EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-dritt tal-kiri, id-dritt tas-self u ċerti drittijiet oħrajn relatati mad-dritt tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali

Id-direttiva tarmonizza s-sitwazzjoni legali fir-rigward tad-dritt tal-kiri, id-dritt tas-self u ċerti drittijiet relatati, sabiex b’hekk jiġi pprovdut livell akbar ta’ protezzjoni għal proprjetà letterarja u artistika. Hija titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex ikollhom liġijiet dwar id-dritt li jawtorizzaw jew jipprojbixxu l-kiri u s-self tax-xogħlijiet oriġinali u ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur. Hija tiddetermina min għandu dawn id-drittijiet u tistipula ċerti proċeduri għall-eżerċitar tagħhom.

ATT

Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar id-dritt tal-kiri u d-dritt tas-self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kkodifikata).

SOMMARJU

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu liġijiet li jagħtu d-dritt għall-awtorizzazzjoni jew għall-projbizzjoni tal-kiri u tas-self tax-xogħlijiet oriġinali u ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur.

  • Kiri jfisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu ta’ żmien limitat u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett.
  • Self ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perjodu ta’ żmien limitat u għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett, meta dan isir permezz ta’ stabbilimenti li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

Id-detenturi ta’ dritt

Id-detenturi tad-drittijiet tal-kiri u tas-self huma l-awturi, inklużi d-diretturi prinċipali tal-films, l-artisti, il-produtturi tal-fonogrammi jew il-produtturi tal-films. It-trasferiment tad-drittijiet tal-artisti li jidhru fil-films huwa rregolat minn regoli speċjali.

It-terminazzjoni jew it-trasferiment ta’ dritt

Meta awtur jew artist ikun ittrasferixxa jew assenja d-dritt tal-kiri tiegħu rigward fonogramma jew film oriġinali jew kopja ta’ film, huwa jżomm id-dritt li jitħallas ammont ekwitabbli għall-kiri tagħhom. Dan id-dritt ma jistax jiġi rrinunzjat. Madankollu, l-amministrazzjoni tiegħu tista’ tiġi ddelegata lis-soċjetajiet kolletturi li jirrappreżentaw lill-awturi jew lill-artisti.

Deroga għad-dritt tas-self

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jidderogaw mid-dritt tas-self esklussiv, diment li għall-inqas l-awturi jiksbu ħlas għal tali self. Il-pajjiżi tal-UE huma liberi li jiddeterminaw dan il-ħlas billi jieħdu f’kunsiderazzjoni l-objettivi tal-promozzjoni kulturali tagħhom.

Drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur

Fir-rigward tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-artisti u l-organizzazzjonijiet tax-xandir jingħataw drittijiet esklussivi ta’ ffissar. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-artisti jkollhom id-dritt esklussiv tax-xandir u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward tar-rappreżentazzjonijiet diretti tagħhom. Ix-xandir jew il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogramma ppubblikata għal skopijiet kummerċjali jintitolaw lill-artisti u lill-produtturi għal rimunerazzjoni. L-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu x-xandir mill-ġdid tax-xandiriet tagħhom, kif ukoll il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xandiriet tagħhom, jekk din isseħħ f’żoni pubbliċi u titħallas miżata mad-dħul.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-artisti, il-produtturi tal-fonogrammi, il-produtturi tal-ewwel iffissar ta’ films u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom dritt esklussiv li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, permezz ta’ bejgħ jew b’mod ieħor, iffissar tar-rappreżentazzjonijiet tagħhom, il-fonogrammi tagħhom, l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom u ffissar tax-xandiriet tagħhom. Dan id-dritt ta’ distribuzzjoni jiġi eżawrit fl-UE fejn isir l-ewwel bejgħ ta’ dawn l-oġġetti mid-detentur tad-dritt jew inkella bil-kunsens tiegħu.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprevedu limitazzjonijiet għad-drittijiet relatati fir-rigward tal-użu privat, l-użu ta’ siltiet qosra jew ċerti użijiet oħrajn.

Il-protezzjoni tad-drittijiet relatati mad-dritt tal-awtur skont id-direttiva b’ebda mod ma għandha taffettwa l-protezzjoni tad-dritt tal-awtur.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

Direttiva 2006/115/KE

16.1.2007

1.7.1994 għad-dispożizzjonijiet ta’ 92/100/KEE (imħassra) 30.6.1995 għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/98/KEE (imħassra) 21.12.2002 għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29/KE (imħassra)

ĠU L 376 tas-27.12.2006

ATTI RELATATI

Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern [Ġurnal Uffiċjali L 84 tal-20.3.2014].

Din id-direttiva għandha l-għan li tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi onlajn jiksbu liċenzji għal servizzi mużikali transkonfinali mingħand l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv li joperaw tul il-fruntieri tal-UE. Hija għandha żżid ukoll it-trasparenza u l-effikaċja fil-funzjonament tal-organizzazzjonijiet għall-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur.

L-aħħar aġġornament: 16.06.2014

Top