Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Liġijiet nazzjonali armonizzati dwar il-protezzjoni tad-disinji

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Liġijiet nazzjonali armonizzati dwar il-protezzjoni tad-disinji

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 98/71/KE dwar il-protezzjoni legali ta' disinji

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

L-għan tagħha huwa li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' disinji biex tiżgura li d-detentur xieraq ikollu l-istess protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Jeżistu liġijiet nazzjonali flimkien ma' sistema mifruxa mal-UE kollha sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li jkun kopert minn protezzjoni uniformi.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tapplika għad-drittijiet tad-disinn* irreġistrati:

Il-kundizzjonijiet ta' protezzjoni

Sabiex jikkwalifika għal protezzjoni, disinn irid ikun ġdid u jkollu karattru individwali. Il-pajjiżi tal-UE jipproteġu d-disinji billi jirreġistrawhom u jikkonferixxu drittijiet esklussivi fuq id-disinjaturi tagħhom.

It-terminu ta’ protezzjoni

Id-disinn huwa protett għal perjodu wieħed jew iktar ta' 5 snin, b'durata massima ta' 25 sena. Il-protezzjoni tikkonferixxi fuq id-detentur id-dritt esklussiv li juża d-disinn u tipprevjeni kwalunkwe parti terza milli tagħmel użu minnu.

Id-drittijiet ikkonferiti mir-reġistrazzjoni

Ir-reġistrazzjoni ta' disinn għandha tikkonferixxi fuq id-detentur tiegħu d-dritt esklussiv li jużah u jipprevjeni kwalunkwe parti terza mhux awtorizzata milli tagħmel użu minnu.

Ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet

Id-drittijiet ikkonferiti minn dritt ta' disinn ma jestendux għal:

  • atti magħmula fuq bażi privata u għal skopijiet mhux kummerċjali;
  • atti magħmula għal skopijiet sperimentali;
  • atti ta' riproduzzjoni għal skopijiet illustrattivi jew edukattivi;
  • tagħmir abbord vapuri u inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajjiż ieħor meta dawn jidħlu temporanjament fit-territorju tal-pajjiż tal-UE konċernat;
  • l-importazzjoni fil-pajjiż tal-UE ta' spare parts u aċċessorji għat-tiswija ta' inġenji bħal dawn;
  • it-twettiq ta' tiswijiet fuq inġenji bħal dawn.

Esklużi wkoll mill-protezzjoni huma:

  • oġġetti inkorporati fi prodott li mhumiex viżibbli matul l-użu “normali” ta' dan il-prodott;
  • il-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu;
  • il-karatteristiċi tad-dehra ta' prodott li jridu jiġu riprodotti sabiex jippermettu li l-prodott ikun konness b'mod mekkaniku ma', poġġut fi jew madwar, jew f'kuntatt ma' prodott ieħor;
  • tagħmir abbord vapuri u inġenji tal-ajru li jidħlu temporanjament fit-territorju ta' pajjiż ieħor tal-UE;
  • spare parts u aċċessorji li huma importati f'dak il-pajjiż tal-UE għat-tiswija tal-inġenju msemmi;
  • disinji li jmorru kontra l-ordni pubblika jew il-moralità pubblika.

Invalidità

Id-dritt ta' disinn jista' jiġi dikjarat invalidu, f'ċertu każijiet definiti, anke wara li dan ikun skada jew ġie ċedut (jiġifieri d-dritt ikun ġie ċedut mid-detentur tad-drittijiet).

Ir-relazzjoni ma' forom oħra ta' protezzjoni

Jekk, f'pajjiż tal-UE, id-disinji jkunu protetti bil-liġijiet li jikkonċernaw disinji mhux reġistrati, id-drittijiet tal-awtur, il-marki kummerċjali, il-privattivi u mudelli utilitarji oħrajn jew kwalunkwe liġi oħra, dawn il-liġijiet xorta japplikaw flimkien mal-leġiżlazzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tad-disinji.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mis-17 ta’ Novembru 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-28 ta’ Ottubru 2001.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Disinn: Id-dehra ta' prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta', b'mod partikolari, il-linji, il-kontorni, il-kuluri, il-forma, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott stess u/jew tal-ornamentazzjoni tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta' databases ĠU L 289, 28.10.1998, p. 28-35)

ATTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta' Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, 5.1.2002, pp. 1-24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 6/2002 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 07.07.2016

Top