EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Definizzjoni ta’ suq rilevanti

 

SOMMARJU TA’:

Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità

X’INHU L-GĦAN TAL-ATT?

Dan ifittex li jipprovdi gwida lill-kumpaniji u lil partijiet interessati oħra dwar l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea għad-definizzjoni tas-suq — l-ewwel pass kruċjali fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni f’ħafna każijiet ta’ antitrust u ta’ amalgamazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Fil-każ ta’ suspett ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE), l-ewwel element li għandu jitqies huwa s-suq rilevanti. Id-definizzjoni tas-suq rilevanti tfisser id-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ prattiki restrittivi u abbużi ta’ pożizzjoni dominanti (ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 — ara s-sommarju), kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-għaqdiet (ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 — ara s-sommarju).

Fi spirtu ta’ trasparenza, l-att jispjega l-metodi użati mill-Kummissjoni biex tiddefinixxi suq rilevanti fuq bażi ta’ każ b’każ. Din l-analiżi, li tinkorpora kemm il-prodott kif ukoll id-dimensjonijiet ġeografiċi tas-suq rilevanti, tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat jekk hemmx kompetituri attwali li kapaċi jirrestrinġu l-imġiba tad-ditti inkwistjoni u biex jiġi vvalutat il-grad ta’ kompetizzjoni reali fis-suq.

Id-definizzjoni tas-suq rilevanti

Is-suq rilevanti jgħaqqad is-suq tal-prodotti u s-suq ġeografiku, iddefiniti kif ġej.

  • Suq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi li huma kkonsidrati bħala li kapaċi li jiġu mibdula jew ikunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom.
  • Suq ġeografiku rilevanti hu magħmul minn żona fejn l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-fornitura ta’ prodotti jew servizzi u li fih il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu simili biżżejjed.

Analiżi biex tiddefinixxi s-suq rilevanti

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ kriterji li jistgħu jgħinuha tanalizza l-imġiba tad-ditti fis-suq u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq rilevanti. Madankollu, din il-metodoloġija tista’ twassal għal riżultati differenti li jiddependu min-natura tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Għalhekk, hija meħtieġa analiżi strutturata li hija wkoll flessibbli biżżejjed biex tqis iċ-ċirkostanzi individwali.

F’analiżi preliminari, il-Kummissjoni tipprova tiddefinixxi s-suq tal-prodott billi tinvestiga jekk żewġ prodotti jagħmlux parti mill-istess suq. Din tipprova tiddetermina wkoll is-suq ġeografiku billi tipproduċi ħarsa ġenerali lejn it-tqassim tal-ishma tas-suq miżmuma mill-partijiet inkwistjoni u mill-kompetituri tagħhom, il-prezzijiet mitluba u kwalunkwe differenza fil-prezz kbira ħafna.

Ladarba s-suq tal-prodotti u s-suq ġeografiku jkunu ġew iddefiniti, il-Kummissjoni twettaq analiżi aktar dettaljata bbażata fuq il-kunċett ta’ sostitwibbiltà. Id-ditti soġġetti għal sistema kompetittiva jridu jirrispettaw żewġ restrizzjonijiet ewlenin: is-sostituzzjoni ta’ domanda u s-sostituzzjoni ta’ provvista. Suq ikun kompetittiv jekk il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu bejn firxa ta’ prodotti b’karatteristiċi simili u jekk il-fornitur ma jiffaċċjax ostakli għall-provvista ta’ prodotti jew servizzi f’dak is-suq.

Il-kriterju ta’ sostitwibbiltà jippermetti li r-riċerka tkun immirata lejn kwalunkwe prodott sostitut, u b’hekk ikun possibbli li jiġu ddefiniti s-suq tal-prodotti rilevanti u s-suq ġeografiku bi grad ogħla ta’ ċertezza. Fl-aħħar stadju biss jiġi analizzat is-suq rilevanti biex jiġi ddeterminat il-grad ta’ integrazzjoni fis-swieq tal-UE.

Għalhekk, il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda (jiġifieri tal-klijenti) u tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-fornitura (jiġifieri tal-fornituri). Fl-ewwel każ, il-mistoqsija hija jekk il-klijenti għall-prodott inkwistjoni jistgħux jaqilbu faċilment għal prodott simili b’reazzjoni għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezz (ta’ bejn 5 % u 10 %). Fit-tieni każ, il-mistoqsija hija jekk fornituri oħra jistgħux faċilment jaqilbu l-produzzjoni għall-prodotti rilevanti u jbigħuhom fis-suq rilevanti.

Madankollu, dan il-kriterju ta’ sostitwibbiltà ma jikkunsidrax il-kundizzjonijiet li fihom joperaw id-ditti inkwistjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ, pereżempju, li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għas-suq definit. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvaluta d-dimensjoni tal-prodott u d-dimensjoni ġeografika tas-suq rilevanti, filwaqt li tqis l-elementi li ġejjin.

  • Il-passat riċenti. F’ċerti każijiet, huwa possibbli li tiġi analizzata evidenza relatata ma’ varjazzjonijiet riċenti fil-prezzijiet, pereżempju f’termini ta’ sostituzzjoni bejn żewġ prodotti jew f’termini tar-rispons tal-klijent.
  • Ir-riżultati ta’ studji speċifiċi. Huwa possibbli li tiġi vvalutata l-elastiċità tad-domanda* għal prodott permezz ta’ testijiet ekonometriċi u statistikali. Huwa utli wkoll li jiġi vvalutat is-suq ġeografiku abbażi ta’ fatturi li għandhom impatt fuq il-preferenzi lokali (bħall-kultura, il-lingwa, eċċ.).
  • L-opinjonijiet tal-klijenti u l-kompetituri. Il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja lill-klijenti u lill-kompetituri ewlenin tad-ditta inkwistjoni biex tiġbor evidenza fattwali u biex tevalwa r-reazzjoni tagħhom fil-każ ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet fiż-żona ġeografika.
  • Preferenzi tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tista’ titlob lid-ditti inkwistjoni għall-istudji tal-kummerċ li jkunu wettqu qabel ma jniedu prodott fis-suq jew jistabbilixxu l-prezz tiegħu. Tista’ wkoll tqabbel id-drawwiet tax-xiri tal-klijenti fis-suq rilevanti ma’ dawk ta’ klijenti oħrajn f’suq ġeografiku separat fejn jipprevalu kundizzjonijiet simili.
  • Ostakoli (regolatorji jew oħrajn) u nefqiet assoċjati mal-bdil tad-domanda għal prodotti jew żoni oħra.
  • Kategoriji differenti ta’ klijenti u diskriminazzjoni fil-prezzijiet. Grupp distint ta’ klijenti għall-prodott rilevanti jista’ jikkostitwixxi suq idjaq u distint meta dak il-grupp ikun soġġett għal diskriminazzjoni fil-prezz.

Bħala pass finali, il-Kummissjoni tqis il-proċess tal-integrazzjoni tas-suq u kif il-miżuri biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ u biex jinħoloq suq Ewropew integrat jista’ jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni f’suq ġeografiku partikolari.

Qabel ma tagħmel il-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta d-ditti ewlenin fis-settur dwar il-limiti tas-suq tal-prodotti u tas-suq ġeografiku. Fejn xieraq, tista’ twettaq ukoll spezzjoni fuq il-post.

Kalkulazzjoni tas-sehem tas-suq

Id-definizzjoni tas-suq rilevanti, kemm fil-prodott u fid-dimensjoni ġeografika tiegħu, tippermetti li jiġu identifikati l-operaturi tas-suq (il-fornituri, il-klijenti, il-konsumaturi). Fuq dik il-bażi, il-kejl totali ta’ suq u l-ishma tas-suq ta’ kull fornitur jista’ jkun kkalkulat b’referenza għall-bejgħ tagħhom tal-prodott rilevanti fiż-żona rilevanti.

L-istimi tal-kumpaniji, l-istudji kkummissjonati minn konsulenti tal-industrija jew minn assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u miċ-ċifri tal-fatturat tal-kumpaniji jgħinu biex jiġi kkalkulat id-daqs totali tas-suq u s-sehem tas-suq ta’ kull fornitur. Għalkemm il-bejgħ normalment ikun il-bażi użat għall-kalkolu tal-ishma tas-suq, hemm indikazzjonijiet oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni utli, skont il-prodott jew l-industrija speċifika inkwistjoni, bħall-kapaċità u l-għadd ta’ atturi fis-swieq tal-offerti, eċċ.

SFOND

F’konformità mal-Prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-funzjonament tal-att tagħha tal-1997 dwar id-definizzjoni tas-suq u, f’Lulju 2021, ħarġet rapport dwar is-sejbiet tagħha.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-elastiċità tad-domanda. Il-punt sa fejn id-domanda twieġeb għal bidla f’fatturi bħall-prezz, il-livell tal-introjtu, jew id-disponibbiltà ta’ sostituti.

DOKUMENT EWLIENI

Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU C 372, 9.12.1997, pp. 5-13).

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: evalwazzjoni tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità tad-9 ta’ Diċembru 1997 (SWD(2021) 199 final, 12.7.2021).

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Sommarju Eżekuttiv tal-evalwazzjoni tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità tad-9 ta’ Diċembru 1997 (SWD(2021) 200 final, 12.7.2021).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, pp. 1-22).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 26.10.2021

Top