Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2005/56/KE — mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tiffaċilita l-mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata* fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, id-direttiva tkopri l-kumpaniji kollha ta’ responsabbiltà limitata ffurmati skont il-liġi ta’ pajjiż tal-UE u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom jew il-post prinċipali tan-negozju fl-UE, sakemm mill-inqas tnejn minnhom ikunu rregolati mil-liġi ta’ pajjiżi tal-UE differenti. Ċerti tipi ta’ kumpaniji huma esklużi, bħal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), jew fondi mutwi.

Id-direttiva tistabbilixxi l-proċeduri għal mergers transkonfinali, inkluż:

  • it-termini komuni tal-merger, pereżempju, l-ismijiet u l-uffiċċji rreġistrati tal-kumpaniji li se jingħaqdu u dawk proposti għall-kumpanija merger li tirriżulta, inkluża l-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ termini,
  • it-tħejjija ta’ rapport mill-organu tal-ġestjoni tal-kumpaniji li qed jingħaqdu li jispjega l-aspetti ekonomiċi u legali u l-impatt tal-merger proposta għall-benefiċċju kemm tal-membri kif ukoll tal-impjegati,
  • it-tħejjija ta’ rapport minn espert indipendenti dwar l-implikazzjonijiet tal-merger,
  • l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali tal-kumpaniji li qed jingħaqdu tal-abbozz ta’ termini komuni.

Kull pajjiż tal-UE jrid jaħtar awtorità kompetenti sabiex toħroġ ċertifikat qabel il-merger li jikkonferma li l-formalitajiet ta’ qabel il-merger twettqu kif dovut u jivverifika l-legalità tal-merger li tirriżulta.

Il-liġi tal-pajjiż tal-UE li jirregola l-kumpanija magħquda li tirriżulta għandha tiddetermina d-data tad-dħul fis-seħħ tal-merger. Ir-reġistru* tal-kumpanija magħquda li tirriżulta jrid jinnotifika lir-reġistri tal-kumpaniji l-oħra involuti mingħajr dewmien li l-merger transkonfinali ħadet effett.

Il-konsegwenzi tal-merger transkonfinali jinkludu:

  • li l-kumpaniji li qed jingħaqdu ma jibqgħux jeżistu,
  • it-trasferiment lill-kumpanija magħquda ġdida tal-attiv u l-passiv kollu tal-kumpaniji li qed jingħaqdu,
  • il-membri tal-kumpaniji li qed jingħaqdu jsiru membri tal-kumpanija ġdida magħquda.

Fir-rigward tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, il-prinċipju ġenerali huwa li tapplika l-liġi nazzjonali li tirregola l-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali.

Bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali, japplikaw prinċipji u proċeduri li huma qrib ħafna ta’ dawk li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati stabbiliti fl-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea sakemm jiġu sodisfati ċerti kundizzjonijiet speċifikati. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, pereżempju, li waħda mill-kumpaniji li qed jingħaqdu jkollha numru medju ta’ impjegati ta’ aktar minn 500 u li topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2005. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-15 ta’ Diċembru 2007.

SFOND

Il-liġi tal-kumpaniji tal-UE

TERMINI EWLENIN

* Kumpanija ta’ responsabbiltà limitata hija waħda fejn il-membri tal-kumpanija ma jistgħux jinżammu responsabbli personalment għad-djun jew il-passivi tal-kumpanija.

* Reġistru tirreferi għall-korp nazzjonali, eż. r-reġistru ta’ kumpaniji, fejn kull waħda mill-kumpaniji li qed jingħaqdu hija meħtieġa tippreżenta d-dokumenti.

ATT

Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1–9)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/56/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 26.01.2016

Top