Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Disinn komunitarju

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Disinn komunitarju

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 dwar il-protezzjoni tad-disinji Komunitarji

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi sistema mifruxa mal-UE kollha sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li jkun kopert minn protezzjoni uniformi. Huwa jistabbilixxi l-proċedura għar-reġistrazzjoni tad-disinji mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI).

Is-sistema tal-UE tikkoeżisti ma’ sistemi ta’ protezzjoni nazzjonali. Kwalunkwe kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament huma koperti mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Sabiex jikkwalifikaw għal protezzjoni, id-disinji għandhom ikunu ġodda u jkollhom karattru individwali (għandhom ikunu differenti mill-prodotti eżistenti).
  • Partijiet minn prodotti kumplessi li d-dehra tagħhom tiddetermina d-disinji kkonċernati (bħal partijiet ta’ sostituzzjoni viżibbli fil-karozzi) ma jiġux protetti minn din is-sistema.
  • Madankollu, partijiet minn prodotti oħrajn li huma viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott li fih ikunu integrati jistgħu jikkwalifikaw għal protezzjoni.

Drittijiet għal disinji Komunitarji

Id-dritt għad-disinn Komunitarju jingħata lid-disinjatur jew lis-suċċessur tiegħu fit-titolu. Ir-regolament jippermetti 2 tipi ta’ protezzjoni tad-disinji, li t-tnejn japplikaw direttament fil-pajjiżi kollha tal-UE.

  • 1.

    Disinn Komunitarju mhux irreġistrat:

    • ebda formalità,
    • protezzjoni għal żmien qasir għal massimu ta’ 3 snin mid-data li fiha d-disinn kien tpoġġa disponibbli għall-ewwel darba għall-pubbliku tal-UE, jiġifieri meta l-prodott tpoġġa għall-bejgħ permezz ta’ miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni jew pubblikazzjoni minn qabel.
  • 2.

    Disinn Komunitarju rreġistrat:

    • irreġistrat mal-UASI,
    • protezzjoni għal minimu ta’ 5 snin u massimu ta’ 25 sena.

Id-disinji rreġistrati huma koperti kemm kontra l-ikkopjar kif ukoll kontra l-iżvilupp indipendenti ta’ disinji simili, filwaqt li d-disinji mhux irreġistrati huma protetti biss kontra l-ikkopjar.

Limitazzjoni tad-drittijiet

Id-drittijiet jeskludu għadd ta’ atti, inklużi:

  • dawk magħmula privatament u għal skopijiet mhux kummerċjali,
  • dawk magħmula għal skopijiet sperimentali,
  • atti ta’ riproduzzjoni, bħal dawk għal skopijiet ta’ tagħlim.

Ir-regolament ma japplikax għall-apparat fuq il-vapuri u l-inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiż terz meta dawn jidħlu temporanjament fit-territorju tal-UE.

Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju

  • Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju tista’ titressaq lill-UASI jew lil uffiċċju nazzjonali tal-proprjetà industrijali.
  • L-applikazzjonijiet kollha jintbagħtu lill-UASI, li jwettaq eżaminazzjoni formali u, fejn applikabbli, jagħti d-disinn Komunitarju lill-applikant billi jdaħħlu fir-reġistru tad-disinji Komunitarji.
  • Ir-reġistrazzjoni mbagħad tiġi ppubblikata mill-uffiċċju f’bulettin miftuħ għall-pubbliku.
  • L-applikant jista’ jitlob li l-pubblikazzjoni tiġi differita għal perjodu ta’ 30 xahar mid-data tal-preżentazzjoni sabiex jiġi protett tagħrif sensittiv.

Liċenzji

Disinn Komunitarju jista’ jkun liċenzjat għall-UE kollha jew għal parti minnha. Liċenzja tista’ tkun esklussiva jew mhux esklussiva. Il-kunsens tad-detentur tad-dritt huwa essenzjali.

Invalidità

Disinn Komunitarju rreġistrat jista’ jiġi ddikjarat bħala invalidu jekk:

  • id-disinn ma jissodisfax ir-rekwiżiti stipulati għal disinn Komunitarju;
  • id-detentur ma jkollux dritt għad-disinn Komunitarju;
  • id-disinn jikkostitwixxi użu mhux xieraq ta’ xogħol protett skont il-liġi dwar id-dritt tal-awtur ta’ pajjiż tal-UE.

Penali

Il-miżuri li jistgħu jittieħdu f’każ ta’ ksur huma stabbiliti fir-regolament. Dawn jinkludu l-projbizzjoni tal-produzzjoni u s-sekwestru tal-prodotti ffalsifikati. Il-qorti ta’ pajjiż tal-UE tista’ timponi wkoll penali oħrajn.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa beda japplika mis-6 ta’ Marzu 2002.

SFOND

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1-24)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 6/2002 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 29.02.2016

Top