Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva għandha l-għan li tadatta l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-iżviluppi teknoloġiċi u b’mod partikolari s-soċjetà tal-informazzjoni, filwaqt li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali. Barra minn hekk, din timplimenta żewġ trattati internazzjonali li ġew konklużi f’Diċembru 1996: it-Trattat dwar id-Dritt tal-Awtur WIPO u t-Trattat tal-Wirjiet u Fonogrammi WIPO.

Din hija waħda minn 10 direttivi, inklużi dawk dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, xogħlijiet orfni, u l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li flimkien jikkostitwixxu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tarmonizza d-drittijiet ewlenin mogħtija lill-awturi u lil detenturi ta’ drittijiet viċini (id-dritt ta’ riproduzzjoni, id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-dritt ta’ distribuzzjoni) u — sa livell inqas — eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet. Din tarmonizza wkoll il-protezzjoni tal-miżuri teknoloġiċi u tal-informazzjoni tal-immaniġġar tad-drittijiet, sanzjonijiet u rimedji.

Id-dritt ta’ riproduzzjoni

Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizzata jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b'kull mezz u f'kull forma, kollha jew parti:

  • għall-awturi, tax-xogħlijiet oriġinali jew il-kopji tagħhom;
  • għall-artisti, tal-iffissar* tal-wirjiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi, tal-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandiriet huma trażmessi bil-fili u sew jekk bl-arja (mingħajr fili), inkluż bil-cable jew bis-satellita

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Dan jinkludi li x-xogħlijiet tagħhom isiru disponibbli għall-pubbliku b’tali mod li membri tal-pubblikujistgħu jidħlu fihom meta u fejn iridu.

Il-pajjiżi tal-UE jrid ikollhom ukoll regoli dwar id-dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli:

  • għall-artisti, tal-iffissar tal-wirjiet tagħhom;
  • għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
  • għall-produtturi tal-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
  • għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, tal-iffissar tax-xandiriet tagħhom — irrispettivament mill-metodu ta’ trażmissjoni.

Dritt ta’ distribuzzjoni

  • Id-direttiva tistabbilixxi regola waħda applikabbli għall-UE kollha sabiex jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kwalunkwe distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom jew il-kopji ta' dawn.
  • Id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa eżawrit fl-UE fejn l-ewwel bejgħ jew l-ewwel trasferiment ieħor ta’ sidien fl-UE ta’ xogħol isir mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu.

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

Id-direttiva tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet, sabiex tiffaċilita l-użu ta’ kontenut protett f’ċirkustanzi partikolari.

Hemm eċċezzjoni obbligatorja għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti atti temporanji ta’ riproduzzjoni li huma parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku (kopji temporanji) u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jippermettu użu legali jew trażmissjoni f’netwerk bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, ta’ xogħol jew suġġett ieħor.

  • L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet l-oħra kollha relatati mad-drittijiet ta’ riproduzzjoni u l-komunikazzjoni huma fakultattivi (il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jimplimentawhom jew le) u jikkonċernaw b’mod partikolari l-qasam “pubbliku”. Għal tlieta minn dawn l-eċċezzjonijiet — reprografija*, użu privat u xandiriet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali — id-detenturi tad-drittijiet iridu jingħatw kumpens ġust.
  • L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ distribuzzjoni jingħataw skont l-eċċezzjonijiet relatati mar-riproduzzjoni jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku.

Protezzjoni legali

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu protezzjoni legali kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva li tkopru xogħlijiet jew suġġetti oħra.
  • Din il-protezzjoni legali hija relatata wkoll ma’ “atti preparatorji” bħall-manifattura, l-importazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ servizzi għal xogħlijiet b’użu limitat.

Protezzjoni tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-drittijiet

Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu protezzjoni legali kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità kull att minn dawn li ġejjin:

  • it-tneħħija jew tibdil ta’ kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġar ta’ drittijiet;
  • id-distribuzzjoni, xandir, komunikazzjoni jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku xogħlijiet jew suġġett ieħor li minnha informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġar ta’ drittijiet tkun tneħħiet.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din tapplika mit-22 ta’ Ġunju 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-22 ta’ Diċembru 2002.

TERMINI EWLENIN

* Iffissar: xogħol irid ikun parti minn kopja li persuni oħrajn ikunu jistgħu jarawha jew jikkuppjawha (jiġifieri mezz tanġibbli bħal reġistrazzjoni).

* Reprografija: ix-xjenza u l-prattika tal-ikkuppjar u r-riproduzzjoni ta’ dokumenti u materjali grafiku.

ATT

Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10-19)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45-86) (“IPRED”). Ara l- verżjoni konsolidata.

Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72-98) id-“Direttiva CRM”)

Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verjoni kodifikata) (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 8-35) id-“Direttiva dwar il-kiri u s-self”)

Id-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU L 272, 13.10.2001, p. 32-36) id-“Direttiva dwar il-bejgħ mill-ġdid”)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15-21) id-“Direttiva dwar is-Satellita u l-Cable”)

Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16-22) id-“Direttiva dwar is-Softwer”)

Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20-28) id-“Direttiva dwar id-Databases”)

Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12–18) id-“Diretiva dwar il-perjodu ta’ protezzjoni”). Ara l- verżjoni konsolidata.

Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5-12) id-“Direttiva dwar ix-Xogħlijiet Orfni”)

l-aħħar aġġornament 04.04.2016

Top