EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati: il-perjodu ta’ protezzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/116/KE dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Tfittex li tarmonizza l-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur* u ċerti drittijiet relatati*.

Tikkodifika u tirrevoka d-Direttiva 93/98/KEE li armonizzat il-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati.

PUNTI EWLENIN

Il-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal xogħol letterarju jew artistiku huwa ta’ 70 sena minn:

  • il-mewt tal-awtur tax-xogħol, jew il-mewt tal-aħħar ko-awtur li jibqa’ ħaj fil-każ ta’ xogħol ta’ sjieda konġunta;
  • id-data meta x-xogħol sar legalment disponibbli għall-pubbliku jekk huwa anonimu jew kien prodott taħt psewdonimu.

Il-perjodu ta’ protezzjoni għal film jew xogħol awdjoviżiv huwa ta’ 70 sena wara l-mewt tal-aħħar persuna li tibqa’ ħajja fost dawn li ġejjin:

  • id-direttur prinċipali;
  • l-awtur tal-iscreenplay;
  • l-awtur tad-djalogu; u
  • il-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fil-film jew fix-xogħol awdjoviżiv.

Id-direttiva ġiet emendata bid-Direttiva 2011/77/UE li estendiet it-tul tal-protezzjoni għar-reġistrazzjonijiet tal-mużika. Dan għaliex l-artisti spiss jibdew il-karrieri tagħhom kmieni, u l-perjodu ta’ 50 sena għall-iffissar ta’ rappreżentazzjonijiet, bħalma huma r-reġistrazzjonijiet, ma pproteġix ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għal tul ħajjithom kollha. Għalhekk testendi d-drittijiet ta’ artisti u produtturi ta’ fonogrammi fuq reġistrazzjonijiet tal-mużika minn 50 sa 70 sena.

Id-Direttiva 2011/77/UE tarmonizza wkoll il-mod kif jiġi kkalkolat il-perjodu ta’ protezzjoni għall-kanzunetti, u kompożizzjonijiet mużikali oħrajn bi kliem, maħluqa minn bosta awturi. Il-perjodu ta’ protezzjoni jiskadi 70 sena wara l-mewt tal-aħħar persuna li tibqa’ ħajja (jiġifieri tal-awtur tal-kliem jew il-kompożitur tal-mużika).

Drittijiet relatati

Il-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet relatati (produtturi ta’ films u organizzazzjonijiet tax-xandir) huwa ta’ 50 sena. Dan huwa kkalkolat fuq bażi ta’ każ b’każ mid-data tar-rappreżentazzjoni, il-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni tal-iffissar tiegħu. Il-perjodu ta’ protezzjoni tal-artisti u tal-produtturi ta’ fonogrammi kien estiż sa 70 sena mid-Direttiva 2011/77/UE.

Il-kalkolazzjoni tal-perjodi

Il-perjodu ta’ protezzjoni jibda simultanjament fil-pajjiżi kollha tal-UE. Huwa kkalkolat mill-1 ta’ Jannar tas-sena li ssegwi l-avveniment li jagħti bidu għad-dritt.

Il-protezzjoni ta’ xogħlijiet li joriġinaw f’pajjiżi li mhumiex fl-UE

Jekk ix-xogħol joriġina f’pajjiż li mhuwiex fl-UE u l-awtur mhuwiex ċittadin tal-UE, il-protezzjoni mogħtija fl-UE tispiċċa fid-data finali tal-protezzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, iżda m’għandhiex taqbeż il-perjodu stabbilit fl-UE.

Notifika

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea kwalunkwe pjan għal drittijiet ġodda relatati.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Saret applikabbli mis-16 ta’ Jannar 2007.

Id-Direttiva 2006/116/KE tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE li kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Drittijiet tal-awtur: tipproteġi l-interessi tal-ħallieqa billi tagħtihom drittijiet ta’ proprjetà fuq il-kreazzjonijiet jew ix-xogħlijiet tagħhom.
Drittijiet relatati: dawn jipproteġu l-interessi legali ta’ persuni u korpi li jew:
  • jikkontribwixxu biex ix-xogħlijiet isiru disponibbli għall-pubbliku; jew
  • jipproduċu materjal li, għalkemm ma jikkwalifikax bħala “xogħlijiet” taħt is-sistemi tad-drittijiet tal-awtur tal-pajjiżi kollha, jesprimi kreattività jew ħila teknika u organizzattiva biżżejjed biex jiġġustifika r-rikonoxximent ta’ dritt ta’ proprjetà li jixbah id-drittijiet tal-awtur.

ID-DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) (ĠU L 372, 27.12.2006, pp. 12-18)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/116/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 11.01.2019

Top