Help Print this page 
Title and reference
L-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE: l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

L-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE: l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE

Fl-interess kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, l-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli li jipprojbixxu l-kartelli li jiffissaw il-prezzijiet jew iqassmu s-swieq bejn il-kompetituri. L-UE tfittex ukoll li twaqqaf lill-intrapriżi milli jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom f’suq, pereżempju billi jitolbu prezzijiet inġusti jew jillimitaw il-produzzjoni.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

SOMMARJU

Fl-interess kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji, l-Unjoni Ewropea (UE) għandha regoli li jipprojbixxu l-kartelli li jiffissaw il-prezzijiet jew iqassmu s-swieq bejn il-kompetituri. L-UE tfittex ukoll li twaqqaf lill-intrapriżi milli jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom f’suq, pereżempju billi jitolbu prezzijiet inġusti jew jillimitaw il-produzzjoni.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jimplimenta r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE stipulati mill-Artikolu 101 (prattiki miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni) u mill-Artikolu 102 (l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (li qabel kienu l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Trattat tal-KE). Huwa introduċa regoli li biddlu, fuq kollox, l-aspetti tal-infurzar tal-politika dwar il-kompetizzjoni tal-UE.

Huwa jippermetti li r-regoli tal-kompetizzjoni preċedentement applikati mill-Kummissjoni Ewropea jiġu infurzati fuq bażi deċentralizzata mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-pajjiżi tal-UE. B’hekk, huwa saħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet tal-antitrust nazzjonali u tal-qrati fl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-UE. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tiffoka r-riżorsi tagħha fuq l-infurzar tal-aktar ksur serju tal-kompetizzjoni b’dimensjoni transkonfinali.

PUNTI EWLENIN

Proċeduri skont l-Artikolu 101 (TFUE) - antitrust

Il-każijiet għall-investigazzjoni ta’ ftehimiet anti-kompetittivi (eż. kartelli) huma kkawżati minn:

ilment (eż. minn kompetitur);

l-inizjattiva tal-awtorità tal-kompetizzjoni (awtorità nazzjonali jew il-Kummissjoni Ewropea);

applikazzjoni taħt programm ta’ klemenza (fejn parteċipant f’kartell jista’ jevita multa jew ikollu l-multa mnaqqsa jekk jipprovdi informazzjoni dwar il-kartell).

Meta l-Kummissjoni Ewropea tniedi investigazzjoni, hija jkollha firxa wiesgħa ta’ setgħat. Dawn jinkludu d-dritt li tintalab informazzjoni mill-kumpaniji, iżda wkoll li jingħata aċċess għad-dħul fil-bini tal-kumpaniji, li jiġu ssekwestrati r-rekords tagħhom u li jiġu interrogati r-rappreżentanti tagħhom.

Jekk, abbażi tal-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tiddeċiedi li ssegwi investigazzjoni fil-fond, hija tistabbilixxi dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (SO) li tibgħat lill-kumpaniji inkwistjoni.

Il-kumpaniji taħt investigazzjoni jistgħu jiksbu aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni u jwieġbu għall-SO. Huma jistgħu wkoll jitolbu sabiex issir seduta ta’ smigħ. Jekk, wara dan l-istadju, il-Kummissjoni xorta waħda tibqa’ konvinta li hemm ksur, hija tista’ toħroġ deċiżjoni ta’ ksur li tista’ tinkludi l-impożizzjoni ta’ multi fuq il-partijiet.

Minflok, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tadotta deċiżjoni ta’ impenn fejn ma tiġi imposta ebda multa. Hawnhekk, il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni, normalment għal perjodu partikolari. Jekk jiksru dan l-impenn, huma jistgħu jiġu mmultati.

Il-partijiet jistgħu jappellaw għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Qorti Ġenerali.

Skont id-Direttiva 2014/104/UE, il-vittmi ta’ kartelli jew ksur tal-antitrust jistgħu jiġu kkumpensati għad-danni.

Proċeduri skont l-Artikolu 102 (TFUE) - abbuż tad-dominanza

Awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali jew il-Kummissjoni tista’ tiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew wara li jitressaq ilment.

L-ewwel pass f’każijiet bħal dawn huwa li jiġi vvalutat jekk l-intrapriża involuta hijiex “dominanti”. Dan jinvolvi d-definizzjoni tas-suq tagħha kemm f’termini tal-prodott(i) li hija tforni kif ukoll f’termini taż-żona ġeografika fejn jinbiegħu. Bħala regola ġenerali, jekk is-sehem mis-suq ikun taħt l-40%, mela allura mhux probabbli li din tkun dominanti.

Jittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll fatturi oħrajn, bħal jekk hemmx ostakoli li jipprevjenu d-dħul ta’ parteċipanti ġodda fis-suq jew il-punt safejn l-intrapriża taħt investigazzjoni hija involuta f’livelli differenti tal-katina tal-provvista (magħrufa bħala “integrazzjoni vertikali”).

Il-pass li jmiss huwa li jiġi evalwat jekk din il-pożizzjoni dominanti hijiex qiegħda tiġi abbużata minħabba prattiki bħal ipprezzar predatorju (prezzijiet li jwaqqgħu lill-kompetituri), insistenza li l-intrapriża hija l-fornitur esklussiv, eċċ.

L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom l-istess setgħat ta’ investigazzjoni bħal fir-rigward tal-proċeduri skont l-Artikolu 101. Aspetti bħad-drittijiet ta’ difiża, is-sistema tal-SOs, id-deċiżjonijiet ta’ impenn, il-multi u l-kumpens huma wkoll identiċi.

Fl-aħħarnett, netwerk Ewropew għall-kompetizzjoni jikkonsisti fl-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali u l-Kummissjoni tippermettilhom jiskambjaw informazzjoni, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, sabiex tgħinhom jinfurzaw il-ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Mill-24 ta' Jannar 2003.

Għal aktar tagħrif, ara l-paġni dwar l-antitrust fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

24.1.2003

-

ĠU L 1 tal-4.1.2003, pp. 1-25

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 411/2004

9.3.2004

-

ĠU L 68 tas-6.3.2004, pp. 1-2

Ir-Regolament (KE) Nru 1419/2006

18.10.2006

-

ĠU L 269 tat-28.9.2006, pp. 1-3

Ir-Regolament (KE) Nru 169/2009

25.3.2009

-

ĠU L 61 tal-5.3.2009, pp. 1-5

Ir-Regolament (KE) Nru 246/2009

14.4.2009

-

ĠU L 79 tal-25.3.2009, pp. 1-4

Ir-Regolament (KE) Nru 487/2009

1.7.2009

-

ĠU L 148 tal-11.6.2009, pp. 1-4

L-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija għal referenza biss.

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123 tas-27.4.2004, pp. 18-24). Ara l-verżjoni kkonsolidata

Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea Test b'rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 349 tal-5.12.2014, pp. 1-19).

L-aħħar aġġornament: 31.07.2015

Top