karatteristiċi tekniċi bażiċi tal-installazzjonijiet il-ġodda jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea tal-inqas 200 jum qabel ma tasal l-ewwel kunsinna ta’ materjal nukleari, abbażi tal-kwestjonarju fl-Anness I.

Għal kull installazzjoni ġdida b’inventarju jew kapaċità annwali ta’ “kilogramma effettiva” (ekwivalenti għal kilo ta’ plutonju), id-dikjarazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar is-sid, l-operatur, l-għan, il-post, it-tip, il-kapaċità u d-data mistennija għall-ikkummissjonar, li għandha tintbagħat mill-inqas 200 jum qabel ma tibda l-kostruzzjoni. L-informazzjoni dwar kwalunkwe modifika trid tingħata fi żmien 30 jum minn meta l-modifiki jkunu tlestew.

Programm ta’ attivitajiet

Il-Kummissjoni trid tinżamm infurmata dwar il-programm annwali ta’ attivitajiet li jikkonċernaw l-operazzjonijiet, il-wasliet ta’ materjali u l-ipproċessar tal-iskart, u l-operaturi jridu jagħtu mill-inqas 40 jum qabel ma jagħmlu inventarju fiżiku.

Is-salvagwardji nukleari

L-utenti tal-materjal nukleari jridu jżommu sistema ta’ rekords u jagħmlu dikjarazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-materjal nukleari li jżommu u jipproċessaw.

Il-Kummissjoni tivverifika dawn id-dikjarazzjonijiet għall-korrettezza u l-kompletezza biex tiżgura mill-ġdid liċ-ċittadini, lill-istati fornituri, u lill-komunità internazzjonali li l-materjal nukleari jintuża biss għal skopijiet paċifiċi.

Ir-regoli dwar is-salvagwardja nukleari jinkludu:

  • żoni ta’ bilanċ tal-materjal u l-għażla ta’ punti ewlenin ta’ kejl (dawn huma metodi użati biex jiddeterminaw il-fluss u l-ħażniet ta’ materjali nukleari);
  • bidliet fil-karatteristiċi tekniċi bażiċi li jirrikjedu avviż bil-quddiem;
  • proċeduri għaż-żamma ta’ rekords ta’ materjali nukleari u għat-tfassil ta’ rapporti;
  • proċeduri għat-teħid ta’ inventarji fiżiċi għal skopijiet ta’ kontabilità bħala parti mis-salvagwardja;
  • trażżin u sorveljanza miftiehma;
  • arranġamenti għat-teħid ta’ kampjuni għal finijiet ta’ salvagwardja.

Il-kontabilità għall-materjali nukleari

Trid tiġi stabbilita sistema ta’ kontabilità għall-materjali nukleari maħżuna jew użati f’installazzjoni biex tiġi żgurata superviżjoni mill-qrib. Ir-Rakkomandazzjoni 2009/120/Euratom tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ referenza tas-sistema ta’ kontabilità u kontroll tal-materjal nukleari (NMAC) ta’ operatur. Dawk responsabbli għall-installazzjonijiet iridu jissottomettu rapporti regolari lill-Kummissjoni, inklużi rapporti ta’ kontabilità, rapporti dwar il-bilanċ materjali li jiddeskrivu l-bidliet fil-materjali, rapporti dwar it-tibdil fl-inventarju u sommarju annwali tal-inventarji fiżiċi.

Rapportar u verifikazzjoni

L-utenti u d-detenturi ta’ materjal nukleari (uranju, plutonju, u torju) fl-UE għandhom iżommu rekords li jiddokumentaw il-flussi, il-proċessi u l-ħażniet. Kull xahar huma jridu jiddikjaraw il-flussi kollha ta’ materjali nukleari ġewwa u barra mill-installazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea. Darba fis-sena jridu jagħmlu inventarju tal-ħażniet kollha tal-materjal nukleari li jkollhom.

Trasferimenti bejn il-pajjiżi tal-UE

L-operaturi jridu jagħtu notifika bil-quddiem lill-Kummissjoni jekk kwalunkwe materja prima jew materjal fissili speċjali (mill-inqas kilogramma effettiva waħda, u li jeskludu l-materjali li jinsabu fl-iskart) huma:

  • esportati lejn pajjiż mhux tal-UE jew importati minnu;
  • trasportat bejn pajjiż tal-UE li ma għandux armi nukleari u pajjiż tal-UE li għandu armi nukleari (jiġifieri r-Renju Unit jew Franza).

Skart

Il-Kummissjoni trid tirċievi notifika bil-quddiem tal-biċċa l-kbira tal-operazzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament tal-iskart, inkluż il-post tal-iskart ikkundizzjonat (inkorporat fis-siment) li fih ċerti materjali nukleari bħall-uranju b’arrikkiment għoli.

Il-pajjiżi tal-UE b’armi nukleari (Franza u r-Renju Unit)

Ir-regolament ma japplikax għal installazzjonijiet jew materjali nukleari li ġew assenjati biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-difiża f’dawn iż-żewġ pajjiżi tal-UE.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-20 ta’ Marzu 2005. Emendi relatati mas sħubija tal-Kroazja fl-UE ilhom japplikaw mill-1 ta’Lulju 2013.

SFOND

L-Artikoli 77, 78, 79 u 81 tat-Trattat tal-Euratom (fil-Kapitolu 7 tat-Trattat) jittrattaw is-salvagwardji nukleari.

Ara wkoll:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 302/2005 tat-8 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni ta’ salvagwardji tal-Euratom – dikjarazzjoni tal-Kunsill/Kummissjoni (ĠU L 54, 28.2.2005, pp. 1-71)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 302/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/120/Euratom tal-11 ta’ Frar 2009 dwar l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ Kontabilità u Kontroll ta’ Materjal Nukleari minn operaturi ta’ installazzjonijiet nukleari (ĠU l 41, 12.2.2009, pp. 17-23)

l-aħħar aġġornament 30.06.2020

Top