EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Linji gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ

 

SOMMARJU TA’:

Linji gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

X’INHU L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA?

  • L-Artikolu 101 tat-TFUE (ex Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE)) jipprojbixxi l-kartelli* u mġiba li tipprevjeni, tillimita jew tfixkel il-kompetizzjoni (ftehimiet vertikali* u orizzontali*) b’ċerti eċċezzjonijiet (speċifikati taħt l-Artikolu 101(3)).
  • L-Artikolu 102 tat-TFUE (ex Artikolu 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE)) jipprojbixxi l-abbużi minn kumpaniji b’pożizzjoni dominanti.
  • Iż-żewġ Artikoli japplikaw biss meta jkun jista’ jiġi stabbilit li l-ftehimiet u l-prattiki jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Dawn il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea għandhom l-għan li jispjegaw u jistabbilixxu l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni, u b’hekk jirriflettu l-ġurisprudenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

  • Fil-każ tal-Artikolu 101 tat-TFUE, jekk il-ftehim kollu kemm hu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE, il-ftehim kollu jiġi soġġett għal-liġi tal-UE, inkluż kwalunkwe parti tal-ftehim li individwalment ma taffettwax il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. F’każijiet fejn ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn l-istess partijiet ikopru diversi attivitajiet, dawn l-attivitajiet għandhom, sabiex jiffurmaw parti mill-istess ftehim, ikunu marbuta direttament u jiffurmaw parti integrali mill-istess arranġament ġenerali tan-negozju. Jekk le, kull attività tikkostitwixxi ftehim separat.
  • Fil-każ tal-Artikolu 102 tat-TFUE, huwa l-abbuż li għandu jaffettwa l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. Aġir li jifforma parti minn strateġija globali segwita mid-ditta dominanti għandu jiġi vvalutat f’termini tal-impatt globali tiegħu. Meta ditta dominanti tadotta diversi prattiki sabiex jintlaħaq l-istess għan (eż. billi tfittex li telimina jew teskludi kompetituri), biex l-Artikolu 102 tat-TFUE jkun applikabbli għall-prattiki kollha li jiffurmaw parti minn din l-istrateġija ġenerali, huwa biżżejjed li tal-anqas waħda minn dawn il-prattiki tkun kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Il-linji gwida jiffukaw fuq 3 aspetti ewlenin u jfittxu li jiċċaraw:
    • il-kunċett tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE bħala li mhuwiex ristrett għal skambji tradizzjonali ta’ prodotti u servizzi bejn il-fruntieri. Dan huwa kunċett usa’, li jkopri l-attività ekonomika transfruntiera kollha inkluż l-istabbiliment*. Il-kunċett jimplika li għandu jkun hemm impatt fuq l-attività ekonomika transfruntiera li tinvolvi mill-inqas (partijiet minn) 2 pajjiżi tal-UE;
    • it-tifsira tal-kliem “tista’ taffettwa” li jiddefinixxi n-natura tal-impatt meħtieġ fuq il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. Skont it-test standard żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun possibbli li wieħed jantiċipa bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, abbażi ta’ sett ta’ fatturi oġġettivi tal-liġi jew tal-fatt, li l-ftehim jew il-prattika jista’ jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE. F’każijiet fejn il-ftehim jew il-prattika jistgħu jaffettwaw l-istruttura kompetittiva fl-UE, tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-liġi tal-UE;
    • il-kunċett tal-“apprezzabbiltà”: l-effett fuq il-kriterju tal-kummerċ jinkorpora element kwantitattiv, li jillimita l-ġurisdizzjoni tal-liġi tal-UE għal ftehimiet u prattiki li jistgħu jkollhom effetti ta’ ċertu kobor. L-apprezzabbiltà tista’ tiġi vvalutata b’mod partikolari b’referenza għall-pożizzjoni u l-importanza tad-ditti rilevanti fis-suq għall-prodotti kkonċernati. Din il-valutazzjoni tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, b’mod partikolari n-natura tal-ftehim u l-prattika, in-natura tal-prodotti koperti u l-pożizzjoni fis-suq tad-ditti kkonċernati.
  • Il-Kummissjoni tqis li fil-prinċipju l-ftehimiet mhumiex kapaċi jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE meta jiġu ssodisfati 2 kundizzjonijiet fl-istess ħin:
    • is-sehem mis-suq aggregat tal-partijiet fi ħdan is-suq rilevanti fl-UE ma jaqbiżx il-5 %; u
    • fil-każ ta’ ftehimiet orizzontali, il-fatturat annwali aggregat tad-ditti fil-prodotti kkonċernati ma jaqbiżx l-€40 miljun. Fil-każ ta’ ftehimiet vertikali, il-fatturat aggregat tal-fornitur fil-prodotti koperti kkonċernati ma jaqbiżx l-€40 miljun.
  • Il-linji gwida jinkludu analiżi ta’ diversi forom ta’ ftehimiet u prattiki li jipprovdu indikazzjoni ta’ kif il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ għandu jiġi applikat fil-prattika.
  • L-effett tal-kriterju tal-kummerċ huwa kriterju ġurisdizzjonali awtonomu tal-liġi tal-UE. Dan għandu jiġi vvalutat b’mod separat f’kull każ u huwa valutazzjoni distinta minn dik tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

MINN META JAPPLIKAW IL-LINJI GWIDA?

Dawn ilhom japplikaw mis-27 ta’ April 2004.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Kartelli: grupp ta’ kumpaniji simili iżda indipendenti li jingħaqdu flimkien biex jistabbilixxu l-prezzijiet, jillimitaw il-produzzjoni jew jaqsmu s-swieq jew il-konsumaturi bejniethom.
Ftehimiet vertikali: ftehimiet bejn ditti li joperaw f’livelli differenti tal-katina ta’ provvista, pereżempju, meta kumpanija tforni l-materjali ta’ produzzjoni lil kumpanija oħra.
Ftehimiet orizzontali: ftehimiet bejn ditti f’kompetizzjoni.
Stabbiliment: il-libertà tan-negozji (kemm jekk ikunu individwi li jaħdmu għal rashom kif ukoll jekk ikunu professjonisti jew persuni ġuridiċi, bħal ditti) li jkunu qed joperaw legalment f’pajjiż wieħed tal-UE biex iwettqu attività ekonomika b’mod stabbli u kontinwu f’pajjiż ieħor tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Avviż tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsabu fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, 27.4.2004, pp. 81-96)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq il-kompetizzjoni, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 102 (ex Artikolu 82 KE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 89)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 29.05.2020

Top